X’għamel wara li leħaq Papa?
Waqt konferenza lill-midja, il-kelliem għall-Vatikan Patri Federico Lombardi qal li malli l-Papa u l-Kardinali telqu mill-Kappella Sistina għar-residenza Santa Marta, tlestiet karozza apposta għall-Papa. Minflok, il-Papa Franġisku għażel li jakkumpanja lill-Karidnali fil-coach li kienu qed jużaw huma. Wara l-ikla ta’ ċelebrazzjoni, il-Papa rringrazzja lill-kardinali u qalilhom il-kliem: “Alla jaħfrilkom ta’ li għamiltu”.
Is-Sibt skedata hi laqgħa tal-Papa l-ġdid mal-mezzi kollha tal-media akkreditata u anki dik temporanza fil-Vatikan. Il-Ħadd sekdata l-ewwel reċita tal-Angelus minn dan il-Papa l-ġdid.
L-ewwel jum
L-għada fit-8am, il-Papa Franġisku mar jitlob fil-knisja ta’ Santa Maria Maggiore. Huwa daħal fil-Bażilika minn bieb fil-ġenb u ħareġ madwar 30 minuta wara u kien akkumpanjat mill-Vigarju ta’ din l-istess Bazilika. Wara, reġa’ mar fejn kien jgħix qabel ma daħal għall-Konklavi, ħa l-bagalja u ħallas il-kont tal-kamra tiegħu. Fil-5pm, fl-okkażjoni ta’ tmiem il-Konklavi, Papa Franġisku ċċelebra quddiesa fil-Kappella Sistina flimkien mal-Kardinali li ħadu sehem fil-Konklavi. L-omelija tiegħu kienet ċċentrata fuq l-akbar prioritajiet għall-Knisja. Dan filwaqt li talab lill-Kardinali kollha sabiex ikollhom il-kuraġġ li jimxu fil-preżenza ta’ Alla.
Il-Papa Franġisku wissa li l-Knisja Kattolika tista’ tisfa organizzazzjoni mhux governattiva mingħajr il-bżonn li tiġġedded spiritwalment.
Wara, tneħħew is-siġilli tal-appartament tal-Papa.
Fost l-ewwel appuntamenti skedati
Fil-jiem li ġejjin huwa mistenni jiltaqa’ personalment mal-Papa Emeritu Benedittu XVI. Wara l-ħatra tiegħu huma tkellmu flimkien permezz tat-telefon. Il-Papa Emeritu bħalissa jinsab Castel Gandolfo.
L-ewwel Papa Ġiżwita mill-Amerka Latina huwa magħruf għall-umilta’ tiegħu.
Min hu Papa Franġisku?
Imwieled f’Buenos Aires fis-17 ta’ Diċembru 1936, Jorge Mario Bergoglio huwa wieħed minn ħames ulied. Il-ġenituri tiegħu emigrew lejn l-Arġentina mill-Italja. Missieru, li kien ta’ nazzjonalità Taljana, kien ħaddiem fuq il-ferroviji u ommu kienet mara tad-dar.
Qabel daħal is-seminarju, Jorge Mario Bergoglio studja l-kimika u ggradwa bħala inġinier tal-kimika. Bergoglio huwa patri Ġiżwita. Għallem il-letteratura u l-psikoloġija fi Buenos Aires. Ġie ordnat saċerdot fit-13 ta’ Diċembru, 1969, fl-età ta’ 33 sena.
Fl-1992, il-Papa Ġwanni Pawlu II ħatru Isqof titulari ta’ Auca. Fl-1997, inħatar Arċisqof ta’ Buenos Aires u sar Kardinal fl-2001. Huwa membru tal-Kunsill Pontifiċju għall-familja u tal-Kummissjoni Pontifiċja għall-Amerikan Latina. Hu wkoll l-awtur ta’ numru ta’ kotba.
Għalkemm ma kienx qed jissemma bħala wieħed mill-kardinali ‘papabli’ fil-bidu tal-konklavi, lura fl-2005 kien wieħed mil-kandidati ewlenin biex jilħaq Papa. Tmien snin wara, Franċescu huwa l-ewwel Papa mill-Amerika Latina.
