L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Is-silta mill-Ewwel Qari tal-Profeta Iżaija, tagħtina t-tema ġenerali tal-Qari tal-lum, it-Tieni Ħadd ta’ żmien ta’ Matul is-Sena. Huwa messaġġ sabiħ f’din l-okkażjoni li qegħdin niċċelebraw illum. Il-Mulej jinsisti li r-relazzjoni tiegħu magħna hija relazzjoni ta’ mħabba. “Bħalma għarus jitgħarras xebba, hekk jitgħarrsek il-Bennej tiegħek; u bħalma l-għarus jitgħaxxaq b’għarustu, hekk jitgħaxxaq bik Alla tiegħek” (Iż 62:5). Alla jsemmi u jippreżenta lilu nnifsu bħala l-għarus li jħobb, il-Bennej li jitgħarras mal-binja tiegħu, li hi aħna.

Ġesù jibda s-sinjali tiegħu f’kuntest ta’ mħabba, festa ta’ tieġ. Ommu kienet mistiedna għal tieġ, u allura stiednu wkoll lit-tifel tagħha, li miegħu dan ġab ukoll il-ħbieb tiegħu. L-ewwel dixxipli tiegħu, jiġu mistiedna mal-mastrudaxxa ta’ Nazaret, ma’ Ġesù, għal dan it-tieġ f’Kana tal-Galilija, mhux ’il bogħod minn Nazaret. Ġesù, fis-sinjal li jagħmel, li jibdel f’inbid sitt ġarar mimlija sa xfar b’ilma umli ħafna, li kien jintuża għar-rit tal-purifikazzjoni, jagħtina sinjal li l-imħabba tiegħu hija kapaċi tittrasforma l-mumenti l-iżjed ikkumplikati, u l-mumenti l-iżjed diffiċli tal-ħajja tagħna.

Hospice Malta aċċettat din il-binja, li hi patrimonju tal-Knisja f’Malta, u trasformatha f’post straordinarjament sabiħ u utli.

F’dan is-sinjal nara wkoll messaġġ sabiħ u ta’ gratitudni għal dak kollu li tagħmel il-Hospice. Aħna qegħdin hawn illum għaliex għall-grazzja ta’ Alla, Hospice Malta aċċettat din il-binja, li hi patrimonju tal-Knisja f’Malta, u trasformatha f’post straordinarjament sabiħ u utli.

Bl-għajnuna ta’ kulħadd, inkluż tal-Istat, illum, qegħdin nagħtu sinjal ta’ tama għall-pajjiż kollu. Dan huwa mument ta’ sinerġija, ta’ tant kontributi minn kulħadd, li jwasslu biex aħna nkunu sinjal ta’ tama, u nagħtu tama lil min forsi qata’ qalbu, forsi għandu bżonn naqra iżjed tama.    

F’Mejju li għadda, il-Papa Franġisku bagħat messaġġ lill-parteċipanti fis-simpożju bit-titlu ta’ “Lejn narrattiva ta’ tama”, li kien qed isir f’Toronto, il-Kanada. Ippermettuli naqra silta qasira minn dan id-diskors sabiħ tal-Papa Franġisku, li huwa attwali ħafna. Anke għaliex qegħdin f’din is-sena tal-Ġublew tat-Tama, u nħoss li l-ħidma tagħna flimkien, l-għotja tal-Knisja, il-ħeġġa tal-Hospice, u l-għajnuna tal-Gvern ta’ Malta, qed jagħtu sinjal konkret ta’ tama. Illum, għall-grazzja ta’ Alla, ħafna ħolm, wegħdiet u impenji saru realtà.

Il-Papa jgħid hekk: Intom għażiltu din it-tema, “Lejn narrattiva ta’ tama”, li hija f’waqtha, kif ukoll meħtieġa. Illum il-ġurnata, aħna u nixhdu għall-effetti traġiċi tal-gwerra, l-vjolenza, u l-inġustizzja ta’ bosta xejriet, faċli ħafna li nċedu għad-diqa u anke għall-qtigħ il-qalb. Imma bħala membri tal-familja tal-bnedmin, u speċjalment bħala nies ta’ fidi, aħna msejħin nakkumpanjaw, b’imħabba u mogħdrija, lil dawk li qed jissieltu u qed ibatu biex isibu raġunijiet għat-tama. Tabilħaqq, it-tama hi dik li tagħtina l-qawwa f’wiċċ il-mistoqsijiet imqanqla mill-isfidi, id-diffikultajiet u l-ansjetajiet tal-ħajja. Dawk kollha li jġarrbu l-inċertezzi li spiss iġibu magħhom il-mard u l-mewt għandhom bżonn ix-xhieda ta’ tama li jagħtu dawk li jieħdu ħsiebhom u li jibqgħu qrib tagħhom.

F’dan ir-rigward, il-kura palljattiva, waqt li tipprova ttaffi kemm hu possibbli t-toqol tal-uġigħ, hija fuq kollox sinjal konkret ta’ qrubija u solidarjetà ma’ ħutna li qed ibatu. Fl-istess waqt, din l-għamla ta’ kura tista’ tgħin il-pazjenti u l-għeżież tagħhom jaċċettaw il-vulnerabbiltà, il-fraġilità u l-limitazzjonijiet li jimmarkaw il-ħajja tal-bniedem fuq din l-art.”

Il-kura paljattiva hi għamla ġenwina ta’ kompassjoni, għax twieġeb għat-tbatija, sew jekk fiżika, emozzjonali, psikoloġika jew spiritwali, billi tafferma d-dinjità fundamentali u invjolabbli ta’ kull persuna

“Hawn irrid insemmi,” jgħid il-Papa Franġisku, “li kura palljattiva awtentika hi radikalment differenti mill-ewtanasja, li qatt ma hi għajn ta’ tama jew attenzjoni ġenwina għal min hu marid u min qed imut. Minflok, din hi falliment tal-imħabba, mera ta’ ‘kultura tal-iskart’ li fiha ‘l-persuna m’għadniex inħossuha bħala valur primarju li għandna nirrispettawh u nieħdu ħsiebu’ (Fratelli tutti, 18).

“Tabilħaqq, l-ewtanasja hi spiss ippreżentata b’mod qarrieq bħala għamla ta’ kompassjoni. Imma l-“kompassjoni”, kelma li tfisser “tbati ma’”, ma tinvolvix it-temma intenzjonata ta’ ħajja, imma pjuttost ir-rieda li wieħed jaqsam fit-toqol ta’ dawk li qed jaffaċċjaw l-aħħar stadji tal-pellegrinaġġ tagħna fuq din l-art. Il-kura paljattiva, allura, hi għamla ġenwina ta’ kompassjoni, għax twieġeb għat-tbatija, sew jekk fiżika, emozzjonali, psikoloġika jew spiritwali, billi tafferma d-dinjità fundamentali u invjolabbli ta’ kull persuna, speċjalment min qed imut, u tgħinhom jaċċettaw il-mument inevitabbli tal-passaġġ minn din il-ħajja għall-ħajja eterna.”

Il-Papa Franġisku jippreżenta wkoll il-limitu ta’ dak li nistgħu nagħmlu. Jgħid, “Hemm żewġ kunsiderazzjonijiet li għalina l-Insara jibqgħu importanti. L-ewwel: ma nistgħux nevitaw il-mewt, u proprju għalhekk, wara li nkunu għamilna dak kollu li hu umanament possibbli biex nikkuraw il-persuna marida, ikun immorali l-‘akkaniment terapewtiku’ (ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, n. 2278).” Dik il-frażi tal-poplu fidil ta’ Alla, tan-nies sempliċi: “Ħallih ħa jmut bis-sliem”, “għinu jmut fil-paċi”: x’għerf dak!”

Illum qed niċċelebraw sinjal ta’ tama u ta’ kompassjoni vera; qed niċċelebraw il-ħajja anke fil-mument l-iżjed delikat tagħha, u m’aħniex qed niċċelebraw il-qtil.   

“It-tieni kunsiderazzjoni mbagħad hi dwar il-kwalità tal-istess mewt, il-kwalità tat-tbatija. Fil-fatt, għandna għax inkunu grati għall-għajnuna kollha li l-mediċina qed tipprova tagħti, biex permezz tal-hekk imsejħa “kura paljattiva”, kull persuna li tersaq biex tgħix l-aħħar parti tat-triq ta’ ħajjitha, tista’ tagħmlu bl-aktar mod uman possibbli. Imma rridu nkunu attenti li ma nifxlux din l-għajnuna ma’ devjazzjonijiet li wkoll huma inaċċettabbli għax iwasslu għall-qtil. Jeħtieġ insieħbu lejn il-mewt, imma mhux nipprovokaw il-mewt.” Il-Papa qed jgħid li rridu nakkumpanjaw lil min qed imut, u mhux noqtluh. Imma fl-istess ħin, il-Papa qed jgħidilna sabiex noqgħodu attenti li l-ħajja ma nġebbduhiex b’mod artifiċċjuż u straordinarju, u l-bniedem anke f’dak l-akkaniment, inneħulu d-dinjità tiegħu.

Dan hu bilanċ kbir li  s-soċjetà  importanti tirrifletti dwaru.

Nirringrazzja lil Hospice li aċċettat id-don tal-Knisja f’Malta, bħala sinjal tas-Sena tal-Ħniena tal-2016. Għaddew is-snin imma wassalna għall-grazzja ta’ Alla. Nirringrazzja wkoll lill-Istat tal-impenn li jkun ta’ support għal din il-ħidma. Hawnhekk, illum qed niċċelebraw sinjal ta’ tama u ta’ kompassjoni vera; qed niċċelebraw il-ħajja anke fil-mument l-iżjed delikat tagħha, u m’aħniex qed niċċelebraw il-qtil.   

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 62:1-5
Salm: 95, 1-2a. 2b-3. 7-8a. 9-10aċ
Qari II: 1 Kor 12:4-11
L-Evanġelju: Ġw 2:1-11

Aktar ritratti