-
-
Fl‑okkażjoni tal‑100 sena mid‑dehriet tal‑Madonna ta’ Fatima, nhar il‑Ġimgħa 12 ta’ Mejju 2017, ser isir pellegrinaġġ djoċesan li jibda mill‑Knisja Parrokkjali ta’ Stella Maris, Tas‑Sliema, u jintemm fil‑Knisja Parrokkjali tal‑Madonna ta’ Fatima, Gwardamanġa/Pietà. Matul il‑pellegrinaġġ, li ser jitmexxa mill‑Arċisqof Emeritu Mons. Pawlu Cremona, l‑istatwa tal‑Madonna ta’ Fatima ser taqsam bil‑baħar mix‑Xatt ta’ Tas‑Sliema sa Xatt it‑Tiben, Tal‑Pietà, waqt li tinġarr minn tas‑Sliema għal Gwardamanġa. Din hi l‑ewwel darba li l‑istatwa tal‑Madonna ta’ Fatima bit‑tlett itfal rgħajja, li tinsab fil‑Knisja Parrokkjali ta’ Stella Maris, ser taqsam il‑baħar fuq dagħjsa wara li waslet Malta u ttieħdet tas‑Sliema bil‑baħar fl‑1948.
Il‑pellegrinaġġ ser jibda fis‑6:00 p.m fil‑Knisja Parrokkjali ta’ Stella Maris, Tas‑Sliema, b’taħdita minn Patri Vince Micallef, Dumnikan, dwar id‑dehriet tal‑Madonna ta’ Fatima. Fis‑6:30 p.m., Mons. Pawlu Cremona ser imexxi Quddiesa fl‑istess knisja.
Fis‑7:15 p.m., tibda l‑purċissjoni bl‑istatwa tal‑Madonna ta’ Fatima li tgħaddi mit‑toroq ta’ Tas‑Sliema sax‑xatt, fejn l‑istatwa taqsam bil‑baħar fuq dgħajsa lejn Xatt it‑Tiben. Minn tal‑Pietà, il‑purċissjoni tkompli lejn is‑Santwarju tal‑Madonna ta’ Fatima. Il‑pellerinaġġ jiġi fi tmiemu fuq iz‑zuntier tal‑knisja, bil‑konsagrazzjoni tal‑familji u l‑barka sagramentali.
L‑Insara kollha huma mħeġġa jattendu għal dan il‑pellegrinaġġ djoċesan u jressqu t‑talb tagħhom lill‑Madonna għall‑interċessjoni tagħha.
Kien fit‑13 ta’ Mejju 1917, fl‑għalqa ta’ Cova da Iria, fil‑Portugall, li dehret għall‑ewwel darba l‑Madonna lit‑tlett itfal ragħajja: Lùcia dos Santos ta’ 10 snin, u l‑kuġini tagħha Francesco Marto ta’ 9 snin u Giacinta Marto ta’ 7 snin. Il‑Papa Franġisku ser iżur il‑Portugall fit‑12 u t‑13 ta’ Mejju li ġej, fejn ser jiddikjara lil Francesco u Giacinta Marto bħala qaddisin.