L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Fid-dawl tal-Evanġelju li għadna kemm smajna (Lq 5:17-26) u li qara Fr Bertrand Vella, wieħed miċ-Chaplains ta’ Mater Dei, nixtieq noffri tliet riflessjonijiet.
Dan ir-rakkont insibuh fi tliet Evanġelji minn erba’ u għalhekk jurina kemm hu mument importanti fil-ħajja ta Ġesù. Kellhom ikunu żgħażagħ biex jitilgħu minn fuq il-bejt u jgħaddu wieħed minn sħabhom mifluġ mix-xorok! L-insistenza tagħhom wasslet lil seħibhom għall-fejqan. Ġesù jara l-fidi konkreta tagħhom, fidi ta’ nies li meta jaraw sitwazzjoni ta’ mard — sitwazzjoni li għandha bżonn intervent qawwi — ma jorbtux idejhom imma jagħmlu xi ħaġa.
Nixtieq insellem mhux biss lill-awtoritajiet tas-saħħa, mhux biss lilek Onor. Ministru tas-Saħħa u Deputat Prim Ministru Chris Fearne, imma lil dawk kollha li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa u llum ma setgħux ikunu magħna għaliex proprju qegħdin jaqdu d-doveri tagħhom. Aħna nuru l-apprezzament u s-solidarjetà tagħna u wkoll nitolbu għalihom għaliex għad baqa’ ħafna xogħol xi jsir.
Ġesù, ħin minnhom — din hija xi ħaġa partikolari għar-rakkont ta’ San Luqa — jkollu fih qawwa tal-ispirtu biex ifejjaq. Ir-rakkont jibda propju b’Ġesù jgħallem ħafna mexxejja tal-poplu li marru biex jiltaqgħu miegħu l-Galilija ħalli jisimgħuh; fih ma kienx hemm biss l-ispirtu tat-tagħlim imma wkoll l-ispirtu tal-fejqan.
L-injoranza, jew inkella n-nuqqas ta’ responsabbiltà, hija periklu għas-saħħa tagħna daqskemm hu perikoluż il-virus.
Aħna għandna bżonn, b’mod speċjali f’dawn iċ-ċirkostanzi li qegħdin ngħixu fihom, dawn iż-żewġ spirti tajba: l-ispirtu tal-fejqan imma wkoll l-ispirtu tat-tagħlim. Ħafna drabi l-esperti ma jilmentawx biss bil-pandemija tal-COVID-19. Qrajt kumment li laqatni ħafna u li rridu niġġieldu lkoll. Kien hemm xi ħadd li qal li rridu niġġieldu kontra l-pandemija tal-injoranza; il-pandemija ta’ min jaħseb li jista’ jinjora dak li tgħallimna x-xjenza u jagħmel ta’ rasu. L-injoranza, jew inkella n-nuqqas ta’ responsabbiltà, hija periklu għas-saħħa tagħna daqskemm hu perikoluż il-virus.
Illum irridu nitolbu l-interċessjoni ta’ Sidtna Marija u tal-qaddisin, biex naqilgħu mingħand il-Mulej il-grazzja tal-fejqan u l-grazzja tal-għerf u d-dehen. Fl-Innu Malti, il-Poeta Nazzjonali għallimna nitolbu d-don tas-saħħa, id-don tal-għaqda imma wkoll id-don tad-dehen: li inti tagħraf x’hemm bżonn isir u tagħmlu b’kuraġġ kbir. Ġesù ma jitkellimx biss — u dan huwa l-aħħar ħsieb tiegħi — fuq il-fejqan tal-ġisem. Jibda b’fejqan radikali li huwa l-fejqan spiritwali. Lil dak il-mifluġ li sħabu niżżluh fuq mitraħ quddiem il-Mulej propju mix-xorok, ma jgħidlux fieq iżda jgħidlu: “dnubietek maħfura” (Lq 5:20).
Jiena rrid nemmen u rrid nawgura li l-professjoni medika u l-awtoritajiet tas-saħħa jkollhom approċċ olistiku f’ċirkustanzi straordinarji imma wkoll ta’ urġenza kbira. Nixtieq insellem lil tant carers, lil tant professjonisti, lil tant infermiera u operaturi oħra fil-qasam tas-saħħa li bl-imħabba li juru, bis-sagrifiċċju li juru, ma jwasslux biss il-fejqan fiżiku imma wkoll idewwu tant ġerħat psikoloġiċi u spiritwali.
… nitlob mhux biss l-għaqal tas-solidarjetà u tar-responsabbiltà imma l-għaqal ukoll li niġbdu ħabel wieħed.
Hemm il-ġerħa tas-solitudni, hemm il-ġerħa tal-emarġinazzjoni, il-ġerħa tal-istigma! Aħna rridu nirbħu dan kollu l-ewwel nett billi nitolbu l-grazzja tal-fejqan, mhux biss fiżiku imma spiritwali. Nirringrazzjaw lil Alla li aħna, fuq il-mijiet ta’ każi li kellna, mijiet fiequ. Nitolbu wkoll għal kull min miet; għal dawk id-disa’ persuni li mietu s’issa bil-COVID-19.
Nifhmu li fiċ-ċirkostanzi, anke ta’ dawn l-aħħar ġranet, ma nistgħux nillaxkaw; irridu nkomplu nsegwu b’għożża lil xulxin u nifhmu wkoll li l-awtoritajiet għandhom responsabbiltà li jagħtuna direzzjoni u aħna għandna wkoll ir-responsabbiltà li nsegwuhom. Jekk kulħadd jibda joħroġ bil-protokolli tiegħu, se noħolqu biss konfużjoni. L-awtoritajiet, f’kulma jagħmlu, ikunu qed isegwu l-aħjar xjenza possibbli u disponibbli, imma jekk ikollna ħafna kaptani, il-vapur mhux se jmur fid-direzzjoni l-ġusta.
Għalhekk, jien nitlob mhux biss l-għaqal tas-solidarjetà u tar-responsabbiltà imma l-għaqal ukoll li niġbdu ħabel wieħed. Ejjew nitolbu biex il-Mulej ikompli jbierek “lil din l-art ħelwa, l-Omm li tatna isimha” u li jkompli jberikha bis-saħħa, bid-dehen, bil-għaqal u bl-għożża.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Iż 35, 1-10
Salm: 84 (85), 9ab-10.11-12.13-14
Evanġelju: Lq 5, 17-26