Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Quddiem il-pandemija u l-konsegwenzi soċjali tagħha, ħafna qed jirriskjaw li jitilfu t-tama. F’dan iż-żmien ta’ inċertezza u ta’ uġigħ, nistieden lil kulħadd biex jilqa’ d-don tat-tama li ġejja minn Kristu. Hu li jgħinna nbaħħru qalb l-ilmijiet imqallba tal-mard, tal-mewt u tal-inġustizzja, li m’għandhomx l-aħħar kelma fuq id-destinazzjoni finali tagħna.
Il-pandemija kixfet u aggravat il-problemi soċjali, fuq kollox in-nuqqas ta’ ugwaljanza. Xi wħud jistgħu jaħdmu mid-dar, waqt li għal ħafna oħrajn dan hu impossibbli. Xi tfal, minkejja d-diffikultajiet, jistgħu jkomplu jirċievu edukazzjoni skolastika, waqt li għal ħafna oħrajn din inqatgħet ħabta u sabta. Xi nazzjonijiet qawwija jistgħu joħorġu l-flus biex jaffrontaw l-emerġenza, waqt li għal oħrajn dan ikun ifisser ipoġġu f’riskju l-futur.
Dawn is-sintomi ta’ nuqqas ta’ ugwaljanza jikxfu marda soċjali; huwa virus li ġej minn ekonomija marida. Irridu sempliċiment nammettu: l-ekonomija hi marida. Mardet. Dan hu l-frott ta’ tkabbir ekonomiku inġust – din hi l-marda: il-frott ta’ tkabbir ekonomiku inġust – li jeskludi l-valuri umani fundamentali. Fid-dinja tal-lum, ftit għonja ħafna għandhom iktar mill-bqija tal-umanità kollha flimkien. Dan qed intennih għax iġagħalna naħsbu: ftit għonja ħafna, grupp ċkejken, għandhom iżjed mill-bqija tal-umanità kollha. Din hi purament statistika. Hija inġustizzja li tgħajjat quddiem is-sema! Fl-istess waqt, dan il-mudell ekonomiku hu indifferenti għall-ħsarat li qed isiru lid-dar komuni. M’aħniex nieħdu ħsieb tad-dar komuni tagħna. Wasalna biex niksru l-limiti tal-pjaneta sabiħa tagħna, b’konsegwenzi gravi u irriversibbli: mit-telfien tal-bijodiversità u mill-bidla fil-klima saż-żieda fil-livell tal-ibħra u sal-qerda tal-foresti tropikali. In-nuqqas ta’ ugwaljanza soċjali u l-qerda ambjentali jimxu pass pass ma’ xulxin u għandhom l-istess għerq (ara Enċiklika Laudato si’, 101): dak tad-dnub ta’ min irid jaħtaf taħt idejh, jaħkem fuq ħutu, jippossedi u jaħkem in-natura u lill-istess Alla. Imma dan mhuwiex il-pjan tal-ħolqien.
“Fil-bidu Alla ħalla l-art bil-ġid kollu tagħha taħt it-tmexxija tal-bniedem, biex jieħu ħsiebha” (Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 2402). Alla talabna naħkmu l-art f’ismu (ara Ġen 1:28), nikkultivawha u nieħdu ħsiebha bħal ġnien, il-ġnien ta’ kulħadd (ara Ġen 2:15). “Waqt li ‘naħdmu’ jfisser taħrat jew taħdem […], ‘inħarsu’ jfisser nipproteġu [u] nippreservaw” (LS, 67). Imma attenti biex ma ninterpretawx dan bħala karta bajda biex nagħmlu mill-art dak li rridu aħna. Le. Teżisti “relazzjoni ta’ reċiproċità responsabbli” (ibid.) bejnna u bejn in-natura. Relazzjoni ta’ reċiproċità responsabbli bejnna u bejn in-natura. Nirċievu mill-ħolqien u min-naħa tagħna nagħtu. “Kull komunità tista’ tieħu mill-ġid bnin tal-art dak li għandha bżonn biex tgħix, imma għandha wkoll id-dmir li tieħu ħsiebha” (ibid.). Iż-żewġ naħat.
Fil-fatt, l-art “ġiet qabilna u ngħatat lilna” (ibid.), ġiet mogħtija minn Alla “għall-ġens kollu tal-bnedmin” (KKK, 2402). Għalhekk hu dmir tagħna li nħabirku biex il-frott tagħha jasal għand kulħadd, mhux biss għand xi wħud. U dan hu element-muftieħ tar-relazzjoni tagħna mal-ġid tal-art. Kif fakkruna l-Missirijiet tal-Konċilju Vatikan II, “il-bniedem, meta juża dan il-ġid, għandu jqis il-ħwejjeġ esterni li jippossiedi leġittimament mhux biss bħala tiegħu imma wkoll bħala ta’ kulħadd” (Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes, 69). Fil-fatt, “il-ġid li wieħed ikollu, jagħmlu amministratur tal-Providenza biex iħaddmu ħa jagħti frott li jaqsam mal-oħrajn” (KKK, 2404). Aħna amministraturi tal-ġid, mhux sidien. Amministraturi. “Iva, imma dak il-ġid hu tiegħi”. Veru, hu tiegħek, imma biex tamministrah, mhux biex iżżommu egoistikament għalik.
