Id-Direttur tal-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan, Patri Federico Lombardi, ikkundanna l-attakki ikkordinati kontra l-knejjes Insara fil-belt ta’ Garissa n-naħa ta’ fuq tal-Kenja, liema attakki li seħħew il-Ħadd li għadda ħallew mas-17-il persuna mejta u iktar minn 60 midruba. Dan tqies bħala l-agħar attakk fil-pajjiż minn mindu l-Kenja bagħtet truppi fis-Somalja bil-għan li jrażżnu lill-militanti al Shabaabi.
Waqt li sejjaħ l-attakki ‘orribbli’ u ‘ta’ tħassib enormi’, Patri Lombardi qal f’kummenti lil Radju Vatikan li “il-vjolenza kontra nies innoċenti miġbura fil-paċi għat-talb, hi vili u ma titwemminx”. Lombardi appella għas-solidarjeta mal-vittmi ta’ dawn l-attakki u ta’ kwalunkwe attakk simili. Qal li “minbarra l-qrubija spiritwali mal-vittmi, hu meħtieġ li wieħed jirriafferma u jżomm sħiħ fid-difiża tal-liberta reliġjuża tal-Insara, waqt li jopponi bl-iktar mod iebes atti irresponsabbli li jiżirgħu biss mibgħeda fost id-diversi reliġjonijiet”.
Patri Lombardi appella wkoll għal sforzi mġedda sabiex tinstab soluzzjoni għad-diffikultajiet fis-Somalja, li qed ikollhom riperkussjonijiet reġjonali.