• L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

     

  • Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu, il-Belt Valletta
    16 ta’ Lulju 2018

    Qabel l-Evanġelju smajna s-sekwenza ta’ din il-festa. Is-sekwenza huwa innu qasir li jispjega s-sinifikat tal-festa li qegħdin niċċelebraw. Fis-sekwenza tal-Madonna tal-Karmnu nfakkru mhux biss dan it-titlu sabiħ imma wkoll insejħulha bħala l-Kewkba tal-Baħar.

    Għadni ġej minn esperjenza sabiħa fl-Art Imqaddsa fejn kont għal ġimgħa sħiha u intensa ħafna ma’ grupp ta’ 30 żagħżugħ u żagħżugħa Maltin u Għawdxin. Fl-ewwel jum, fl-ajruport ta’ Tel Aviv, bħala waħda mill-ewwel żjajjar, Patri Twanny Chircop qalilna: ‘Ejjew nibdew billi mmorru fuq l-Għolja tal-Karmelu’ u prattikament hekk bdejnieh il-pellegrinaġġ.

    Morna fil-belt moderna ta’ Haifa u mbagħad bdejna telgħin sakemm ġejna ħdejn is-santwarju ħelu tal-Madonna tal-Karmnu. Huwa mibni fuq għar li t-tradizzjoni tgħidilna li kien ukoll iffrekwentat mill-profeta Elija. U f’dik il-knisja l-Madonna tal-Karmnu hija wkoll imfakkra bħala Stella Maris, il-Kewkba tal-Baħar. Minn fuq dak is-santwarju sabiħ hemm panorama; kemm taqsam it-triq u taħtek tara l-belt ta’ Haifa u l-Baħar Mediterran.

    U fl-Ewwel Qari li smajna tagħraf is-sinifikat tiegħu meta lill-qaddej ta’ Aħab il-profeta jgħidlu biex jitla’ għal seba darbiet fuq l-għolja u jħares lejn il-baħar. U għal seba’ darbiet jgħidlu: ‘Ma qed nara xejn’. Imbagħad ħin minnhom jara sħaba ċkejkna qisha keffa ta’ id u din is-sħaba ssir xita kbira li kienet grazzja għaliex Iżrael kien għadu għaddej minn snin ta’ nixfa (ara 1Slat 42-45).   

    Il-Madonna hija wkoll din ix-xita ta’ grazzja.

    Il-Madonna hija wkoll din ix-xita ta’ grazzja. Fuq l-Għolja tal-Karmelu, mhux biss minħabba x-xena tal-Baħar Mediterran u s-sbuħija tal-għolja, inti tifhem għaliex il-Madonna hija Kewkba tal-Baħar, Stella Maris, imma tifhem ukoll għaliex hija propju l-Madonna tal-Grazzja, ix-xita tal-grazzji li aħna nirċievu bl-interċessjoni tal-Madonna. Il-Karmelu u l-ġmiel tiegħu ifakkruna fl-għolja li hu Kristu l-Mulej. Hekk nitolbu fit-talba tal-liturġija sabiħa ta’ din il-festa. Issa l-għolja tidher; aħna ma nistgħux naħbu l-kliem tal-Mulej.

    Nixieq nitlob ’il Madonna biex Ġesù, fil-kultura Ewropea u Mediterranja tagħna, jibqa’ dik l-għolja li aħna nħarsu lejha u ma nitilfu qatt id-dehra tagħha.

