Nhar l-Erbgħa 13 ta’ Marzu 2013, il-Kardinal Jorge Mario Bergoglio, ġie elett bħala l-265 suċċessur ta’ San Pietru, u għażel l-isem ta’ Franġisku.
Il-Kardinal proto-djaknu Jean-Louis Tauran għamel it-tħabbira solenni lin-nies fit-8.12pm mill-gallarija ċentrali tal-Bażilika tal-Vatikan, wara d-duħħan abjad li seħħ fis-7:06pm.
Fit-8.24pm, il-Papa l-ġdid Franġisku, li ħareġ wara s-Salib, deher fil-gallarija ta’ San Pietru. Qabel ma talab l-‘Urbi et Orbi’ (Lil Belt u lid-dinja) il-Barka Appostolika tiegħu, huwa laqa’ lil folla enormi li nġabret minn wara nofsinhar fil-bard u x-xita fi Pjazza San Pietru billi qal:
“Ħuti, il-lejla t-tajba.
Intom tafu li d-dmir tal-konklav kien dak li jagħti Isqof lil Ruma. Jidher li ħuti l-Kardinali marru jfittxuh kważi f’tarf id-dinja. Imma issa qegħdin hawn. Nirringrazzjakom tal-merħba tagħkom. Il-komunità djoċesana ta’ Ruma għandha l-Isqof tagħha. Grazzi.
U qabel xejn, qabel xejn, nixtieq nagħmel talba għall-Isqof Emeritu tagħna, Benedittu XVI. Nitolbu għalih ilkoll flimkien biex il-Mulej ibierku u l-Madonna tħarsu.
Missierna li inti fis-smewwiet … Sliema għalik, Marija … Glorja lill-Missier …
U issa nibdew din il-mixja, l-Isqof u l-poplu, Isqof u poplu; din il-mixja tal-Knisja ta’ Ruma, li hija dik li tippresiedi bl-imħabba lill-Knejjes kollha. Hija mixja ta’ aħwa, ta’ mħabba u ta’ fiduċja bejnietna. Nitolbu dejjem għal xulxin, wieħed għall-ieħor. Nitolbu għad-dinja kollha biex ikun hemm fratellanza kbira. Nawguralkom li din il-mixja ta’ Knisja li qed nibdew illum u li fiha qed jgħinni il-Kardinal Vigarju, li qiegħed hawn preżenti, tħalli l-frott għall-evanġelizzazzjoni ta’ din il-Belt sabiħa.
U issa nixtieq nagħti l-benedizzjoni, imma qabel, qabel nitlobkom pjaċir. Qabel ma l-Isqof ibierek lill-poplu, nitlobkom biex intom titolbu lill-Mulej jberikni, it-talba tal-poplu li jitlob il-benedizzjoni għall-Isqof tiegħu. Nagħmlu fis-silenzju din it-talba tagħkom fuqi.
Hawn il-Papa Franġisku baxxa rasu għall-ftit mumenti waqt li l-folla miġbura fi Pjazza San Pietru tablet għalih fis-skiet.
U issa nagħti l-benedizzjoni lilkom u lid-dinja; lill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba.
Imbagħad il-Papa ta l-benedizzjoni ,Urbi et Orbi lill-Belt ta’ Ruma u lid-Dinja. Wara li ndaqq l-Innu Nazzjonali Taljan u l-Innu Pontifiċju, il-Papa Franġisku reġa talab il-mikrofnu u temm jgħid …
Ħuti, inħallikom. Grazzi ħafna tal-merħba tagħkom. Itolbu għalija u niltaqgħu ma ndumux. Għada rrid immur nitlob lill-Madonna biex tħares lil Ruma kollha. Il-lejl u l-mistrieħ it-tajjeb.”