L-Iżvilupp propost f’Ħondoq ir-Rummien: X’għandu jiġi kkonsidrat
OPINJONI TAL-KUMMISSJONI INTERDJOCESANA AMBJENT
Fid-dawl tas-smiegħ tal-appell li hemm ippjanat fir-rigward tal-iżvilupp propost għal Ħondoq ir-Rummien, il-Kummissjoni Interdjocesana Ambjent (KA) tħoss li għanda terġa’ tfakkar lill-pubbliku u lill-awtoritajiet konċernati l-fehemiet tagħha dwar il-proġett. Il-KA tħoss li għandha tagħmel dan għax din il-kwistjoni ambjentali u l-mod kif ittieħdu (jew ma ttieħdux) ċertu deċiżjonijiet jindirizzaw prinċipji bażiċi dwar l-iżvilupp sostenibbli ta’ dawn il-gżejjer. Verżjoni aktar dettaljata ta’ din l-opinjoni kienet ippublikata fl-20 Lulju 2010.
Il-KA temmen li żvilupp sostenibbli biss jista’ jkattar il-ġid ambjentali, soċjali u ekonomiku t’Għawdex. Il-pożizzjoni tal-KA mhix li nagħmlu ‘presepju’ minn Għawdex, iżda li niżguraw li kull żvilupp li jseħħ f’din il-gżira ikun wieħed li jtejjeb verament il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini, jħares lejn gwadann ekonomiku fit-tul u jkun għall-ġid komuni. Fil-konferenza, li l-KA organizzat fis-17 ta’ Diċembru 2011 dwar l-Iżvilupp t’Għawdex – sfidi u opportunitajiet, ħareġ ċar li (b’mod speċjali f’Għawdex) m’għadx fadal lok għal mudelli antiki ta’ ekonomija mibnija fuq l-isfruttament irresponsabbli tar-riżorsi umani u ambjentali.
L-ikbar problema marbuta ma’ dan il-proġett hi d-daqs sproporzjonat tal-footprint tiegħu. Il-proġett tal-Ħondoq qed jipproponi li jirdoppja n-numru ta’ sodod fil-kategorija ta’ lukandi b’ħames stilel, fi żmien meta lukandi ta’ dan it-tip għandhom diffikultajiet serji (kif jammetti l-istess EIS tal-proġett – EIS, Sezzjoni 1.1.2.4.1 Hotel). Il-proposta tirrikonoxi wkoll li l-lukanda waħedha ġewwa l-Ħondoq ma tkunx ekonomikament vijabbli. Sabiex joħroġ minn din il-problema ekonomika, l-iżviluppatur jipproponi żvilupp ikbar (!), jiġifieri l-ħolqien ta’ villaġġ turistiku u marina … minflok ħadem fuq xi forma ta’ żvilupp sostenibbli li jirrispetta l-ħtiġijiet ambjentali u soċjali tal-lokalità u jgħin fir-reabilitazzjoni vera tagħha.
Difett rikorrenti fl-EIS tal-proġett hu li għal kull referenza għall-impatt (identifikata mill-istess EIS) li dan il-proġett jista’ jkollu fuq il-kwalità tal-ambjent tal-inħawi, l-EIS ikun pront joffri miżuri ta’ mitigazzjoni bħala miżuri li żgur ser jaħdmu. Fil-verità wieħed qatt ma jista’ jaċċerta ruħu (kif donnu qiegħed jagħmel l-EIS) li dawn il-miżuri ser ikun implementati u implementati b’suċċess, qabel mal-istess proġett jibda jopera.
