Patri Marcello Ghirlando ofm, li bħalissa qed iservi bħala Gwardjan fil-komunità tal-Patrijiet Franġiskani Minuri f’Għajnsielem, għadu kemm ġie maħtur Assistent Viżitatur Ġenerali fil-Kustodja tal-Art Imqaddsa, proċess li jiftaħ it-triq għall-elezzjoni ta’ Kustodju ġdid.

Il-Kustodju tal-Art Imqaddsa prattikament hu l-Ministru Provinċjal fir-reġjun tal-Lvant Nofsani, li barra Iżrael u l-Palestina, jinkludi wkoll il-Ġordan, il-Libanu, parti mill-Eġittu, Ċipru u Rodi, barra d-diversi Kummissarjati mxerrdin mad-dinja, fosthom dak f’Malta. Huwa għandu f’idejh il-ħarsien tas-Santwarji għeżież tal-Fidwa fl-art li fiha twieled u għex Ġesù.

Fl-Ordni tal-Patrijiet Franġiskani Minuri, meta jasal iż-żmien biex jiġi elett il-Kustodju ġdid tal-Art Imqaddsa, il-Ministru Ġenerali jaħtar Viżitatur minn fost il-membri tal-Ordni. Għal dan il-għan għadu kemm ġie magħżul il-Pollakk Patri Alojzy Sławomir Warot, waqt li Patri Marcello se jkun qed jassistih f’din il-ħidma.

Xogħolhom se jkun dak li jakkumpanjaw lill-Kustodja fil-perjodu ta’ madwar sena qabel l-elezzjoni tal-Kustodju l-ġdid, kif ukoll iħejju l-Kapitlu tal-Kustodja.

Id-deċiżjoni ttieħdet fit-22 ta’ Diċembru li għadda u xxandret xi jiem ilu mill-Kustodju attwali tal-Art Imqaddsa, Patri Francesco Patton: “Nirringrazzjaw lill-Ministru Ġenerali għall-għażla li għamel, u lil dawk li ġew magħżula nixtiequ nawgurawlhom servizz fostna li jħalli l-frott. Nitolbu li l-Ispirtu tal-Mulej jakkumpanja lil Patri Alojzy Sławomir u Patri Marcello f’dan il-ministeru prezzjuż għall-Ordni u l-Knisja fl-Art Imqaddsa”.

Fix-xhur li ġejjin, il-Viżitatur, megħjun fejn hemm bżonn minn Patri Marcello, mistenni jżur id-diversi komunitajiet tal-Kustodja għal dik li tissejjaħ żjara kanonika, fejn jeżaminaw il-qagħda tal-patrijiet u l-ħidma tagħhom, kif ukoll jippromovu l-ispirtu ta’ fraternità u osservanza tar-Regola Franġiskana.

Fi żmien sena l-patrijiet professi tal-Kustodja tal-Art Imqaddsa se jiġu msejħa jivvutaw darbtejn, u minn hawn joħorġu tliet ismijiet, li jintbagħtu lill-Ordni għall-għażla ta’ Kustodju ġdid. L-isem tal-kandidat imbagħad jiġi ppreżentat mill-Ministru Ġenerali u d-Defenitorju tiegħu lis-Santa Sede, li għandha l-kompetenza tal-ħatra ta’ Custos ġdid.

Sors: Newsbook.com.mt