Il-Knisja tqis li x-xandir ta’ dak li temmen fih fuq bosta temi, inklużi ż-żwieġ u l-familja, huwa dmir tagħha quddiem Alla u servizz b’risq is-soċjetà. L-iskop ta’ din in-Nota Pastorali huwa li xxandar il-pożizzjoni tal-Knisja Kattolika lil dawk li jirrikorru lejha biex jiksbu direzzjoni. Permezz ta’ din l-Ittra, il-Knisja trid ukoll taqsam il-veduti tagħha mas-soċjetà Maltija inġenerali.
Il-Knisja minn dejjem tkellmet fuq is-sbuħija u l-importanza taż-żwieġ, il-bażi tal-familja bħala rigal fundamentali mogħti minn Alla. Din hija konvinzjoni valida kemm għaż-żwieġ bħala sagrament, kif ukoll għaż-żwieġ bħala istituzzjoni naturali.
B’mod partikolari, il-Knisja tibbaża t-twemmin tagħha fuq iż-żwieġ fuq il-kliem ta’ Sidna Ġesù Kristu, meta qal “Ma qrajtux li sa mill-bidu l-Ħallieq għamilhom raġel u mara, u qal, ‘Minħabba f’hekk raġel iħalli lil missieru u ‘l ommu u jingħaqad ma’ martu u t-tnejn isiru ġisem wieħed?’ Għalhekk mhumiex aktar tnejn, imma ġisem wieħed. Mela dak li għaqqad Alla, m’għandux iħollu l-bniedem’” (Mt 19, 4-6).
Matul il-medda tas-sekli, il-wirt Kristjan li rċivejna lkoll permezz tal-Knisja Kattolika għen lil għadd kbir ta’ familji biex ikunu iffurmati fi żwiġijiet stabbli, anki wkoll fi żminijiet ta’ faqar u emigrazzjoni. Ukoll illum, ħafna mill-għarajjes li jixtiequ jiffurmaw familja għadhom ifittxu li jistabbilixxu żwieġ fis-sod. Għall-grazzja t’Alla ħafna mill-miżżewġin f’Malta għadhom fidili lejn dan l-impenn. Imma issa, sfortunatament, qegħdin inħabbtu wiċċna ma’ għadd dejjem joktor ta’ żwiġijiet imkissra. Kull tkissir fiż-żwieġ iġib miegħu ħafna tbatija, għall-miżżewġin infushom, għall-qraba tagħhom, u speċjalment għat-tfal. Din hija sfida li l-Knisja u s-soċjetà Maltija jridu jikkonfrontaw.
Il-Knisja tgħin lill-koppji fit-tħejjija tagħhom għaż-żwieġ, u tissokta issostnihom matul il-bqija ta’ ħajjithom. Toffri ukoll l-għajnuna meta ż-żwieġ jitfarrak. Għal għexieren ta’ snin, il-Knisja pprovdiet, u għadha tipprovdi, numru ta’ servizzi lill-koppji li jsibu ruħhom f’diffikultajiet. Ipprovdiet ukoll kenn lit-tfal u liż-żgħażagħ u lill-vittmi li jkunu sofrew vjolenza f’darhom. Il-Knisja tinsab konvinta li l-unika triq ta’ fejda biex din it-tbatija tonqos hija li ninvestu iżjed fi żwiġijiet aktar stabbli. Il-Knisja tippromwovi ż-żwieġ u tiddefendih għax finalment dan iwassal għal inqas fallimenti. Kif jista’ xi ħadd jippretendi li l-Knisja ma tiftaħx ħalqha favur mezzi preventivi biex jippromwovu u jiddefendu l-istabbiltà taż-żwieġ? Din hija r-raġuni l-għala l-Knisja dejjem tippreżenta statistika u riċerki li jagħtu xhieda li bl-introduzzjoni tad-divorzju, it-tbatija li jkollha taffaċċja s-soċjetà f’termini umani u finanzjarji se tikber.
Il-Knisja hija impenjata li xxandar dawn il-valuri: għall-membri tagħha li jixtiequ direzzjoni, u għal ħafna oħrajn fis-soċjetà li jixtiequ jixtarru veduti alternattivi biex hekk ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet b’mod aktar imdawwal bħala ċittadini responsabbli. F’soċjetà pluralistika m’għandux ikun hemm opinjoni waħda biss li tinstama’, u jkun ta’ ħsara għad-demokrazija jekk xi ħadd jipprova jsikket opinjonijiet diversi! Bħal ma hemm min jippromwovi d-divorzju f’soċjetà pluralistika, hekk ukoll il-missjoni tal-Knisja hi li tħeġġeġ l-istabbiltà taż-żwieġ: billi tinsisti fuq il-mument tal-kunsens bħala l-fus tal-impenn għall-miżżewġin. Permezz tad-divorzju sseħħ ċaqliqa minn dak li seħħ fil-kunsens għal deċiżjoni f’kull ċirkostanza li tinqala’ u li tagħti lil xi wieħed mill-miżżewġin il-possibilita’ tad-dritt li jerġa’ lura mill-kunsens li jkun ta, u hekk itemm ir-rabta taż-żwieġ (ara Katekizmu tal-Knisja Kattolika nn. 1650 – 1; 2382-6).
Il-Knisja dejjem tipprova toħloq kuxjenza akbar fost il-membri tagħha biex huma wkoll fuq livell personali jaqdu r-responsabbiltà tagħhom fil-promozzjoni tal-valuri nsara fis-soċjetà. Fost dawn, insibu l-istabbiltà fiż-żwieġ. Hija wkoll tħeġġeġ lill-membri tagħha biex jagħrfu ż-żwieġ bħala valur u hekk jippromwovuh u jiddefenduh. B’dan il-mod huma lkoll jkunu f’konformità ma’ dak li jemmnu fih.
Kull membru fi ħdan il-Knisja għandu jkun impenjat li jwettaq il-valuri li fuqhom hija mibnija s-Saltna t’Alla. Għandu jqis ruħu responsabbli biex jippromwovi u jiddefendi d-dinjità ta’ kull persuna, il-ġustizzja fi ħdan is-soċjetà u l-ambjent. Fid-dawl ta’ dan, kif jista’ xi ħadd jirraġuna li l-membri tal-Knisja mhumiex ukoll responsabbli għall-pjan t’Alla f’dak li jikkonċerna żwieġ u familja?
Kull nisrani għandu jagħti rendikont ta’ għemilu quddiem Alla. Bħala isqfijiet, aħna tkellimna kemm-il darba fuq li kull persuna trid tagħti rendikont, anki fuq dan is-suġġett. Għandu jkun privileġġ kbir għal kull membru impenjat tal-Knisja li quddiem Alla jgħid li għamel dmiru fit-tħeġġiġ u fid-difiża tal-valuri li Ġesù tant insista fuqhom fit-tagħlim Tiegħu.
Aħna nħeġġu lill-membri impenjati tal-Knisja, kemm fuq livell personali, skont l-istat u r-responsabbiltà li għandhom fis-soċjetà, u kif ukoll fi gruppi ekkleżjali, biex jagħtu sehemhom, u jikkontribwixxu b’mod pożittiv, f’dan id-dibattitu. Hekk ikunu qegħdin jagħtu servizz tal-akbar fejda mhux biss b’risq il-Knisja, imma wkoll b’risq is-soċjetà kollha Maltija. Aħna nistennew li kull min jikkontribwixxi f’dan id-dibattitu ma jxellifx il-messaġġ Nisrani, li jisħaq fuq l-imħabba għal kull persuna, billi jimbarka fuq xi forma ta’ kruċjata, anki meta jkun hemm sinjali ċari ta’ provokazzjoni. ‘Kruċjata’ timplika x-xewqa tar-rebħa b’kull mezz possibbli fuq il-persuna l-oħra li għandha twemmin u opinjonijiet differenti. Ix-xandir tal-Bxara t-Tajba m’għandu jkun qatt sempliċiment reazzjoni. Anzi, għandu jirrispetta saħansitra lil dawk li ma jaqblux magħna fuq xi aspetti partikulari. Ix-xandir tal-Bxara t-Tajba għandu jkun imsejjes fuq ix-xewqa li wieħed jaqsam il-konvinzjonijiet tiegħu mal-oħrajn bla biża’ u fi spirtu ta’ umilità, rispett u mħabba.
Il-Papa Benedittu XVI tana missjoni x’naqdu. Fil-messaġġ tiegħu ta’ merħba, meta kien għadu kemm wasal f’Malta, huwa qalilna: “In-nazzjon tagħkom għandha tibqa’ tappoġġja l-indissolubilita’ taż-żwieġ bħala istituzzjoni kemm naturali u kemm sagramentali, u n-natura vera tal-familja, bl-istess mod li tappoġġja l-qdusija tal-ħajja umana mill-konċepiment sal-mewt naturali, u r-rispett xieraq dovut lill-liberta’ reliġjuża b’modi li jwasslu lill-individwi u lis-soċjeta’ għal żvilupp integrali awtentiku.” Jalla kliem il-Papa jkunu għalina ta’ kuraġġ biex inkomplu naqdu din il-missjoni fost is-soċjetà Maltija.
+ Pawlu Cremona O.P. + Mario Grech
Arċisqof ta’ Malta Isqof t’Għawdex