Il-President tal-Kunsill Pontifiċju għall-Ġustizzja u l-Paċi qed jitlob għall-paċi fid-dinja u li tibda minn Ġerusalem. Il-Kardinal Peter Turkson kiteb dan fil-messaġġ tiegħu għat-tielet Jum Internazzjonali għall-Paċi fl-Art Imqaddsa. L-Isqof Mario Toso, segretarju tad-dekasteru, ukoll iffirma n-nota.
L-inizjattiva ta’ talb, organizzata minn diversi assoċjazzjonijiet kattoliċi taż-żgħażagħ, se ssir bejn id-29 u t-30 ta’ Jannar li ġej. L-attivita annwali bdiet fl-2009, meta nsara minn madwar 500 belt minn madwar id-dinja kollha ngħaqdu flimkien għal talb komuni għall-paċi. Jannar li għadda, kienu madwar 1,103 ibliet li ngħaqdu fit-talb għall-paċi mal-Papa Benedittu XVI, mal-Kustodju tal-Art Imqaddsa Fr Pierbattista Pizzaballa u mal-Arċisqof Fouad Twal, Patrijarka Latin ta’ Ġerusalemm. Għall-attivita ta’ dis-sena hu mifhum li dawk l-ibliet li se jieħdu sehem diġa qed jammontaw għal iżjed minn elfejn.
Il-jum ta’ talb hu appoġġjat ukoll mill-Kunsill Pontifiċju għall-Ġustizzja u l-Paċi u jirreaġixxi partikolarment għas-sejħa ta’ talb mill-Assemblea Speċjali ta’ Lvant Nofsani li saret riċentament fi ħdan is-Sinodu tal-Isqfijiet.
“Il-Knisja dejjem għamlet sforz biex twassal messaġġ ta’ paċi”, qal il-Kardinal Turkson fil-messaġġ tiegħu. Żied li llum il-messaġġ ta’ paċi hu rilevanti iktar minn qatt qabel. Ikkwota anki lill-Papa fl-appella li għamel fl-aħħar Sinodu tal-isqfijiet. Turkson temm jesprimi t-tama tiegħu li bħas-snin li għaddew din l-attivita tħalli l-frott mixtieq.