Difett ieħor tal-EIS hu li jagħmel diversi paraguni mal-iżvilupp tal-marina f’Portomaso, San Ġiljan. Dan jagħmlu kemm meta juri l-intenzjoni tal-proġett li jiġbed lejn Għawdex l-istess opportunitajiet (suċċessi) li ħoloq il-proġett ta’ Portomaso u anke meta jkejjel il-qliegħ tal-proġett mill-bejgħ ta’ propjetajiet. Filwaqt li r-raġunar propost jagħmel sens, ir-rapport donnu jinsa li Portomaso mela niċċa li qabel kienet okkupata mill-Hotel Hilton l-antika u li din in-niċċa kienet parti integrali minn żvilupp urban kbir u mifrux li jinkludi Paceville, San Ġiljan u tas-Sliema. L-implikazzjonijiet ta’ dan ir-raġunar fuq Ħondoq ir-Rummien hu li biex il-proġett (ġaladarba jkun sar) ikun “ekonomikament vijabbli” jista’ jkun hemm bżonn ta’ żvilupp intens ta’ binjiet imdawrin mal-marina, speċi ta’ Portomaso ieħor, li jwassal għal żvilupp urban u firxa ta’ binjiet oħra (urban sprawling) li jinbtu minnu u li jibqgħu jinfirxu max-xtut u ’l ġewwa lejn il-Qala. Il-KA issostni li kull żvilupp ta’ marinas għandu jitħalla jseħħ f’inħawi fejn diġà jeżisti ċertu livell ta’ żvilupp urban.
Minbarra dawn l-argumenti li jikkonċernaw l-ippjanar u l-użu għaqli tal-art, il-KA tħoss li l-proposta għall-iżvilupp ta’ Ħondoq ir-Rummien turi insensitività soċjali kbira. Il-KA ma tistax tifhem kif l-iżviluppatur għażel li jinjora l-fatt li l-maġġoranza tar-residenti tal-Qala, li sa jkunu milquta direttament mill-proġett, huma kontra dan l-iżvilupp kif propost. Minbarra dan hemm ukoll aspetti ta’ mitigazzjoni fl-EIS, pereżempju l-għoti ta’ twieqi double glazed biex jitnaqqas l-inkonvenjent tal-istorbju u l-emissjonijiet fl-arja, li juru l-mod superfiċjali kif problemi reali għall-popolazzjoni lokali qed jingħataw importanza sekondarja. Atteġġamenti simili jqajmu suspetti serji fir-risponsabbiltà soċjali ta’ dan il-proġett.
Konklużjoni
Il-KA hija tal-fehma li l-iżvilupp kif propost f’Ħondoq ir-Rummien mhuwiex wieħed sostenibbli u diffiċli tiġġustifika li dan jirrappreżenta ġid akbar u kwalità ta’ ħajja aħjar għall-Għawdxin għal żmien twil. Dan għaliex il-proġett mhux ser iservi sabiex jikkonserva l-identità tal-pajsaġġ u s-sbuħija tal-inħawi li għandhom ikunu l-attrazzjoni prinċipali (principal assets) li biha tiġbed l-aqwa turist lejn Għawdex. Bl-iskuża tal-bżonn li titnaddaf il-barriera eżistenti u r-rijabilitazzjoni tal-post, hemm il-periklu li nispekulaw fuq l-art mingħajr rigward għal x’ser jonqsilna mill-prodott turistiku li rridu noffru. Kienet ħasra li l-iżviluppatur tħalla jixtri din l-art mingħajr min begħhielu ma nduna jew ma impurtah mill-ħsara li tista’ issir minn dan il-bejgħ.
Fl-istess waqt il-KA tixtieq tagħmel appell lil kulhadd, speċjalment lil dawk kollha li semmew leħinhom kontra dan l-iżvilupp f’Ħondoq ir-Rummien. Li jitwaqqaf dan il-proġett mhux biżżejjed. Dan ikun biss l-ewwel pass. Hemm bżonn urġenti li nkunu ferm aktar proattivi fil-mod kif nindukraw il-wirt Għawdxi. Hemm bżonn li naraw kif it-telqa ta’ barriera u l-isfreġju ambjentali ta’ madwara għandhom ikunu indirizzati b’mod prattiku u konkret. Ir-reġenerazzjoni tal-post ser ikollha bżonn il-flus. Aktar milli jingħata l-lok għal aktar spekulazzjoni tal-art, dawn il-fondi għandhom jiġu minn programmi nazzjonali ppjanati b’mod ħolistiku li verament jissarfu fi kwalità ta’ ħajja aħjar għall-Għawdxin kollha u prodott turistiku aħjar.
Fr Eric Overend u Prof Paul J Pace, għan-nom tal-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent.