L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Waħda mill-invokazzjonijiet li l-Papa Franġisku dan l-aħħar żied fil-Litanija tal-Madonna hija “Omm it-tama”. Lil Marija aħna nqimuha u nħarsu lejha bħala “Omm it-tama”. U meta nħarsu lejha taħt is-salib, meta hi wieqfa imma siekta, taqsam it-tbatija ma’ binha u tbati hi wkoll, hemmhekk narawha tassew bħala Omm it-tama.
Kienet it-tama li dejjem mexxiet lil Marija fil-ħajja tagħha. Hi għarfet li t-tama tfisser li int tqiegħed il-fiduċja tiegħek fil-Kelma ta’ Alla, li jkun hu li jmexxik. Għalhekk, meta għandek it-tama fil-Mulej, hu jkun miegħek fil-mumenti ibsin tal-ħajja, mill-ħażin hu joħroġ it-tajjeb, u jmexxik ’il quddiem għax tagħraf li l-kelma tiegħu hi dejjem kelma rebbieħa. Marija għaddiet minn ħafna tbatija fil-ħajja tagħha, imma l-ħajja tagħha kienet vjaġġ ta’ tama. Miexja dejjem ’il quddiem, tqiegħed it-tama tagħha fil-Mulej, mhux fiċ-ċirkustanzi ta’ madwar, mhux f’dak li tgħaddi minnu, f’xi ħadd jew f’xi ħaġa, imma tqiegħed it-tama fil-Mulej. Kien hu li mexxieha f’dan il-vjaġġ sa taħt is-salib, meta narawha siekta imma qalbha bit-tama.
Għalhekk Ġesù fuq is-salib, meta ħares lejha, ried iħalliha lilna bħala ommna. Bħalma kienet ommu u kienet ta’ appoġġ għalih fil-ħajja tiegħu, ried iħalliha bħala ommna biex tkun tassew, kif insejħulha dejjem fis-Salve Regina, “tama tagħna”.
Tolqotna Marija taħt is-salib. Hemm narawha fi tbatija kbira. Siekta, filwaqt li tisma’ l-għajjat ta’ dawk li qed jipparteċipaw fl-qtil ta’ Ġesù. Hija siekta, filwaqt li tisma’ l-kliem li jweġġa’, il-kliem ta’ insulti. Hija siekta, imma mhijiex siekta għax qed tidfen f’qalbha u bl-imrar f’qalbha. Hija siekta bit-tama f’qalbha, u t-tama li Kristu joħroġ rebbieħ, li tasal il-ġurnata meta hu jirbaħ, u r-rebħa tkun tal-ħajja fuq il-mewt, tal-imħabba fuq il-mibegħda.
Din hi t-tama li mexxiet lil Marija. Għalhekk Ġesù fuq is-salib, meta ħares lejha, ried iħalliha lilna bħala ommna. Bħalma kienet ommu u kienet ta’ appoġġ għalih fil-ħajja tiegħu, ried iħalliha bħala ommna biex tkun tassew, kif insejħulha dejjem fis-Salve Regina, “tama tagħna”. Aħna għandna bżonn lil Marija bħala omm it-tama, għax kultant naħbtu naqtgħu qalbna, kultant inħossuna nitgħaffġu taħt il-problemi tal-ħajja. Kultant nirraġunaw, bħall-espressjoni bil-Malti li “min jgħix bit-tama jmut bil-piena”. Imma Marija turina li mhuwiex hekk għal min jemmen fil-Mulej u għal min iqiegħed it-tama fih, għax kif jgħid San Pawl fl-Ittra lir-Rumani: “it-tama ma tqarraqx bina” (Rum 5:5). Dik hija t-tama li aħna għandna, għax nemmnu fil-Mulej.
Għandna bżonn din it-tama speċjalment f’dan iż-żmien. Issa ilna iktar minn sena ngħixu ż-żmien ta’ pandemija. Hu ż-żmien li ħafna drabi jnissel fina l-biża’ – biża’ mill-virus, biża’ mill-futur li jibqa’ inċert, biża’ mill-oħrajn. Jekk aħna nibqgħu bil-biża’ f’qalbna, naħbtu naqtgħu qalbna, nimtlew bl-ansjetà, u ħajjitna ma nkunux nistgħu ngħixuha fil-paċi. Għalhekk għandna bżonn din omm it-tama li lilna tmexxina ’l quddiem. Hi, għax għaddiet minn ħafna tbatija, taf x’jiġifieri tbati u tieqaf magħna fit-tbatija. F’dan iż-żmien verament diffiċli, it-tama li tagħtina mhijiex xi ħaġa tal-ħolm, jew tal-illużjoni, jew ta’ stħajjil, imma t-tama li ma tqarraqx bina.
Għalhekk, din hi t-talba li nixtieq nagħmel illum lill-Madonna tad-Duluri, f’din il-knisja hekk għażiża għalina u marbuta mill-qrib ma’ din iċ-ċelebrazzjoni tal-lum. O Madonna tad-Duluri, ħu ħsieb lilna, lill-familji tagħna, lil dawk speċjalment li huma morda, li għaddejjin minn żminijiet diffiċli, dawk li qed jogħtru taħt it-tbatija. Ħu ħsieb lilna lkoll. Kun għalina Omm it-tama. Ħu ħsieb dawk li qegħdin jaħdmu ħafna b’dedikazzjoni għall-kura tal-morda: it-tobba, l-infermiera, l-ispiżjara, dawk li qegħdin jaħdmu fil-qasam tas-saħħa, u wkoll tant ħaddiema oħra f’oqsma differenti u volontarji wkoll li qegħdin jagħtu sehemhom għal dawk li huma fil-bżonn. F’idejk nafdaw lil dawk li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem, speċjalment f’dawn l-aħħar jiem, biex int tilqagħhom fi ħdanek u biex tieqaf mal-familjari tagħhom li ġarrbu din it-telfa ta’ xi ħadd għażiż jew għażiża. Speċjalment illum, nitolbu għall-ommijiet li tilfu lil uliedhom. Nitolbu biex Marija tkun għalihom ta’ faraġ; lilha hekk narawha taħt is-salib.
Nitolbu biex f’qalbna aħna jkollna dejjem din it-tama li tmexxina ’l quddiem – it-tama li tgħinna biex il-ħajja tagħna ngħixuha tassew fil-paċi, u li tkun imsieħba mad-determinazzjoni tagħna, kif turina Marija, biex nagħmlu kulma nistgħu biex nipproteġu l-ħajja, u biex qatt ma nitilfu wkoll il-viżjoni tal-ħajja ta’ dejjem, kif tgħallimna hi, għax it-tama ma tqarraqx bina.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju