L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Ħuti, “qisu li l‑imħabba tagħkom ma tkunx wiċċ b’ieħor; taħmlux il‑ħażen; żommu mat‑tajjeb. Ħobbu lil xulxin bħal aħwa; fittxu li tistmaw lil xulxin. Tħallux il‑ħrara tagħkom tibred, tħeġġu fl‑ispirtu, aqdu lill‑Mulej. Ifirħu bit‑tama, stabru fl‑hemm, itolbu bla waqfien. Aqsmu ġidkom mal‑qaddisin li jinsabu fil‑bżonn; ilqgħu f’darkom lill‑barranin. Bierku lil dawk li jippersegwitawkom; bierku, u la tisħtu lil ħadd. Ifirħu ma’ min jifraħ, ibku ma’ min jibki. Aħsbu f’xulxin l‑istess, taħsbux fi ħwejjeġ kbar, imma fittxu l‑umli. Tagħmluhiex ta’ għorrief. Troddu lil ħadd deni b’deni. Ħa jkun ħsiebkom filli tagħmlu t‑tajjeb quddiem il‑bnedmin kollha. Jekk jista’ jkun, sakemm ikun ġej minnkom, għixu fil‑paċi ma’ kulħadd” (Rum 12:9‑18).
Jalla dan il‑kliem tal‑Appostlu Missierna San Pawl ikun għal kull wieħed u waħda minnkom ta’ awgurju intom u tibdew dan is‑servizz importanti lin‑nazzjon, lil pajjiżna, lir‑Repubblika. Intom, għeżież Membri Parlamentari, illum tieħdu l‑ġurament solenni biex tkunu parti minn l‑ogħla istituzzjoni tal‑pajjiż li tirrappreżenta l‑poplu tagħna u li għandha d‑dover tagħtina liġijiet li jkunu espressjoni tar‑raġuni, tal‑ordni u tal‑ġid komuni. Nawguralkom ħafna fil‑ħidma tagħkom u jalla l‑ħidma tagħkom tkun espressjoni ta’ dik l‑imħabba politika li xandar b’mod profetiku l‑Qdusija Tiegħu l‑Papa Franġisku fl‑ittra enċiklika tiegħu Fratelli Tutti (Ilkoll Aħwa).
Nixtieq nieħu spunt mill‑esperjenza straordinarja li kellna fiż‑żjara tiegħu fostna ftit tal‑ġimgħat ilu u nfakkar il‑kliem meqjus li tana propju quddiem l‑ogħla awtoritajiet tal‑pajjiż meta, fis‑sala tal‑Gran Kunsill fil‑Palazz tal‑Gran Mastru, hu indirizza lis‑soċjetà ċivili u fakkar fil‑patrimonju straordinarju ta’ pajjiżna. Hu talab biex aħna nkunu tassew laboratorju ta’ ġustizzja soċjali, ta’ paċi soċjali, eżempju ta’ kif ikollna konvivenza soċjali tajba.
Il‑Papa, dakinhar tat‑2 ta’ April, qal: “Bħala garanzija ta’ konvivenza soċjali tajba, mhux biżżejjed li jissaħħaħ is‑sens tal‑appartenenza; jeħtieġ jissaħħaħ is‑sies tal‑għajxien komuni li jieqaf fuq id‑dritt u l‑legalità. L‑onestà, il‑ġustizzja, is‑sens tad‑dmir u t‑trasparenza huma pilastri essenzjali ta’ soċjetà ċivilment avvanzata. L‑impenn biex jintemmu l‑illegalità u l‑korruzzjoni għandu jkun qawwi bħar‑riħ li, meta jonfoħ mit‑Tramuntana jnaddaf il‑kosta tal‑pajjiż. U jalla dejjem jibqgħu jkunu kkultivati l‑legalità u t‑trasparenza li jippermettu li jitqaċċtu mill‑għeruq il‑ħajja ħażina u l‑kriminalità li huma marbutin flimkien minħabba li l‑aġir tagħhom ma jsirx fid‑dawl tax‑xemx”.
