• “Arawni, hekk jien se nfittex in-nagħaġ tiegħi u nieħu ħsiebhom” (Eżek. 34:11). Din hija
    l-kelma tal-Mulej li smajna llum mill-Profeta Eżekjel.

    Eċċellenza President ta’ Malta, Sur Preca, Eminenza, Eċċellenza, sħabi Isqfijiet, Ħuti,
    Illum aħna xhieda ta’ kemm din il-kelma tal-Mulej ma tonqosx, “Jiena se nfittex in-nagħaġ tiegħi u nieħu ħsiebhom”. Il-Mulej jagħmel kollox biex jiltaqa’ magħna fit-triq tal-ħajja tagħna, u ma jħalliniex waħedna, jieħu ħsiebna. Illum bir-raġun ngħidulu ‘Grazzi’, talli mhux biss ifittixna imma jieħu ħsiebna fl-Isqfijiet li jagħtina.

    Eċċellenza għażiż Mons. Cremona, għażiż Pawlu, aħna ngħidu grazzi lil Alla, imma ngħidu grazzi wkoll lilek. Ngħidu grazzi lil Alla li fik il-kliem ta’ Eżekjel mhux biss seħħew imma saru jagħmlu ħafna sens għalik. Fik, stajna naraw xbieha sabiħa tal-qalb ta’ Alla, li kif jgħid Eżekjel stess, “Bħalma r-ragħaj jieħu ħsieb fil-merħla tiegħu meta jsib ruħu f’nofs in-nagħaġ imxerrda tiegħu, hekk naħseb jien fin-nagħaġ tiegħi” (Eżek. 34:12).

    Il-Mulej tana lilek bħala don Eċċellenza, don li nixtiquh jibqa’ magħna. Għalhekk jien ngħidlek Ad multos annos minn issa. Jalla l-preżenza tiegħek ingawduha għal ħafna snin. Nibqgħu ingawdu t-tbissima tiegħek, il-qalb ħelwa tiegħek għax fiha naraw verament is-Saltna ta’ Ġesù, li mhix saltna ta’ poter imma hija saltna ta’ servizz. Mhix saltna fejn wieħed ifittex li jkun fuq xi ħadd ieħor, imma fejn wieħed jitgħallem jaħsel riġlejn l-aħwa. Jiena wegħedtek li ma ninsa qatt dak li għidtli bħal għada sentejn ilu, fl-Ordinazzjoni Episkopali tiegħi, meta għidt li “d-dinjità tagħna tiġi mill-merħla, il-merħla li Ġesù fdieha b’demmu, li hija tant prezzjuza. U aħna, jekk għandna xi dinjità, din tiġi mill-fatt li aħna qaddejja ta’ din il-merħla”. Inti kont qed titkellem mill-qalb – qalb tkellem lil qalb oħra, u kont qed titkellem ukoll mill-esperjenza tiegħek, mil-mod kif inti għext u għadek tgħix l-episkopat tiegħek.

    Għal dawn l-aħħar kważi tmien snin, inti kont ir-ragħaj tagħna, il-mexxej spiritwali tagħna, u nafu li dan kien piż, għax minnu nnifsu hu piż. Kellek ħafna għajnuna mill-kollaboraturi tiegħek, imma llum irrid insellem lill-Poplu li inti tant ħabbejt u tant iħobbok Eċċellenza. Hija imħabba li wriek il-Poplu għax jirrispondi għall-imħabba tiegħek.

    Kemm hu faċli għalija li meta nisma’ l-kliem ta’ Eżekjel illum, niftakar fil-mod kif inti mxejt magħna bħala Isqof. “Jiena stess nirgħa n-nagħaġ tiegħi, u nserraħhom. Jiena nfittex il-mitlufa, inreġġa’ lura l-imxerrda. Ninfaxxa l-ġrieħi tal-miġruħa, u nqawwi lill-marid. Inħares is-smina u l-qawwija u nirgħahom bil-ġustizzja”. (Eżek 34: 15-16). Meta nisma’ lil Eżekjel jgħid, ‘inħares is-smina u l-qawwija’, ngħid se jieħu ħsiebi wkoll! Imma nafu li Eżekjel qed jgħid ukoll għal dawk li daħlu sew fil-Kelma tal-Mulej, li tqawwew bis-Sagramenti, imma li xorta għandhom bżonn min jieħu ħsiebhom, li jkun fuq kollox mexxej bl-eżempju għalihom.

    Bil-qalb ħanina tiegħek, tant qawwejt morda fil-ġisem u fir-ruħ. Il-Kelma tiegħek, it-tbissima tiegħek, il-ħarsa ħelwa tiegħek Eċċellenza, tant infaxxat ġrieħi tal-miġruħa. Alla biss huwa xhud tal-karità li għamilt u għadek tagħmel fil-moħbi, tant li kultant ikun hemm xi tnegħida madwarek, “għax wisq”. Għalik il-karità m’għandix il-wisq, għandha biss l-abiss tal-bżonn. Inti tara bżonn, u l-istint tiegħek, nafu, huwa li jimla dan il-bżonn. Nirringrazzjawk talli fostna ġibt il-balzmu ta’ min jitkellem u jisma’. Nirringrazzjawk talli fostna ġibt il-fwieħa tal-Kelma rżina u rispettuża. Pawlu, l-isem li l-ġenituri tawk fil-magħmudija għextu fostna billi fakkartna fl-Appostlu Missierna u l-patrimonju sabiħ tal-fidi tagħna.

    Iż-żewġ isqfijiet li inti ordnajt, bħala konsakratur prinċipali, illum qiegħdin hawn, biex ngħidulek grazzi, il-Kardinal Prospero Grech u jien. Nirringrazzjawk ta’ dan id-don. Permezz tiegħek aħna dħalna fil-linja tas-suċċessuri tal-Appostli, li taf lil Monsinjur Mercieca, li ġie ordnat minn Monsinjur Gonzi u Monsinjur Caruana. Imma inti għaqqadtna ma’ dan il-patrimonju kbir tas-suċċessuri tal-Appostli, u persważ li tibqa’ tkun għajnuna lis-suċċessur tiegħek meta l-Papa jiddeċiedi li jagħżlu u jgħidilna min hu. 

    “Għalik merħla tiegħi, hekk jgħid sidi l-Mulej. Ara jiena nagħmel ħaqq bejn nagħġa u oħra” (Eżek 34:17). Il-ħaqq li ġibtilna inti, il-ġustizzja li ġibtilna, hija dik tal-verità. Fraħt magħna fil-Kanonizzazzjoni ta’ San Ġorġ Preca, frott il-qdusija ta’ dan il-pajjiż, fraħt magħna meta ġie fostna l-Qdusija Tiegħu Benedittu XVI, u bkejt magħna meta ħassejt li l-Poplu għamel għażliet li ma kinux skont ix-xewqa ta’ Ġesù. Imma ma naqtgħux qalbna, għax għandna poplu twajjeb, poplu li għadu jgħożż il-familja, u għal dan nixtieq nirringrazzja lis-soċjetà Maltija kollha. Nibda mill-politiċi tagħna, talli mhux biss dejjem urewk rispett u semgħu l-kelma tiegħek, imma talli komplew jikkoperaw mal-Knisja li inti mexxejt, fil-ħidma tagħha ta’ edukazzjoni u ta’ karità. Dan għaliex inti bit-tjubija personali tiegħek Eċċellenza, iffaċilitajt sens ta’ djalogu li kien importanti ħafna għalik, u huwa tant essenzjali għall-Knisja. Jalla dan l-istaġun sabiħ ta’ kooperazzjoni fl-awtonomija bejn Knisja u stat ikompli.

    Aħna u ngħidu grazzi lilek, ngħidu grazzi lill-Mulej. Int għallimtna bil-ħlewwa ta’ mħabbtek xi tfisser tqim lil Kristu Sultan billi tkun ta’ qadi għall-aħwa. Nawguralek f’isimna lkoll ħajja twila, ħajja twila għax għandna bżonnok, għandna bżonn il-preżenza tiegħek. Kif għedtilna int, ‘nitolbu lill-Mulej fil-ħniena tiegħu, jagħtina ragħaj spiritwali skont il-qalb tiegħu.’ Grazzi Eċċellenza, grazzi mill-qalb!
     
    ✝​   Charles J. Scicluna
          Isqof Titulari ta’ San Leone u Amministratur Appostoliku sede vacante

    MESSAĠĠ TAL-ARĊISQOF EMERITU PAWLU CREMONA O.P. 

  • Eċċellenza,
    L-ewwelnett nixtieq nirringrazzjak għal dawn ir-riflessjonijiet li għamilt. Mhux għax inħoss li kollha jixirquli imma għax kienu mod kif il-messaġġ Nisrani jasal ukoll għandna. Nixtieq nirringrazzja lilkom ilkoll talli ġejtu hawn. L-ewwel darba li lħaqt superjur kont għadni żgħir, kelli 27 sena. U ġie fuqi xi ħadd u qalli, “kemm jiddispjaċini għalik!”  Għedtlu, “Għaliex?” Qalli, “Minjaf kemm se tibbies!” U dik il-kelma baqgħet ġo moħħi u ġo qalbi, “ma rridx nibbies!” U dak li għeni tul dawn is-snin kollha kien li fittixt li lill-Mulej nibqa’ nżommlu post f’qalbi hekk li xejn ma jeħodlu postu.  Kemm hu sabiħ li dan il-pajjiż tagħna jinbena fuq dawn il-virtujiet Insara li jgħallimna Ġesù.

    Illum, kull pajjiż jipprova jagħti identità lilu nnifsu. U aħna, nistgħu naħdmu biex l-identità tagħna tkun tirrifletti dak li rajna b’mod speċjali fil-Vanġelu tal-lum – li lkoll kemm aħna ma ninsew qatt li aħna Nsara imma nippruvaw b’qalbna kollha biex dak li qalilna Ġesù fil-Vanġelu nwettquh.

    Jiena nerġa nirringrazzjakom ta’ dan kollu, nixtieq nirringrazzja dawk li għenuni tul dawn it-tmien snin, waħdi ma kontx nagħmilha żgur. Jiena tajt ir-riżenja tiegħi għaliex ħassejtni li wasalt f’mument fejn kont għajjien wisq. U l-Knisja llum għandha bżonn persuni li huma kreattivi, persuni li kapaċi jmexxu l-Knisja f’Malta lejn dak li jriduna nkunu l-Papiet, b’mod speċjali l-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida.
    Nerġa ntenni grazzi lilkom li ġejtu, u l-Mulej jibqa’ magħkom.

     
       Pawlu Cremona O.P.
          Arċisqof Emeritu
     

  • Ritratti: Photocity, Valletta
    www.photocitymalta.com