-
Eċċellenza,
Ħuti,Inġbarna hawn illum, bħalma nagħmlu kull sena f’Jum it-Tifkira, biex nikkommemoraw il-vittmi taż-żewġ Gwerer Dinjija li, kif nafu, kienu tassew traġedji kbar. It-teologu Karl Rahner darba kiteb li “l-memorja hija l-fakultà li tinsa”. Jekk għandna dritt ninsew, illum għandna d-dover niftakru! Niftakru f’tant vittmi innoċenti li ntbagħtu għall-qatla mill-iskrivaniji ta’ min kien fil-poter.
Kien dan is-sentiment ta’ frustrazzjoni, ta’ rabja u ta’ swied il-qalb li esprimew b’mod tant elokwenti ġenerazzjoni ta’ poeti Ingliżi li jibqgħu mfakkra bħala The Great War Poets, fosthom Siegfried Sassoon u Wilfred Owen, li ġarrbu l-ħruxija tal-gwerra.
L-Ewwel Gwerra Dinjija li bdiet mitt sena ilu, fl-1914, ħalliet 16-il miljun persuna mejta. Għoxrin miljun persuna oħra sfaw feruti minn din il-gwerra li ntroduċiet armi qattiela bħall-gass u bħall-artillerija li ma tħalli ’l ħadd ħaj. Din il-gwerra introduċiet mod ġdid kif aħna l-bnedmin nagħmlu ħsara u noqtlu lil xulxin.
It-Tieni Gwerra Dinjija ta’ bejn l-1939 u l-1945 kienet traġedja ħafna ikbar, li ħalliet miljuni kbar ta’ nies mejta minħabba l-ġlied, minħabba l-persekuzzjoni u minħabba l-ġuħ. Il-persuni li mietu fit-Tieni Gwerra Dinjija kienu jaqbżu s-60 miljun. Aktar minn 22 miljun kienu fil-militar, filwaqt li mal-40 miljun persuna oħra kienu nies ċivili u innoċenti. Dawn huma ċifri ta’ swied il-qalb partikolarment meta niftakru li wara kull numru hemm persuna umana. Din ir-realtà għandha ġġegħelna naħsbu u aktar minn hekk nimpenjaw ruħna għall-istabilità u l-paċi fid-dinja. Hemm bżonn niftakru f’dawn il-vittmi innoċenti, biex ikollna l-kuraġġ u l-umiltà li negħlbu kulma jifridna, u fl-istess ħin ma ninsewx dak li d-dinja għaddiet minnu. Ma nistgħux ninsew is-sagrifiċċju ta’ dawn in-nies, kif ma nistgħux ninsew xi mumenti sbieħ ta’ umanità li seħħew ukoll waqt dawn il-kunflitti u din il-kefrija.
Illum nixtieq infakkar avveniment straordinarju li seħħ fil-Milied tal-1914. Dan hekk kif it-truppi Ġermaniżi u Franċiżi, u anke t-truppi Skoċċizi u Ingliżi, waqfu mill-ġlied u ċċelebraw il-Milied flimkien bil-kant, u bis-siġra tal-Milied żgħira bejn it-trunċieri f’no man’s land. Jingħad li lagħbu wkoll logħba futbol. Għal dak il-mument, bħal donnhom insew li huma għedewwa ta’ xulxin u ferħu flimkien bit-twelid ta’ Ġesù Bambin. Bl-Ingliż, dan il-mument straordinarju huwa magħruf bħala The Christmas Truce, jew bil-Ġermaniż Weihnachtsfrieden, bil-Franċiż Trêve de Noël. Dwaru sar film mill-isbaħ fl-2005, ‘Joyeux Noël’, li kien ukoll ta’ ispirazzjoni għall-produzzjoni ta’ opra, ‘Silent Night’, li fl-2012 ħadet
il-Pulitzer Prize for Music.F’dak il-mument ta’ waqfien mill-ġlied, is-suldati Ingliżi, Franċiżi u Ġermaniżi, li fuq il-karta kienu għedewwa ta’ xulxin, irrealizzaw li t-twelid ta’ Ġesù Kristu kien dawl li jfakkarna li kull bniedem, hu min hu, huwa bniedem, huwa ħolqien t’Alla u għalhekk iben jew bint l-istess Missier. Il-kelma ‘għadu’, ‘aggressur’ jew ‘difensur’ huma tikketti li nagħtu aħna bnedmin lill-bnedmin oħra, għax fir-realtà aħna lkoll aħwa. Ejjew nitolbu biex dawn it-tikketti nissuperawhom, aħna u nfittxu d-dinjità tal-umanità li tgħaqqadna, li għaliha Ġesù Kristu ta ħajtu. “M’hemmx mħabba akbar minn din: li wieħed jagħi ħajtu għal ħbiebu” (Ġw 15:13).
Is-sagrifiċċju ta’ dawn l-innoċenti li ntbagħtu għall-qatla mill-politiċi tagħhom, jgħabbi b’responsabilità kbira ’l-politiċi tagħna sabiex jagħmlu ħilithom biex fid-dinja jkun hawn tassew kultura ta’ paċi mibnija fuq il-ġustizzja.
Sfortunatament, illum ukoll qegħdin naraw diversi kunflitti u gwerer fid-dinja, li l-Papa Franġisku jiddeskrivi bħala t-tielet gwerra dinjija, magħmula minn mod ġdid t’aggressjoni. Kultant din il-mibegħda u l-kefrija qed tigi ġġustifikata mir-reliġjon. Qed isiru atti barbari li qatt ma smajna bihom, jew li jfakkruna fil-barbari ta’ elfejn sena ilu. U meta llum naraw ritratti u filmati krudili li nsegwu fuq il-media, nistaqsu: Kif jista’ l-bniedem jibqa’ juri daqshekk kattiverja ma’ bniedem ieħor bħalu? Kif jista’ qatt ikun li l-bniedem jiġġustifika l-qtil tal-innoċenti f’isem Alla?
Jum it-Tifkira jfakkarna wkoll għalhekk, li f’isem Alla aħna l-bnedmin kapaċi nikkommettu ħruxijiet bla tarf. Ejjew nitolbu lil Alla tal-paċi biex idewwi l-ġerħat u jbiddel il-qlub iebsa tal-bnedmin.
Aħna u nfakkru l-mejtin tal-Gwerer Dinjija, u mejtin oħra fil-kunflitti, niftakru wkoll f’ħutna, ċittadini Maltin, li jagħżlu karriera fil-militar. Għandna bżonn min jiddefendi l-ispirtu ta’ demokrazija u tolleranza li tant huma għeżież għalina. Din mhijiex stedina għall-ireniżmu, fejn nirrifjutaw li nużaw l-armi u hekk ma nkunux nistgħu niddefendu lilna nfusna. Hija stedina iżda, biex bħala Nazzjon, għalkemm żgħir, fil-komunità internazzjonali li fiha dħalna 50 sena ilu, aħna nkunu preżenza li b’mod konkret nippromwovu l-familja vera tal-umanità fejn kulħadd, minkejja d-differenzi ta’ bejnietna, jgħix fis-sliem mibni fuq it-tolleranza u r-rispett reċiproku.
✝ Charles J. Scicluna
Isqof Titulari ta’ San Leone u Amministratur Appostoliku sede vacante