Il-Qdusija Tiegħu il-Papa Benedittu XVI ħatar lil Monsinjur Charles J. Scicluna Isqof Awżiljari ta’ Malta u nnominah Isqof Titulari ta’ San Leone.  Bħala Isqof Awżiljari, Monsinjur Scicluna, li għandu 53 sena, huwa msejjaħ biex ikun il-kollaboratur u l-konsulent l-iżjed qrib tal-Arċisqof ta’ Malta, Monsinjur Pawlu Cremona O.P, u biex ikollu responsabilitajiet ta’ tmexxija fil-Kurja kif ukoll fil-ministeru pastorali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta. Ma’ l-Ordinazzjoni Episkopali, li ser issir fis-24 ta’ Novembru li ġej, Monsinjur Scicluna isir membru tal-Konferenza Episkopali Maltija flimkien ma’ Monsinjur Arċisqof u ma’ l-Isqof t’Għawdex, Monsinjur Mario Grech.

Monsinjur Scicluna, li twieded il-Kanada fl-1959, trabba u ġie edukat Malta u ggradwa avukat mill-Università ta’ Malta fl-1984. Ġie ordnat saċerdot mill-Arċisqof Emeritu Monsinjur Ġużeppi Mercieca fl-1986. Monsinjur Scicluna ggradwa Duttur fid-Dritt Kanoniku mill-Università Pontificja Gregorjana fl-1991 u ħadem fuq it-Tribunal Metroplitan u f’numru ta’ parroċċi, fosthom il-parroċċa ta’ Ħal Lija fejn jgħix mal-familja. Għal dawn l-aħħar 17-il sena ta s-servizz tiegħu lill-Knisja Universali billi ħadem fil-Vatikan fuq uħud mill-iżjed kawżi iebsa taħt it-tmexxija għaqlija tal-Kadinal Joseph Ratzinger, illum il-Papa Benedittu XVI.  Monsinjur Scicluna huwa espert magħruf fid-Dritt Kanoniku, il-Liġi tal-Knisja, irrispettat mill-esperti sħabu madwar id-dinja għall-ħila tiegħu fit-tagħlim u għall-esperjenza kbira tiegħu fil-qasam tal-protezzjoni tal-minuri.  Huwa apprezzat għan-natural dħuli tiegħu u għas-sens qawwi ta’ rettitudni. Il-poplu Malti żgur jiftakar lil Monsinjur Scicluna bħala l-postulatur li mexxa il-kawża tal-beatifikazzjoni u l-kanonizzazzjon ta’ San Gorg Preca bejn l-1996 u l-2007. Il-Qdusija Tiegħu il-Papa issa sejjaħ lil Monsinjur Scicluna biex ikun membru tal-Kulleġġ ta’ l-Isqfijiet u afdah bil-missjoni li jaħdem fil-Knisja ta’ Malta taħt it-tmexxija ta’ l-Arcisqof Monsinjur Pawl Cremona O.P.

[vimeo]http://vimeo.com/50880540[/vimeo]

Filmat: It-tħabbira min-Nunzju Appostoliku tan-nomina ta’ Mons. Charles J. Scicluna bħala Isqof Awżiljarju ta’ Malta, waqt l-Assemblea Djoċesana.