Il-Papa talab biex aħna nkunu tassew laboratorju ta’ ġustizzja soċjali, ta’ paċi soċjali, eżempju ta’ kif ikollna konvivenza soċjali tajba.
Il‑Papa tana kliem straordinarju fuq il‑missjoni tal‑politiku, u hawnhekk nixtieq nislet l‑għerf tal‑Qdusija Tiegħu l‑Papa mill‑enċiklika Fratelli Tutti (Ilkoll Aħwa) u llum noffrih għall‑konsiderazzjoni u r‑riflessjoni tagħkom. Il‑Papa jgħid hekk: “Li nagħrfu li f’kull bniedem hemm ħuna jew oħtna u nfittxu ħbiberja soċjali li tinkludi lil kulħadd mhumiex sempliċiment utopiji,” ħolm, xi ħaġa impossibli li tagħmilha. “Jesiġu minna d‑deċiżjoni u l‑ħila li nsibu t‑toroq effikaċi li jiżguraw il‑possibbiltà vera tagħhom. Kull impenn f’din id‑direzzjoni jsir taħriġ għoli tal‑karità. Għax wieħed waħdu jista’ jgħin persuna fil‑bżonn, imma meta jingħaqad ma’ oħrajn biex jagħti ħajja lil proċessi soċjali ta’ fraternità u ta’ ġustizzja għal kulħadd, dan jidħol fil‑‘qasam tal‑iktar imħabba wiesgħa, tal‑imħabba politika’. Ifisser li nimxu lejn ordni soċjali u politiku li r‑ruħ tiegħu hi l‑karità soċjali. Għal darb’oħra nagħmel stedina biex nivvalutaw mill‑ġdid il‑politika, li ‘hi vokazzjoni l‑aktar għolja, hi waħda mix‑xejriet l‑aktar prezzjużi ta’ mħabba, għax tfittex il‑ġid komuni’” (Ilkoll Aħwa, 180).
“Għal ħafna l‑politika llum saret kelma kerha, u ma nistgħux nagħlqu għajnejna għall‑fatt li wara dan spiss hemm l‑iżbalji, il‑korruzzjoni, l‑ineffiċjenza ta’ xi politiċi. Ma’ dan inżidu l‑istrateġiji li jimmiraw biex idgħajfuha, biex flokha jqiegħdu l‑ekonomija jew biex jaħkmuha b’xi ideoloġija. Minkejja dan kollu, tista’ d‑dinja tiffunzjona mingħajr politika?” jistaqsi l‑Papa. “Tista’ ssib triq effikaċi lejn il‑fraternità universali u l‑paċi soċjali mingħajr politika tajba?” (Ilkoll Aħwa, 176). Ir‑risposta tal‑Papa ovvjament hi ‘le’. Għandna bżonn il‑politika u għandna bżonn partiti politiċi magħmula minn nies determinati li jwettqu u jagħmlu xi ħaġa. “Għandna bżonn ta’ politika li taħseb b’viżjoni wiesgħa, u li ġġib ’il quddiem viżjoni integrali ġdida, li tinkludi fi djalogu interdixxiplinari d‑diversi aspetti tal‑kriżi.” Il‑Papa Franġisku qed jitkellem dwar “‘politika b’saħħitha li kapaċi ġġib riforma fl‑istituzzjonijiet, tikkordinahom, tagħnihom bi prattika tajba u li tippermetti li jingħelbu l‑presssjonijiet u d‑dewmien vizzjuż’. Dan ma nistgħux nitolbuh mill‑ekonomija, lanqas nistgħu naċċettaw li din tieħu f’idejha l‑poter reali tal‑Istat” (Ilkoll Aħwa, 177).
‘Kemm imħabba poġġejt fix‑xogħol tiegħi? Fiex għent lill‑poplu jimxi ’l quddiem? X’marka ħallejt fuq il‑ħajja tas‑soċjetà? Liema rabtiet veri bnejt? X’qawwa pożittiva ħallejt toħroġ? Kemm żrajt paċi soċjali? Xi pproduċejt fil‑post li bih ġejt fdat?’
Il-Papa Franġisku, Ilkoll Aħwa, 197
Il‑Papa jgħid: “Quddiem tant xejriet ta’ politika żbaljata li jaraw biss l‑interess immedjat, infakkar li ‘l‑kobor tal‑politika jidher meta, f’mumenti diffiċli, wieħed jaġixxi skont prinċipji għoljin u jaħseb fil‑ġid komuni fit‑tul. Il‑poter politiku jbati sew biex jilqa’ dan id‑dmir fi proġett ta’ nazzjon’ u iżjed u iżjed fi proġett komuni għall‑umanità tal‑lum u ta’ għada. Naħsbu f’dawk li għad jiġu warajna mhux għax dan ħa jservina għal fini elettorali, imma għax hu dak li tesiġi ġustizzja awtentika” (Ilkoll Aħwa, 178).
Il‑Papa Franġisku jiddinstingwi bejn imħabba ‘mqanqla’ minn urġenza — bħal meta tara ’l xi ħadd li ħassu ħażin fit‑triq u inti titqanqal u tgħinu għax it‑tjubija qiegħda f’kull bniedem u ma naqtgħux qalbna mit‑tjubija tal‑bnedmin — imma hemm ukoll imħabba, tjubija ‘ordinata’. X’jgħid il‑Papa? Ara kemm hi sabiħa din il‑kelma tal‑għerf tal‑Papa: “Hi karità li toqgħod qrib ta’ persuna li qed tbati, u hu karità wkoll dak kollu li tagħmel, anki mingħajr ma jkollok kuntatt dirett ma’ dik il‑persuna, biex tibdel il‑kundizzjonijiet soċjali li qed jikkawżaw it‑tbatija tagħha” (Ilkoll Aħwa, 186).
Aħna għandna nies twajbin, Samaritani twajbin, li jaraw l‑urġenza u l‑emerġenza u jirrispondu mill‑ewwel, imma l‑politiku jaħseb fit‑tul u jħares lejn l‑għerq ta’ dik it‑tbatija u jindirizzaha. Il‑Papa jsemmi żewġ eżempji ħelwin: “Jekk xi ħadd jgħin anzjan jaqsam xmara – u din hi karità mill‑aqwa – il‑politiku jibnilu pont, u anki din hi karità. Jekk xi ħadd jgħin lil ieħor billi jagħtih x’jiekol, il‑politiku joħloq għalih post tax‑xogħol, u hekk ikun iħarreġ għamla l‑aktar għolja ta’ karità li tagħmel l‑azzjoni politika tiegħu waħda tassew nobbli” (Ilkoll Aħwa, 186).
“Il‑karità politika,” jgħid il‑Papa Franġisku, “tidher ukoll f’qalb miftuħa għal kulħadd” (Ilkoll Aħwa, 190). Ħuti, din il‑kelma tal‑Papa naraha kelma li tagħmlilna kuraġġ biex nissuperaw il‑mentalità tribali — aħna u intom, huma u aħna — u mhux se nagħmluha f’ġurnata. Nispera nilħqu nagħmluha f’seklu imma aħna hemm bżonn naħdmu issa f’ħajjitna, jiena magħkom.
