-
Ordinazzjoni ta’ erba’ djakni
-
Nhar il-Ġimgħa, 8 ta’ Novembru, fil-6.30 ta’ filgħaxija, l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. ser imexxi konċelebrazzjoni solenni fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Pietru fil-Ktajjen Birzebbuga, li fiha se jiġu ordnati erbgħa djakni. Dawn huma Fra Christian A. Borg mill-Ordni tal-Franġiskani Konventwali; is-Seminarista Luke Cutajar mill-Parroċċa ta’ San Pawl, ir-Rabat; Fra Joseph Formosa mill-Ordni tal-Franġiskani Konventwali u s-Seminarista Brian Gialanzè mill-parroċċa ta’ San Pietru fil-Ktajjen, Birżebbuga.
Permezz tal-Ordinazzjoni, id-djakni l-ġodda isiru xebh ma’ Ġesù Kristu li ried ikun ‘djaknu’, jiġifieri qaddej ta’ kulħadd. Id-dmirijiet tad-djaknu huma li l-ewwel u qabel kollox jiddedika ħajtu għal qadi bl-mħabba (djakonija) fis-servizz tiegħu lejn il-poplu, jassisti lill-Isqof u lis-saċerdoti fiċ-ċelebrazzjoni tal-misteri qaddisa, l-aktar tal-Ewkaristija, jamministra s-sagrament tal-Magħmudija, jassisti għaż-żwieġ u jbierku, ixandar l-Evanġelju u jippriedkah u jmexxi l-funerali.
Il-komunita’ tas-Seminarju flimkien mal-komunita tal-Ordni Franġiskani Konventwali iħeġġu lil kulħadd biex jitlob b’mod speċjali għal dawn id-djakni ġodda u għal żagħżagħ oħrajn li huma msejħa biex jimxu wara Ġesù fil-ħajja saċerdotali jew reliġjuża.