• Barka fuq il-Poplu tagħna! 

    Hekk kif qed niġu fi tmiem sena memorabbli fl-istorja ta’ Malta, il-pajjiż u n-nazzjon għażiż tagħna, nixtieq nagħmel riflessjoni qasira dwar l-ewwel qari tal-lum mis-Solennità ta’ Marija Omm Alla.

    Il-qari huwa meħud mill-Ktieb tan-Numri (Kapitlu 6, versi 22-27): “Il-Mulej kellem lil Mosè, “Kellem lil Aron u ‘l uliedu u għidilhom: ‘Meta tbierku ‘l ulied Iżrael, hekk għandkom tgħidulhom: Ibierkek il-Mulej u jħarsek! Jixħet il-Mulej id-dija ta’ wiċċu fuqek, u jurik il-ħniena! Iħares lejk il-Mulej bi mħabba, u jagħtik is-sliem!”

    Il-Mulej ordna lil Mosè biex jgħallem lil ħuh Aron, il-magħżul biex ikun il-Qassis il-Kbir, dwar kif ibierek il-poplu ta’ Iżrael. Din il-barka kellha tliet invokazzjonijiet fuq il-poplu kollu ta’ Iżrael.

    Illum, jien nixtieq noffri u ngħaddi din il-barka fuq il-poplu għażiż Malti, hekk kif ninsabu fl-aħħar jum tal-2014 u fuq l-għatba tal-2015.
     
    Il-Mulej ibierkek u jħarsek
    J’Alla l-Maltin jibqgħu jirrikonoxxu li l-Mulej huwa t-tarka u l-wens tagħhom. Mhuwiex antikwat li nduru lejn Alla biex jipproteġina u jiggwidana. Ejja nirrikonoxxu lil Alla bħala l-Ħallieq u s-Salvatur tagħna. Hu mhux se jittradina, lanqas mhu se jonqosna. Ħamsin sena ilu l-poplu Malti ta ġieh lil stat indipendenti ġdid, billi ddikjara li l-Innu Malti tiegħu kellu jkun it-talba lil Alla miktuba minn Dun Karm. J’Alla din id-deċiżjoni feliċi tibqa’ tesprimi l-ispirtu profond tal-identità tagħna bħala stat-nazzjon, f’sintesi ammirevoli, fejn il-fidi ma tkunx ta’ xkiel, imma tiggarantixxi libertà reliġjuża u libertà tal-kuxjenza għal kulħadd.
     
     
    Il-Mulej jixħet id-dija ta’ wiċċu fuqek, u jurik il-ħniena
    It-tieni invokazzjoni tal-barka, tfakkar lill-poplu ta’ Iżrael li Alla huwa qrib kull wieħed u waħda minna, u li lest li jurina l-ħniena u l-imħabba tiegħu. Ejja nirringrazzjaw lil Alla għall-ħniena u l-grazzji li ġejna mogħnija bihom matul din l-aħħar sena, l-2014. Fi tmiem sena ta’ kommemorazzjonijiet u ċelebrazzjonijiet nazzjonali, ejja nirringrazzjaw lill-Mulej għall-għexieren ta’ snin ta’ tmexxija demokratika, li matulhom politiċi denji b’fehmiet differenti ddedikaw l-enerġija u l-ħiliet tagħhom. Il-Knisja f’Malta tirringrazzja lill-Mulej għat-tmexxija pastorali tal-Eċċellenza Tiegħu Monsinjur Pawlu Cremona OP, Arċisqof Emeritu, li t-tjubija umli tiegħu ġabet u għadha ġġib ferħ u hena f’ħafna qlub.

    Il-Mulej iħares lejk bi mħabba u jagħtik is-sliem
    It-tielet u l-aħħar invokazzjoni tfakkarna li l-Mulej lest li jurina l-ikbar att ta’ tjubija billi jagħtina d-don tal-paċi. Il-paċi hija tassew rigal prezzjuż. Għandna u rridu għalhekk naħdmu u nistinkaw biex ngħixu r-rikonċiljazzjoni vera bħala nazzjon. Iżda l-isforzi kollha tagħna jkunu ta’ xejn jekk ma jkunux ibbażati fuq il-verità u l-ġustizzja soċjali, u jekk ma jkunux imbierka mill-Mulej. Dan huwa dak li aħna nitolbu fl-aħħar versi tal-Innu Nazzjonali, hekk kif lill-Mulej nitolbuh iseddaq l-għaqda u s-sliem fost il-poplu Malti.

    Mhuwiex għalhekk forsi opportun li nistaqsu lilna nfusna jekk f’isem is-sekularizzazzjoni, stajniex irkibna ferrovija b’veloċità qawwija li twassalna għal ċertu sekulariżmu, li persistentament jevita, jinjora u jirrifjuta lil Alla u jiddisprezza il-gwida tiegħU ghax iqis lil Alla bħala ostaklu fil-miri utopistiċi tal-progress liberali?

    Liema dawl se jiggwidana s-sena d-dieħla, 2015? X’għażliet se nagħmlu bħala poplu u nazzjon? Dan il-Kon-Katidral, li qabel kien il-Knisja Konventwali tal-Kavallieri ta’ Malta, huwa monument għall-fedeltà reliġjuża li matul is-sekli issieltet għal-libertà u żviluppat f’tolleranza inklussiva mingħajr ma ttradiet l-għeruq tagħha.

    J’Alla dan l-imkien qaddis jibqa’ għal żmien twil ifakkarna fil-barka tal-Mulej li sawret il-binja tal-pajsaġġ sabiħ Malti u li għamlet il-kultura tagħna denjament kburija.
     
     ✝ Charles Jude Scicluna
        Isqof titulari ta’ San Leone
        Amministratur Appostoliku ta’ Malta