Nhar il-Ġimgħa 14 ta’ Ottubru 2011, fis-sitta u nofs ta’ filgħaxija, l-Arċisqof Pawlu Cremona OP ser imexxi konċelebrazzjoni solenni fil-Knisja Arċipretali ta’ Santa Katarina, iż-Żejtun, li fiha se jiġu ordnati Djakni tmien żgħażagħ. Dawn is-seminaristi huma Dillon Bugeja miż-Żurrieq, Robin Camilleri minn Ħal Luqa, Roderick Camilleri minn Ħaż-Żabbar, Mario Dimech mis-Siġġiewi, Anthony Paul Fitzpatrick minn Gwardamangia, George Schembri minn Ħal Qormi (S. Ġorġ), Michael Zammit minn B’Kara (S. Elena) u Fra Walter Vassallo mill-Ordni tal-Franġiskani Minuri.
Permezz tal-Ordinazzjoni, id-djakni l-ġodda isiru xebh ma’ Ġesù Kristu li ried ikun ‘djaknu’, jiġifieri qaddej ta’ kulħadd. Id-dmirijiet tad-djaknu huma li l-ewwel u qabel kollox jiddedika ħajtu għal qadi ta’ mħabba (djakonija) kull meta l-bnedmin jenħtieġuħ, jassisti lill-Isqof u lis-saċerdoti fiċ-ċelebrazzjoni tal-misteri qaddisa, l-aktar tal-Ewkaristija, jamministra s-sagrament tal-Magħmudija, jassisti għaż-żwieġ u jbierku, ixandar l-Evanġelju u jippriedkah u jmexxi l-funerali.
Is-seminarista Dillon Buġeja qal li permezz tad-djakonat wieħed isir il-widna, il-ħalq, il-qalb u r-ruħ ta’ Ġesù. Huwa kompla jgħid li d-djaknu huwa mitlub li jkun il-pont bejn il-knisja u d-dinja, bejn is-saċerdot u n-Nisrani, bejn l-altar u l-kultura. Dillon Buġeja żied jgħid li d-djaknu huwa agent u promotur tal-karita’ fost il-Maltin filwaqt li jsir interpretatur, osservatur u katalista għall-Knisja u għas-soċjeta’.
Ix-xewqa ta’ Dillon u ta’ sħabu hi li bil-konsagrazzjoni tagħhom ikunu għall-persuni ta’ madwarhom preżenza sempliċi fejn l-uman u d-divin ta’ Ġesù jgħammru fihom u jitqassmu għal kulħadd.
Ritratt: Photocity, Valletta