Ritratti: Evan Demicoli

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Il-Kelma ta’ Ġesù tagħtina triq ċara għal din il-mixja tar-Randan: it-triq li tħares lejk innifsek, lejn il-proxxmu u lejn Alla. Il-Mulej iridek li ssaffi l-imħabba tiegħek għalik innifsek. Ma ninsewx li meta tagħna l-kmandament tal-imħabba, għallimna nħobbu lil għajrna bħalna nfusna. Li tħobb lilek innifsek hija li tieħu ħsieb tiegħek innifsek. U f’dan il-vjaġġ tar-Randan, is-sawm ma għandux ikun xi ħaġa negattiva, imma detox spiritwali; proċess li biha ninħeles minn dak kollu li jtaqqalni, li jfixkilni fil-mixja tiegħi ta’ mħabba. Nitgħallem inrażżan lili nnifsi, li nħobb tassew lili nnifsi. U l-Mulej, meta jitkellem fuq is-sawm, jgħidli li m’għandix nagħmlu għal wiċċ in-nies. Ix-xhud tiegħi jkun Alla, Alla li jagħraf il-qalb tiegħi, li jixtieq li l-qalb tiegħi minn qalb tal-ġebel issir qalb tal-laħam.

Triq oħra hija l-imħabba lejn il-proxxmu. Ġesù jitkellem fuq il-karità, fuq l-għajnuna lil min hu fil-bżonn; għallimna li l-ġudizzju fuqna nafuh: “kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont il-ħabs u ġejtu żżuruni” (Mt 25:35-36). Għax “kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40). Mela t-triq nafuha. Li aħna naħsbu f’min hu fil-bżonn, f’din il-mixja tar-Randan, huwa mod kif aħna nfejqu r-relazzjonijiet ta’ bejnietna.

Ippermettuli, nissuġġerilkom triq importanti. Noqogħdu attenti u ngħassu fuqna nfusna kif nitkellmu fuq xulxin – x’niktbu, xi ntellgħu fuq il-media soċjali. Jekk inti ma għidtx kelma iebsa fuq xi ħadd, imma għamiltilha like, qed tapprova – dik ukoll parti mill-imħabba tiegħi għall-proxxmu. Kif nitkellem fuq il-proxxmu? Il-frott ta’ dak li ngħid, ta’ dak li nagħmel, se jġib il-paċi jew l-inkwiet?

Wara kollox, meta nagħmlu karità naħsbu ftit ukoll f’dawk li huma l-iżjed qrib tagħna. Matul is-sena, aħna l-Maltin u l-Għawdxin ġenerużi ħafna, fil-maratoni ta’ karità li jsiru, xi ħaġa sabiħa li għandu l-poplu tagħna. Imma forsi iżjed diffiċli li turi mħabba u karità lil min hu qrib tiegħek, taħt l-istess saqaf, fl-istess triq, fl-istess raħal.

It-tielet aspett li fuqu jkellimna Ġesù huwa relazzjoni tagħna m’Alla. U Ġesù jitkellem fuq it-talb. Hawnhekk Ġesù wkoll jinsisti li t-talb mhuwiex għall-wiċċ in-nies għax Alla jħares lejn it-talba tiegħek li ħierġa minn qalbek, jifhimha u jilqagħha.

Ejjew f’dan ir-Randan nidħlu fi djalogu m’Alla. Tgħidli t-talb x’inhu? Imqar tkun ftit għall-kwiet, u lil Alla tgħidlu: ‘Grazzi Sinjur Alla, aħfirli Sinjur Alla’ jew ‘Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok’. Ejjew nidħlu fl-ispiritwalità ta’ dawn it-talbiet sempliċi li għallimna San Ġorġ Preca, nagħtihomlkom bħala triq sabiħa f’dan ir-Randan. Dawn iż-żewġ talbiet li għallimna San Ġorġ Preca: ‘Grazzi Sinjur Alla, aħfirli Sinjur Alla’ u ‘Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok’.

Nawguraw lil xulxin mixja sabiħa tar-Randan Imqaddes. Nieħdu ħsieb tagħna nfusna, nieħdu ħsieb ta’ xulxin, u lil Alla ma ninsewhx.     

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Ġoel 2:12-18
Salm: 50(51):3-4,5-6a,12-13,14,17
Qari II: 2 Kor 5:20–6:2
L-Evanġelju: Mt 6:1-6,16-18

Aktar ritratti