    Jiena nixieq nitlob ’il Madonna biex Ġesù, fil-kultura  Ewropea u Mediterranja tagħna, jibqa’ dik l-għolja li aħna nħarsu lejha u ma nitilfu qatt id-dehra tagħha. Għax l-għolja, tkun fejn tkun, tiddiriġik. Tgħid: ‘Ara, issa qiegħda hemm, dik in-naħa l-għolja, mela naf fejn qiegħed jien’. Għaliex tagħtik id-direzzjoni. Bħalma tagħti direzzjoni wkoll il-kewkba. Il-baħħara tgħallmu li biex jaraw ftit fejn sejrin iħarsu ’l fuq għax fid-dlam il-baħar taqtgħu b’sikkina u m’għandek l-ebda mod kif tieħu direzzjoni. Imma trid tħares ’il fuq lejn il-kwiekeb u jinkwetaw meta s-sema jkun imsaħħab u ma jistgħux jaraw il-kwiekeb għax il-kwiekeb jagħtuhom id-direzzjoni u malli ssib l-Istilla tat-Tramuntana (polar star), inti tkun taf fejn qiegħed.    

    Imma hemm il-Kewkba tal-Baħar, li tindikalek mhux  biss li dalwaqt ġej is-sebħ imma wkoll tagħtik direzzjoni. Hekk hija wkoll il-Madonna. Meta nħarsu lejha qalbna timtela bit-tama u jekk inkunu tlifna ftit id-direzzjoni, il-Madonna tiggwidana għax hija ommna; il-Mulej tahielna bħala ommna fl-aħħar mumenti ta’ ħajtu fuq is-salib: “Hawn hi ommok, hawn hu ibnek” (ara Ġw19, 26-27).  

    Aħna llum nitolbu ’l Madonna għal min qiegħed fuq il-Baħar Mediterran jitlob l-għajnuna u għandu bżonn sinjal ta’ tama. Kemm hi ħaġa sabiħa li bħala pajjiż nuru solidarjetà ma’ dawn ħutna u fl-istess ħin nitolbu s-solidarjetà ta’ pajjiżi oħrajn. Għandna bżonn li kulħadd jerfa’ r-responsabbiltà magħna.

    U dan hu l-appell li jien qed nagħmel f’riġlejn il-Madonna tal-Karmnu: biex aħna nuru solidarjetà, imma ħaddieħor jagħtina daqqa t’id biex il-ftit li nagħmlu aħna, jekk kulħadd jagħmel ftit, din l-isfida nirbħuha flimkien. Imma ma jistgħux iħalluna weħidna għax aħna ċkejknin. U ’l Madonna ngħidulha: ‘Aħna ċkejknin, trid tgħinna inti. Lil min webbes qalbu, kissirlu mqar moħħu ħalli jifhem li flimkien, bħala pajjiżi maqgħudin, nistgħu nagħmlu ħafna affarijiet’. Imma lanqas mhu sewwa li jħalluna weħidna. Fl-istess ħin nitolbu ’l Alla l-grazzja biex aħna ma naqtgħux qalbna; inkunu ċari imma fl-istess ħin ma nwebbsux qalbna meta jkun hemm bżonn l-għajnuna.

    Il-Madonna ma tħares lejn wiċċ ħadd.

    Wara kollox il-Madonna tal-Karmnu mhux hekk trid? Meta jkollna bżonn l-għajnuna mhux f’riġlejha niġu? U l-Madonna ma tħares lejn wiċċ ħadd. Il-Madonna għandha ħarsa ta’ ħlewwa u ta’ ħniena għal kulħadd. U għalhekk miġbudin lejha aħna, għalhekk inħarsu lejha u nissaħħru bi tjubitha u bil-ħlewwa tagħha.

    Nitolbu biex miċ-ċokon, lit-tfal tagħna jkollhom min idarrihom fl-għożża u l-imħabba lejn il-Madonna. Imbierek lill-ġenituri, lin-nanniet u lil uliedhom.

    Viva l-Madonna tal-Karmnu.

     Charles J. Scicluna
        Arċisqof ta’ Malta

     

  • Il-Qari tal-Quddiesa:
    Qari I: Slat 18: 42b-45a
    Salm: 14
    Evanġelju: Ġw 19, 25-27

     

  •  

  • Ritratti: Knisja.mt/ritratti