Fatti u kurżitajiet dwar Papa Franġisku
· Iħobb juża l-karrozza tal-linja biex jivvjaġġa
· Għex għal aktar minn 50 sena b’pulmun wieħed
· Huwa l-ewwel Papa fl-era moderna minn barra l-Ewropa
· Jitkellem bit-Taljan, l-Ispanjol u l-Ġermaniż
· Sa qabel dal-konklavi, kien jgħix f’appartament żgħir flok fir-residenza tal-Isqof. Kien isajjar l-ikel tiegħu stess
· Talab lin-nies tal-Arġentina biex ma jmorrux Ruma jiċċelebraw jekk jinħatar, u minflok jagħtu l-flus lill-fqar.
· Fl-2001 ħasel u bies riġlejn il-morda bl-Aids
· Jgħid li l-addozzjoni ta’ tfal minn koppji tal-istess sess hi forma ta’ diskriminazzjoni kontra t-tfal għalkemm jemmen li l-kontraċettivi “jistgħu jiġu permessi” biex jiġi evitat it-tifrix ta’ infezzjonijiet.
· Għalkemm meqjus bħala konservattiv dwar it-tagħlim tal-Knisja, huwa kkritika lil dawk is-saċerdoti li rrifjutaw li jgħammdu tfal ta’ single-mothers.
· Fl-2005, jingħad li kien minn ta’ quddiem matul il-konklavi, biex jinħatar Papa.
X’qed jgħidu dwar Papa Bergoglio?
Mal-ħatra tal-Papa l-ġdid, kienu ħafna li riedu jsiru jafu aktar dwar il-kap ġdid tal-Knisja Kattolika. Il-kattoliċi mill-Arġentina, il-pajjiż minn fejn ġej il-Papa, kienu fost tal-ewwel li ddeskrivew il-karattru u l-ħidma tal-Papa Franġisku.
Francesca Ambrogetti, li kitbet il-biografija ta’ Bergoglio qalet li hu ntlaqa’ tajjeb mill-kardinali waqt il-konklavi għax kapaċi jagħmel it-tibdiliet li hemm bżonn mingħajr ma jpoġġi fir-riskju t-tagħlim u t-tradizzjonijiet tal-Knisja. Sostniet kif Bergoglio la hu konservattiv u lanqas liberali, iżda moderat. Kien għalhekk li fil-Konklavi tal-2005, kien meqjus bħala kompromess bejn dawk li xtaqu lil xi ħadd liberali u oħrajn li xtaqu lil xi ħadd konservattiv. Minn intervisti li għamlitlu għal tliet snin, Ambrogetti qalet li Bergoglio jemmen fi Knisja bi djalogu miftuħ mal-membri tagħha, li toħroġ u tiltaqa’ magħhom. Qalet ukoll kif il-Papa Franġisku se jmexxi lill-Knisja biex tkabbar ir-rwol missjunarju tagħha, li tippromwovi minflok tirregola l-fidi. Ambrogetti tgħid li huwa dejjem ħadem kontra l-inugwaljanza soċjali li teżisti fl-Arġentina u fil-pajjiżi tal-madwar, u li mhux l-ewwel darba li kkritika lill-politiċi li ma jagħmlux biżżejjed dwar dan.
Raġel ta’ 65 sena li jaħdem fi knisja f’Buenos Aires fejn il-Papa Franġisku kien imur jitlob, qal li minn dejjem kien persuna aċċessibbli u umli. Qal kif meta kien imur jitlob, kien jagħżel li minflok iżur katidral joqgħod fis-siġġijiet ta’ wara ta’ knisja.
Qassis li jaħdem fl-Arġentina, iddeskriva lill-Papa Franġisku bħala raġel ta’ talb u umli. Qal li fil-pajjiż, il-kardinal Bergoglio kien magħruf għad-diskorsi u l-omeliji tiegħu li kienu jżommu lil min kien ikun qed jisimgħu, kemm jekk kattoliku jew le. Temm jgħid li fl-istess ħin, Bergoglio kien bniedem li ma jibżax jieħu azzjoni u deċiżjonijiet diffiċli.