Nawgura u nitlob li bl‑impenn u d‑dedikazzjoni tagħkom, Malta tkompli tikber f’ambjent fejn tassew nagħtu xhieda ta’ rispett u ta’ libertà, u tal‑kapaċità li minkejja d‑differenzi, aħna ngħixu ma’ xulxin u l‑progress tagħna jkun tassew il‑promozzoni tal‑ġid komuni
Il‑politika, fl‑aħħar nett, m’għandhiex tibża’ mit‑tenerezza, mill‑ħewwa. Il‑Papa Franġisku jgħidilna: “Anki fil‑politika hemm wisa’ biex inħobbu bil‑ħlewwa”. Ħafna drabi l‑kliem ta’ bejnietna jkun iebes imma l‑Papa jistaqsi: “‘Imma x’inhi l‑ħlewwa? Hi l‑imħabba li toqrob u tista’ tmissha b’idejk. Hija ċaqliqa li titlaq mill‑qalb u tasal fl‑għajnejn, fil‑widnejn, fid‑dirgħajn […] Il‑ħlewwa hi t‑triq li mxew l‑bnedmim l‑iżjed qalbiena u qawwija’. Qalb l‑attività politika kollha, ‘l‑iżgħar, l‑aktar dgħajfa, l‑aktar foqra għandhom imissulna qalbna: għandhom ‘dritt’ li jirbħulna ruħna u qalbna. Iva, huma ħutna u għandna nħobbuhom u nittrattawhom bħala tali’” (Ilkoll Aħwa, 194).
“Il‑politika tajba mal‑imħabba tgħaqqad it‑tama” (Ilkoll Aħwa, 196). “Meta nħarsu lejha b’dan il‑mod,” jgħid il‑Papa, “il‑politika hi iżjed nobbli mid‑dehra, mill‑marketing, mill‑bosta xejriet ta’ spin medjatiku. Dan kollu ma jiżrax ħlief firda, mibegħda u xettiċiżmu deżolanti li mhux kapaċi jfittex proġett komuni. Meta naħsbu fil‑futur, kultant il‑mistoqsijiet tagħna għandhom ikunu: ‘Għal liema skop? Lejn fejn qed nimmira tassew?’. Għax, wara xi snin, meta nirriflettu fuq il‑passat tagħna,” jgħid il‑Papa Franġisku, “il‑mistoqsija mhux ħa tkun: ‘Kemm nies ċapċpuli, kemm ivvutawli, kemm kellhom idea tajba tiegħi?’ Il‑mistoqsijiet, forsi jweġġgħu wkoll, se jkunu: ‘Kemm imħabba poġġejt fix‑xogħol tiegħi? Fiex għent lill‑poplu jimxi ’l quddiem? X’marka ħallejt fuq il‑ħajja tas‑soċjetà? Liema rabtiet veri bnejt? X’qawwa pożittiva ħallejt toħroġ? Kemm żrajt paċi soċjali? Xi pproduċejt fil‑post li bih ġejt fdat?’ (Ilkoll Aħwa, 197).
Nagħlaq bit‑tislima speċjali li l‑Papa Franġisku ta lill‑pajjiż għażiż tagħna meta rrifletta fuq l‑esperjenza tiegħu fostna fl‑Udjenza tal‑Erbgħa fis‑6 ta’ April 2022: “Malta tirrappreżenta l‑jedd u s‑saħħa taċ‑‘ċkejknin’, tan‑nazzjonijiet żgħar imma għanja fl‑istorja u ċ‑ċiviltà, li għandhom imexxu ’l quddiem loġika oħra: dik tar‑rispett u tal‑libertà, dik tar‑rispett u anki l‑loġika tal‑libertà, tad‑differenzi li jgħixu ma’ xulxin, kontra l‑kolonizzazzjoni tal‑iżjed qawwija”.
Fil‑bidu ta’ din il‑leġiżlatura, nawgura u nitlob li bl‑impenn u d‑dedikazzjoni tagħkom, Malta tkompli tikber f’ambjent fejn tassew nagħtu xhieda ta’ rispett u ta’ libertà, u tal‑kapaċità li minkejja d‑differenzi, aħna ngħixu ma’ xulxin u l‑progress tagħna jkun tassew il‑promozzoni tal‑ġid komuni.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta