• ***

    Direttur: Joe Wright

    Atturi: Levi Miller, Hugh Jackman, Garrett Hedlund, Rooney Mara, Amanda Seyfried,  Adeel Akhtar, Lewis MacDougal u Nonso Anozie

    Ħin tal-film: 111 min

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: PG

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 12

    Peter ta’ tarbija,  jitħalla fuq l-għatna ta’ orfantrofju minn ommu Mary. Din id-dar għal tfal orfni kienet taħt it-tmexxjia ta’  Mother Barnabas, soru kattiva u bla ebda idea kif tagħti kura  kif kien jixirilhom dawn it-tfal li sabu ruħhom f’dan l-istitut. Meta Peter u sieħbu Nibs jintebħu li Mother Barnabas kienet qegħda taħżen l-ikel, jiddeċiedu li jsibu mezz biex jidħlu u jisirqu l-ikel maħżun.  Fil-proċess tas-serqa,  Peter isib ittra miktuba minn ommu li fiha kien hemm dikjarazzjoni ta’ mħabba lejh u li kient tittama li xi darba terġa’ tiltaqa’ miegħu “f’din id-dinja jew fl-oħra”.  Sfortunatament, it-tfal jinqabdu minn Mother Barnabas u bħala ritaljazzjoni ssejjaħ il-pirati li jaqbdu lil Nibs u ħafna minn sħabu. Meta Peter jirnexxielu jeħles lil Nibs, sfortunatament  jinqabad hu stess u jintbagħat ġewwa Neverland, saltna maġika lill hemm fl-ispażju fejn dawk li jintbagħtu hemm jiġu sforzati jaħdmu bħala skjavi f’minjiera taħt id-dittatur pirata Blackbeard. Hawn Peter isir ħabib ma’ James Hook. Wara li Peter jissulenta lin-nies ta’ Blackbeard, jiġi kkundannat biex jimxi fuq tavlun iżda maġikament isalva hekk kif  wasal ftit  ’l fuq mill-ilma billi  rrnexxielu jtir.  Blackbeard  meta jara dan, jafda ma’ Peter  profezjija antika li  kienet tgħid li tifel li jkun kapaċi jtir ikun hu li sejjer joqtlu. Peter iżda ma jemminx li kellu jkun hu. Sadanittant, Peter, sieħbu Hook u l-kompliċi magħhom Smee, jirnexxielhom jisirqu wiehed mill-vapuri ta’ Blackbeard  li kien itir.  Min hawn tibda avventura fejn it-tlieta li huma jkollhom jiġu wiċċ imbwiċċ ma’ nativi li kienu jgħammru fil-foresta u n-nies ta’ Blackbeard li ġew bi ħġarrhom fuq vapuri jtiru biex jaqbdu lil Peter u lil  sħabu. X’jiġri minn hawn?

    Film bi 3D taħt id-direzzjoni ta’ Joe Wright, kitba ta’ Jason Fuchs u msejjes fuq il-ktieb ta’ J.M. Barrie:  Peter Pan. Film mimli azzjoni li jżommok fuq ix-xwiek għal ħafna ħin. Minħabba li fih xi vjolenza u xeni tal-biża’, kif ukoll kliem goff,  ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax  –il sena.  Il-film ukoll hu negattiv fejn tidħol ir-reliġjon Kattolika u titfa’ dell ikraħ. Tajjeb li wieħed ikun lest għal messaġġi sottili u negattivi li jingħataw fil-film.