L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Alla li jagħti kull grazzja, li sejħilkom għall-glorja tiegħu ta’ dejjem fi Kristu, hu nnifsu jerġa’ jġeddidkom, iwettaqkom, isaħħaħkom u jqegħidkom fis-sod. Tiegħu hi s-setgħa għal dejjem” (1 Piet 5: 10-11).

Intom qegħdin hawn għeżież ħuti djakni, li minn hawn u ftit ieħor bit-tqiegħid ta’ jdejja u bit-talba tal-konsagrazzjoni intom issiru saċerdoti, intom xhieda tal-grazzji li jagħti Alla. Intom xhieda ta’ “Alla li jagħti kull grazzja” (1 Piet 5:10). Ifhmu li intom imsejħin għall-glorja tiegħu ta’ dejjem fi Kristu. Mhux il-Ġiżwita biss, li dejjem jikteb AMDG (Ad  Maiorem Dei gloriam), imma llkoll kemm aħna msejħin għall-glorja tiegħu.

Kull wieħed minna, biex ma ngħidx kull wieħed u waħda minna, imma qed nitkellem fuqna imsejħin għas-saċerdozju b’mod speċjali llum, aħna opra xogħol tal-grazzja t’Alla tal-imħabba mogħtija b’xejn u li ma tfittex xejn lura ħlief li tinħabb. Imħabba li tqanqal imħabba. Ir-risposta tagħkom hi tweġiba għall-imħabba, u la hi tweġiba għall-imħabba trid tkun tweġiba ta’ mħabba. Innutaw lil Pietru li hu l-protagonista tal-qari tal-lum għax f’kull qari hemm il-preżenza ta’ Pietru. Intom imsejħin bħala presbiteri li tirgħu l-merħla tal-Mulej bil-qalb, “bil-ħeġġa tal-imħabba,” (1 Piet 5:2) jgħid.

Intom imsejħin biex tkunu eżempju u San Pietru iwissina mill-kontradizzjoni ta’ dan kollu meta l-motivazzjoni tagħna tkun “il-qligħ baxx” (1 Piet 5:2) li naħkmu bil-qawwa. Imma intom dejjem ftakru li kull jum ta’ ħajjitkom irid ikun risposta ta’ mħabba għall-imħabba, għall-imħabba ta’ Alla għalina. Ġesù kontinwament iħallina liberi. “Tridux titilqu intom ukoll?” (Ġw 6:67). Għadna fil-bidu ħudu paċenzja.

Id-deċiżjoni li se tikkonfermaw quddiem il-poplu mhix ad tempus imma risposta ta’ mħabba dejjiema għall-imħabba dejjiema. “Mulej għand min immorru?” (Ġw 6:68). Il-ħajja tagħkom, ix-xhieda tagħkom lilna membri tal-poplu t’Alla, lili, lill-presbiteri sħabkom, lill-poplu għażiż t’Alla – ix-xhieda tagħkom lilna trid tkun din il-mistoqsija dik li għamel Pietru lil Ġesù: “Mulej għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 6:68).

Għax il-poplu jekk jara fikom biss filantropi jew fundraisers, jew operaturi soċjali, mhux bilfors jarawkom tindikaw lil Ġesù. Imma kull opra tagħkom, anke meta l-ministeru tagħkom iwassalkom tagħmlu affarijiet li qatt ma ħlomtu li ser tagħmlu, li ma tistgħux toħolmuhom illum, il-ministeru tagħkom li se jlaqqagħkom ma’ tant nies iwassalkom mal-ibgħad trufijiet tad-dinja, b’mod speċjali jekk tkun Ġiżwita, irid ikun dejjem ministeru li lill-umanità jagħtiha risposta. “Mulej għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem (Ġw 6:68).

Mhux il-kliem tal-ħajja imma “l-kliem tal-ħajja ta’ dejjem, u aħna emminna u għarafna li inti l-Qaddis ta’ Alla” (Ġw 6:68-69). Emmint u għaraft. Naf f’min emmint. U li tagħraf hi li tidħol f’intimità, li tifhem il-ġewwieni, il-qalb ta’ Ġesù, li tidħol fil-misteru tagħha u temmen għax għaraft u għax għaraft tħobb.

Pietru, fis-servizz tiegħu lill-komunità, jirrepeti l-ġesti ta’ fejqan tal-Imgħallem. Ifejjaq lil Enea, ir-ragel mifluġ, u jqajjem lil Tabita mill-mewt. Jalla, intom fil-ministeru tagħkom, tkomplu l-missjoni ta’ fejqan, inawgurata mill-Ispirtu tal-Mulej f’Ġesù Kristu. “Il-Mulej ikkonsagrani, biex inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin, bagħatni ndewwi l-qalb miksura; biex inħabbar il-ħelsien lill-imjassrin… biex inniedi s-sena tal-grazzja tal-Mulej” (Iż 61:1-2).

Min jaf kemm se tiltaqgħu ma’ Enea fil-ħajja tagħkom bħala saċerdoti, nies li fil-ħajja spiritwali jħossuhom mifluġa, bla saħħa u bl-interċessjoni, u bl-eżempju u bil-gwida tagħkom, dawn ħutna mifluġin spiritwalment, mixħutin fis-sodda tal-vizzju, tal-mard u tad-dnub, jisimgħu mingħandkom il-kliem li qal Pietru: “Enea, Ġesù Kristu jfejqek, qum” (Atti 22:34).

Hekk tagħmel inti. Kull meta fis-sagrament tal-qrar lil xi ħadd minn ħutna u tgħidlu dnubietek maħfura ‘fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu’. “Ġesu Kristu jfejqek, qum u ifrex is-sodda inti stess” (Atti 22:34).

Bil-qawwa tas-saċerdożju mogħtija lilkom għas-servizz tal-poplu, il-Mulej jinqeda bikom biex iwassal il-ħajja fejn hemm il-mewt u jinqeda bikom ukoll biex il-kultura tal-mewt li donnha qed taħkem id-dinja, u l-kuxjenza tal-umanità tiġi trasformata f’kultura tal-ħajja. Qum f’isem il-Mulej, Ġesù. “Tabita, qum” (Atti 22:40).

Imma tinsewx tkunu ministri ta’ dan il-fejqan, ta’ dan il-qawmien. Tridu tkunu intom ukoll umli biżżejjed biex f’riġlejn Ġesù titolbuh kuljum għall-fejqan tagħkom, għat-tiġdid ta’ ruħkom għax hu fl-imħabba tiegħu sejħilkom għall-glorja tiegħu ta’ dejjem. “Hu nnifsu jġeddidkom, iwettaqkom, isaħħaħkom u jqegħidkom fis-sod” (1 Piet 5:11).

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Atti 9:31-42
Salm: 115 (116): 12-13, 14-15, 16-17
Qari II: 1 Piet 5:1-11
L-Evanġelju: Ġw 6:60-69

Aktar ritratti