Il-Ġimgħa waranofsinhar, 12 ta’ Lulju 2024, se tibda t-22 edizzjoni tal-maratona ta’ xandir Oħloq Tbissima, li se tibqa’ għaddejja sal-Ħadd, 14 ta’ Lulju 2024, fuq diversi stazzjonijiet lokali tat-televixin.
Din hi 22 sena ta’ għajnuna lill-missjunarji Maltin li għal ħafna snin ilhom jaħdmu mal-familji fqar fil-Perù, Pakistan u l-Filippini. Familji li li kieku ma kienx għal dawn il-patrijiet qalbiena, tkun diffiċli ħafna għalihom biex jgħixu b’dinjità. Diffiċli biex jieħdu kura medika, biex jibgħatu lit-tfal tagħhom l-iskola, u biex ikollhom almenu ikla kuljum.
Dawn huma r-raġunijiet għaliex fl-għeqqel tas-sajf issir issir Oħloq Tbissima. Kull pajjiż għandu l-isfidi tiegħu, għandu l-ħtigijiet tiegħu, għandu l-istorja tiegħu. Pereżempju, il-Perù, ħafna familji minħabba nuqqas ta’ xogħol ikollhom jispustjaw ruħhom minn belt għal oħra, min rhula qalb il-muntanji għall-ibliet, biex forsi jsibu jaħdmu. Ħafna draba lanqas kamra fejn jgħixu ma jkollhom, għax litteralment jitilqu kif ngħidu aħna l-Maltin b’ta’ fuqhom senduqhom. Ikunu jridu jibdew mill-bidu. Faċli? Żgur li le, u għalhekk hawn jidħlu l-patrijiet tal-MSSP biex jgħinuhom jibdew jibnu ħajja u għixien ġdid.
Fil-Pakistan, minħabba li l-maġġoranza tal-poplu u min imexxi huma Musulmani, il-ftit Insara li hemm, jiġu mwarrba mis-soċjetà, bil-konsegwenza li jispiċċaw bla xogħol, it-tfal tal-familji Nsara ma jkunux jistgħu jattendu skola, l-anzjani u min ikollu bżonn għajnuna medika ma jkunux jistgħu jieħdu l-għajnuna fi kliniċi jew sptarijiet. Huma l-missjunarji li jipprovdu dankollu, missjunarji li xi kultant anke huma ma jkunux ittratati sew minn nies li l-għan tagħhom huwa li ma jinteressahomx li dawn il-patrijiet qed jagħtu l-għajnuna lil tant nies emarġinati u fqar.
Fil-Filippini, hemm storja oħra. Il-Filippini hemm miljuni u miljuni ta’ nies. Qrib id-dar fejn jgħixu l-patrijiet tal-MSSP f’Manila, jgħixu diversi nies fqar, f’dawk li jgħidulhom squatters, jiġifieri, familji numerużi li jgħixu f’kamra waħda jew tnejn. Allura matul il-ġurnata u mal-lejl, in-nies iċemplu l-bieb tad-dar min għal ħaġa u min għal oħra. Ma jieqfu qatt. Ta’ min jgħid ukoll li ftit tal-ġimgħa ilu mal-200 familja sfaw litteralment barra fit-toroq għax kien hemm ħruq kbir eżattament maġemb il-kunvent tal-patrijiet f’Manila. Għalhekk, wieħed mill-proġetti li nixtiequ ngħinu huwa li jinbnew djar bil-bricks u saqaf tajjeb biex jekk ikun hemm ħruq ma jkunx hemm din il-ħerba kollha.
Barra min hekk, għal dawn l-aħħar 25 sena, Patri Joe Cremona MSSP, għen lil diversi familji f’Bataan, raħal li huwa madwar 3 sigħat ‘il bogħod minn Manila, raħal fqir li Patri Joe f’dawn is-snin kollha ħadem u għadu jaħdem biex jgħin lill fqar mhux biss biex isibu xogħol imma anke f’affarijiet żgħar, bħal għajnuna soċjali, psikologika u morali. Ta’ min jgħid ukoll li Patri Joe rnexxielu jwaqqaf orkestra ta’ żgħażagħ, li llum il-ġurnata qed jieħdu taħriġ fil-mużika minn diretturi professjonali, u anke qed ikollhom suċċessi fl-eżamijiet li jagħmlu tal-mużika, li tgħinhom biex ikomplu bl-istudji tagħhom f’università.
Dan kollu hu possibbli permezz tad-donazzjonijiet li l-Maltin u l-Għawdxin jagħmlu waqt il-maratona Oħloq Tbissima.