-
-
L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi
-
Il-Lukanda Ramla Bay, Marfa
2 ta’ Novembru 2018Meta nħares lejkom miġburin hawnhekk għall-Mariapolis li tibda llejla, u meta naħseb fuq dak li jfisser il-Moviment tal-Fokolari, mal-ewwel jiġini f’moħħi l-motto li għażilt biex ikun ta’ ispirazzjoni fil-ministeru tiegħi bħala isqof: ‘Ngħożżu l-ħajja bl-imħabba’. Intom diġà impenjati f’dan, dan il-motto qed tgħixuh bl-għażliet li għamiltu.
Nixtieq illum nirriflettu fuq dawn iż-żewġ punti: il-ħajja u l-imħabba.
Il-ħajja ta’ dejjem tibda minn issaNgħożżu l-ħajja. Bħalma niftakru u nfakkru spiss, il-ħajja għandna nħarsuha mill-ewwel mument tagħha, jiġfieri mill-konċepiment, sat-tmiem naturali tagħha. Imma ngħożżu l-ħajja wkoll f’kull waqt tagħha. Il-ħajja hija don ta’ Alla. Tahielna biex nieħdu ħsiebha. Magħha tagħna wkoll id-destinazzjoni, jiġifieri fejn irridu naslu, ma’ Alla fis-sema fil-ħajja ta’ dejjem – dak li qed infakkru llum 2 ta’ Novembru meta nagħmlu t-tifikira tal-fidili mejtin kollha. Imma Ġesù wriena xi ħaġa sabiħa ħafna – li l-ħajja ta’ dejjem tibda minn issa, minn kif ngħixu ż-żmien li Alla jafdalna f’idejna. Chiara Lubich kienet tenfasizza s-sejħa tal-mument preżenti. Issa, il-mument preżenti, hu l-mument li Alla jagħtina biex nagħmlu minn ħajjitna offerta sabiħa lil Alla li twassalna għall-ħajja ta’ dejjem.
Dak li nagħmlu bl-imħabba għandu valur eternNgħożżu l-ħajja bl-imħabba. Intom bir-raġun tenfasizzaw il-liġi tal-imħabba bħala dik li għandha tmexxi din l-esperjenza tal-Mariapolis imma wkoll ħajjitkom kollha. Ġesù hekk għallimna u wriena. Meta aħna naħdmu b’imħabba, qegħdin nagħmlu xi ħaġa eterna, li tgħaqqadna mal-ħajja ta’ dejjem. Ħidmiet oħra jibdew u jispiċċaw, imma dak li jsir b’imħabba, anke meta huma affarijiet ċkejknin, bħalma jsemmi l-Papa Franġisku fl-eżortazzjoni appostolika Ifirħu u Thennew, għandu valur etern.
Sejħa speċjali fis-soċjetà u fil-KnisjaNixtieqkom tapprezzaw is-sejħa speċjali li intom għandkom fis-soċjetà Maltija u fil-Knisja llum li tkunu strumenti ta’ mħabba, li tiżirgħu ż-żerriegħa tal-imħabba kulfejn tkunu. Hemm bżonn ta’ din ix-xhieda u din il-ħidma tagħkom. Ħudu, pereżempju, kif kultant is-social media tkun miżgħuda b’insulti, b’kummenti li jweġġgħu, li jagħmlu l-ħsara, li joħolqu diviżjoni. Ħuduha bħala l-missjoni speċjali tagħkom li tiżirgħu l-imħabba, ukoll f’ambjent ostili. Kif kien jgħid San Ġwann tas-Salib, “Fejn ma ssibx imħabba, qiegħed l-imħabba u ssib l-imħabba.” U tassew, dik hi l-esperjenza tagħna fil-ħajja.
Hemm ukoll il-komunitajiet tagħna li jeħtieġu din ix-xhieda ta’ mħabba u ta’ għaqda, speċjalment fejn hemm min qed joħloq il-firda ġieli fl-istess ħwejjeġ imsejħa ‘reliġjużi’. Papa Franġisku, meta f’Mejju li għadda kien Loppiano u kellem lill-Fokolari f’diskors sabiħ ħafna u li naf li se tistudjawh waqt il-Mariapolis, f’mument minnhom, isemmi x’qallu wieħed saċerdot li staqsih x’inhu l-oppost tal-‘jien’. Qallu: mhux ‘int’ l-oppost tal-‘jien’, imma ‘aħna’. Għax dak li nistgħu niksbu aħna flimkien f’għaqda ma nistax niksbu jien waħdi. Għalhekk, nistedinkom, kull fejn tkunu: iżirgħu ż-żerriegħa tal-imħabba. Il-frott ta’ din iż-żerriegħa forsi ma jidhirx mal-ewwel imma jkun hemm żgur.
Mariapolis: il-Belt ta’ MarijaMariapolis hi l-belt ta’ Marija, u biex ngħożżu l-ħajja bl-imħabba, tajjeb inħarsu lejn Marija li tagħtina l-isbaħ eżempju. Marija turina dan meta ddawwar b’għożża u bi mħabba lil sid il-ħajja li għandha f’idejha. Ħajjitha kollha hi hekk. Fil-Knisja tal-bidu wkoll qiegħda hemm, flimkien mad-dixxipli, biex issaħħaħ l-għaqda bejniethom u tgħallimhom jgħożżu l-ħajja bl-imħabba.
Nitolbu f’din l-Ewkaristija li ngħożżu l-ħajja bl-imħabba u li Marija tkompli tkun għalina ta’ ispirazzjoni qawwija f’dan.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju