L-impenn u l-imġieba fir-rigward tażżwieġ u l-familja


Għeżież kollaboraturi tagħna,

Konxji mill-piż li qed iġġorru intom is-saċerdoti, flimkien magħna l-Isqfijiet, bħala għalliema u gwidi tad-dixxipli tal-Mulej u ta’ dawk li qegħdin ifittxu s-sewwa dwar il-ġmiel taż-żwieġ, ħassejna li għandna noffrulkom din in-nota duttrinali u pastorali.

Qegħdin ngħixu f’ċirkustanzi li, kif sejjaħnilhom fl-aħħar Ittra Pastorali tagħna, huma żmien ta’ grazzja biex permezz ta’ katekeżi u ħidma pastorali, ngħinu biex mill-ġdid tinbena kultura favur iż-żwieġ. Hija xewqa tagħna li din « in-nota duttrinali u pastorali » tgħinkom f’din il-missjoni tagħkom.

In-natura taż-żwieġ


Iż-żwieġ hu min-natura tiegħu stabbli u permanenti. L-istabilita’ u l-permanenza huma għall-ġid tal-miżżewġin infushom u tal-ulied. L-istess liġi ċivili dwar iż-żwieġ għandha l-għan li tagħti forma pubblika u soċjali u twieżen lil dak li wieħed hu mistenni jgħix fil-ħajja privata: l-imħabba u l-fedelta’ tal-istess miżżewġin u t-trobbija tal-ulied. Bid-divorzju ż-żwieġ ma jibqax aktar dejjiemi. Għalhekk id-divorzju jmiss u jbiddel l-istess natura taż-żwieġ. Il-liġi li ddaħħal id-divorzju hija soluzzjoni ġuridika li tfarrak il-permanenza u l-istabilita’ tal-istituzzjoni taż-żwieġ għax tibdillu n-natura tiegħu.

Hemm differenza kbira bejn dikjarazzjoni ta’ nullita’ u divorzju. Iż-żwieġ jitwieled bil-kunsens li bih l-għarajjes b’rieda ħielsa jingħataw lil xulxin għal dejjem. Dikjarazzjoni ta’ nullita’ tagħraf li f’dak il-kunsens kien hemm difett sustanzjali li ma ħalliex ir-rabta sseħħ; filwaqt li d-divorzju huwa deċiżjoni fuq għażliet li l-miżżewġin ikunu għamlu matul il-ħajja miżżewġa: id-divorzju jkisser ir-rabta taż-żwieġ li kienet teżisti.

Persuni mhux miżżewġa f’relazzjoni stabbli


L-Istat hu fid-dmir li jirregola d-drittijiet u d-dmirijiet ta’ bejn raġel u mara li qegħdin f’relazzjoni stabbli, liema stabilita’ mhix konfermata uffiċċjalment b’mod legali. F’dan ir-rigward, il-leġiżlaturi għandhom joqogħdu attenti li ma joħolqux xi forma ġuridika li tmiss il-permanenza taż-żwieġ; b’danakollu, tajjeb li lil persuni li jinsabu f’relazzjoni stabbli imma mhux uffiċċjalment approvata, tingħatalhom protezzjoni legali dwar ċerti konsegwenzi ċivili.

Il-ġid u d-dritt fundamentali tal-ulied għal familja u żwieġ permanenti


Qabel kull esperjenza oħra, il-bniedem jagħmel esperjenza ta’ iben jew bint frott ta’ koppja ta’ raġel u mara. Li bniedem jirċievi is-sikurezza fih innifsu, frott l-imħabba tal-ġenituri, u li jidħol fil-ħajja soċjali tant kumplessa, mgħejjun mill-ġenituri tiegħu, huwa patrimonju imprezzabbli li lkoll ħadnih jew talinqas xtaqnih mill-familji tagħna.

Iż-żwieġ permanenti, barra li huwa prinċipalment ta’ ġid għall-miżżewġin infushom, huwa l-ambjent naturali u xieraq għall-ġid tal-ulied għax joffrilhom imħabba u trobbija sħiħa. Barra minn hekk, l-imħabba stess, meta hi vera, hi minnha nfisha dejjiema. Is-soċjeta’ u l-Istat għandhom kull interess li kull familja tkun stabbli, tgħix f’armonija u tkun miftuħa għall-ħajja. Għall-istess soċjeta’, il-familja hija ġid li ma tistax tkejlu għax toffri garanzija tal-ħajja u tal-futur tal-istess soċjeta’. Għaldaqstant, il-Knisja titlob lil-leġiżlatur li jiddefendi u jsaħħaħ il-familja mibnija fuq żwieġ stabbli u permanenti.

Iż-żwieġ fil-pjan t’Alla


Dwar iż-żwieġ, kliem Kristu hu ċar u jikkonferma r-rieda tal-Missier li « sa mill-bidu tal-ħolqien… dak li għaqqad Alla m’għandux jifirdu l-bniedem » (ara Mk 10,6-9). Dan juri li ż-żwieġ hu minnu nnifsu permanenti.

In-Nisrani jemmen li għal kull bniedem iż-żwieġ huwa sejħa u missjoni minn Alla u li bejn l-imgħammdin hu sagrament. Min dieħel għaż-żwieġ Nisrani għandu jifhem il-kobor, il-ġmiel u d-dinjita’ taż-żwieġ, bl-impenji marbuta miegħu, u għalhekk iħoss il-ħtieġa li jieħu sehem sħiħ fil-ħajja tal-Knisja u li jgħix it-twemmin Nisrani.

Meta ngħidu li Ġesu’ għolla ż-żwieġ bejn l-imgħammdin għad-dinjita’ ta’ sagrament inkunu qed nifhmu li min jiċċelebrah, jiġifieri l-miżżewġin infushom, jiksbu mingħand il-Feddej il-qawwa, li nsejħulha grazzja, li biha jkunu jistgħu jgħixu l-ħajja miżżewġa fil-milja tagħha. Meta jiċċelebraw is-sagrament taż-żwieġ, il-miżżewġin f’isem Kristu jagħtu lil xulxin il-grazzja tas-sagrament u din l-għotja tibqa’ bħala impenn tul ħajjithom kollha. Kristu nnifsu għażel li jintrabat magħhom b’rabta li ma tinħallx, tant li fihom b’mod speċjali, jiġifieri fil-miżżewġin Insara, Hu jkompli jgħix ir-rabta tal-għerusija tiegħu mal-Knisja. Fi kliem ieħor, il-koppja Nisranija hija sagrament tal-imħabba ta’ Kristu għall-Knisja tiegħu, jiġifieri sinjal effettiv tal-imħabba u l-għotja sħiħa tiegħu nnifsu għall-bnedmin. Hekk Kristu nnifsu jsir għall-miżżewġin Insara mudell u għajnuna fil-mod ta’ kif huma wkoll għandhom iħobbu u jingħataw għal xulxin.

Il-Kelma t’Alla, li nsibuha miktuba fil-Kotba Mqaddsa, tagħtina għarfien aktar żgur u sħiħ fuq il-bniedem, fuq in-natura u s-sejħa tiegħu u fuq ir-realtajiet li jmissu l-bniedem. Dan l-għarfien jikkonferma dak li l-bniedem jista’ jasal għalih bir-raġuni umana.

Dmir tal-Knisja li ddawwal il-kuxjenzi


Il-Knisja għandha responsabilta’ li ddawwal dejjem il-kuxjenza tal-Kattoliċi u ta’ dawk li qegħdin ifittxu l-verita’ ħalli jsibu u jgħixu l-viżjoni Nisranija tal-bniedem u tas-soċjeta’ fl-impenji tagħhom ta’ kuljum, kemm personali, kif ukoll dawk soċjali. Il-Knisja tagħmel dan billi toffrilhom raġunijiet validi u tagħlim imdawwal mill-fidi biex kull bniedem jgħix ħajja li tkun tixraq lid-dinjita’ tiegħu f’relazzjoni mal-oħrajn.

Il-Knisja dejjem kellha u għandha għal qalbha l-familja. Hija fid-dmir li tagħti s-sehem tagħha fejn tidħol il-familja għall-istess ġid tal-miżżewġin, tal-ulied u tal-istess soċjeta’.

In-Nisrani u l-kuxjenza personali


Id-deċiżjoni li jivvota favur jew kontra l-liġi tad-divorzju, in-Nisrani jrid jeħodha fid-dawl tat-twemmin tiegħu. Għan-Nisrani liġi li tagħmel iż-żwieġ mhux dejjiemi tmur kontra r-rieda tal-Missier. Għalhekk, in-Nisrani li hu favur id-divorzju joħloq firda bejn dak li jemmen u dak li ser jagħżel, liema għażla se jkollha konsegwenzi irreparabbli.

Fil-ħidma pastorali tagħna, aħna s-saċerdoti għandna d-dmir li ngħinu lin-Nisrani jagħmel ġudizzju rett tal-kuxjenza dwar iż-żwieġ skont il-Kelma t’Alla, fid-dawl tal-Maġisteru tal-Knisja, inkluż it-tagħlim soċjali tagħha dwar il-ġid veru tal-persuna u tas-soċjeta’. Meta n-Nisrani jagħraf li l-ġudizzju tiegħu ma jkunx jaqbel mat-tagħlim ta’ Kristu kif twassalhulna l-Knisja, hu ma jkunx ħieles mill-ħtija jekk ma jġibx il-ġudizzju tiegħu jaqbel ma’ dak it-tagħlim – għax meta konxjament u liberament jikser il-liġi morali, ikun qed jikser ir-relazzjoni tiegħu ma’ Alla, il-Missier ta’ Sidna Ġesu’ Kristu.

Politiċi u leġiżlaturi Kattoliċi


Tajjeb li niftakru kliem il-Papa Benedittu XVI fl-eżortazzjoni Sacramentum caritatis : « il-politiċi u l-legiżlaturi Kattoliċi, konxji mir-responsabilta’ serja soċjali tagħhom, għandhom jimxu fuq kuxjenza ffurmata sewwa u jippreżentaw u jsaħħu liġijiet ispirati mill-valuri li nsibu fl-istess natura tal-bniedem, fosthom dawk li jmissu l-familja mibnija fuq żwieġ bejn raġel u mara » (n.83). Il-leġiżlatur li ma jimxix fuq fundament etiku fit-tfassil tal-liġijiet, ikun qed jagħmel ħsara lill-bniedem u lis-soċjeta’.

Mentalita’ divorzista tmermer b’mod irreparabbli r-rabta taż-żwieġ, u d-dħul tad-divorzju permezz tal-liġi ċivili dejjem idgħajjef il-mod kif nifhmu u ngħixu ż-żwieġ dejjiemi. Dan joħloq pjaga soċjali u effetti ħżiena għas-soċjeta’, kif ġara f’pajjiżi oħra.

Min ma jemminx u l-ordni morali oġġettiv


Safejn nistgħu, għandna ngħinu wkoll lil dawk li mhumiex membri tal-Knisja, jew li jħossuhom barra minnha, u qed ifittxu l-verita’, biex jifhmu li huma għandhom id-dmir li f’kuntest ta’ ordni morali oġġettiv, fil-proposti li jagħmlu dwar iż-żwieġ u l-familja, jagħmlu għażliet favur il-persuna, iż-żwieġ, il-familja: liema valuri huma fost l-akbar wirt ta’ pajjiżna.

Il-ħtieġa tat-talb


Nagħlqu din in-nota billi nirrakkomandawlkom li l-ministeru tagħkom u tagħna, bħala għalliema u gwidi, ikun sostnut b’ħajja ta’ talb. Għax qabel ma nitkellmu mal-bniedem, huwa meħtieġ li nitkellmu ma’ Alla dwar il-bniedem u dak kollu li jsawwar il-ħajja tal-bnedmin, inkuż iż-żwieġ u l-familja, u nisimgħu b’attenzjoni ta’ wlied dak li Alla għandu x’jgħidilna dwar dan.

Nitolbu fuqkom il-barka tas-Sema.

Illum, 19 ta’ Marzu 2011, solennita’ ta’ San Ġużepp.

+ Pawlu Cremona O.P.

Arċisqof ta’ Malta

+ Mario Grech

Isqof ta’ Għawdex

+ Annetto Depasquale

Isqof Awżiljarju ta’ Malta