Biex tiżgura li dak li għandna jkollu valur għalll-komunità, “l-awtorità politika għandha d-dritt u d-dmir li tirregola, minħabba l-ġid komun, l-użu leġittimu tad-dritt tal-proprjetà” (ibid., 2406).[1] “Il-prinċipju tas-subordinazzjoni tal-proprjetà privata għad-destinazzjoni universali tal-ġid […] hu ‘regola tad-deheb’ tal-imġiba soċjali, u ‘l-ewwel prinċipju tal-ordni morali soċjali kollu’” (LS, 93).[2]
Il-proprjetà, il-flus huma strumenti li jistgħu jaqdu l-missjoni. Imma faċilment nibdluhom f’fini, individwali jew kollettivi. U meta jiġri dan, jiġu mhedda l-valuri umani essenzjali. L-homo sapiens jiġi ddeformat u jsir speċi ta’ homo œconomicus – f’sens baxx – individwalista, li jikkalkula u jiddomina. Ninsew li, maħluqin fuq is-sura u x-xbieha ta’ Alla, aħna essri soċjali, kreattivi u solidali, b’ħila kbira li nħobbu. Ninsewh spiss dan. Fil-fatt, aħna l-iżjed essri koperattivi fost l-ispeċi kollha, u nwarrdu f’komunità, kif jidher tajjeb fl-esperjenza tal-qaddisin.[3] Hemm qawl Spanjol li nebbaħni għal din il-frażi, u jgħid hekk: florecemos en racimo como los santos. Inwarrdu fil-komunità kif jidher mill-esperjenza tal-qaddisin.
Meta l-ossessjoni li nippossedu u niddominaw teskludi miljuni ta’ persuni mill-ġid ewlieni; meta n-nuqqas ta’ ugwaljanza ekonomika u teknoloġika ċċarrat it-tessut soċjali; u meta d-dipendenza fuq progress materjali bla limiti thedded id-dar komuni, allura ma nistgħux noqogħdu nħarsu. Le, dan hu ta’ swied il-qalb. Ma nistgħux nibqgħu b’idejna fuq żaqqna! B’ħarsitna msammra fuq Ġesù (ara Lhud 12:2) u biċ-ċertezza li mħabbtu taħdem pemezz tal-komunità tad-dixxipli tiegħu, jeħtieġ naġixxu lkoll flimkien, fit-tama li nistgħu nnisslu xi ħaġa differenti u aqwa. It-tama Nisranija, b’għeruqha f’Alla, hija l-ankra tagħna. Hi twieżen ir-rieda tagħna li naqsmu ma’ xulxin, u ssaħħaħ il-missjoni tagħna bħala dixxipli ta’ Kristu, li qasam kollox magħna.
U dan fehmuh l-ewwel komunitajiet Insara, li bħalna għexu fi żminijiet diffiċli. Kienu jafu li huma jsawru qalb u ruħ waħda, kienu jpoġġu l-ġid kollu tagħhom għad-dispożizzjoni ta’ kulħadd, u jagħtu xhieda tal-grazzja kotrana ta’ Kristu fuqhom (ara Atti 4:32-35). Aħna għaddejjin minn kriżi. Il-pandemija poġġietna kollha fi kriżi. Imma ftakru dan: minn kiriżi ma nistgħux noħorġu kif dħalna, jew noħorġu aħjar, jew noħorġu agħar. Din hi l-għażla li għandna quddiemna. Wara l-kriżi, se nkomplu għaddejjin b’din is-sistema ekonomika ta’ inġustizzja soċjali u ta’ stmerrija għall-ħarsien tal-ambjent, tal-ħolqien, tad-dar komuni? Ejjew naħsbu ftit. Jalla l-komunitajiet Insara tas-seklu wieħed u għoxrin jirkupraw din ir-realtà – l-għożża tal-ħolqien u l-ġustizzja soċjali: dawn imorru flimkien –, u jagħtu xhieda tal-Qawmien tal-Mulej. Jekk nieħdu ħsieb tal-ġid li jagħtina l-Ħallieq, jekk inpoġġu dak li għandna għad-dispożizzjoni tal-oħrajn b’mod li ħadd ma jonqsu xejn, allura tassew nistgħu nnebbħu t-tama biex innisslu mill-ġdid dinja iżjed b’saħħitha u iżjed ugwali.
U biex nagħlaq, ejja naħsbu fit-tfal. Aqraw l-istatistiċi: kemm tfal, illum, qed imutu bil-ġuħ minħabba fi tqassim ħażin tal-ġid, minħabba sistema ekonomika kif semmejt qabel; u kemm tfal, illum, għall-istess raġuni, m’għandhomx dritt għall-iskola. Ħa tkun dik l-immaġni, tat-tfal fil-bżonn minħabba l-ġuħ u n-nuqqas ta’ edukazzjoni, li tgħinna nifhmu li wara din il-kriżi hemm bżonn noħorġu aqwa. Grazzi.
Miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard