Mijiet ta’ pellegrini kienu evakwati mis-Santwarju tal-Madonna ta’ Lourdes fi Franza, wara għargħar ikkaġunat minn xita qawwija li laqtgħet l-inħawi. Ix-xmara ‘Gave de Pau’ jidher li faret wara jiem sħaħ ta’ xita u għalhekk il-grotta u t-toroq tal-madwar intlaqtu ħażin mill-ilmijiet li niżlu u li kkawżaw għargħar.
Uffiċjali sostnew li aktar minn 450 pellegrin, inkluż dawk morda u b’diżabbiltà, kienu evakwati fil-jum tas-Sibt. Dan hekk kif l-ilma quddiem il-grotta kien qed ilaħħaq għoli ta’ madwar metru u saħansitra għatta l-altar. Il-bażilika tal-Immakulata Kunċizzjoni ma jirriżultax li ġarrbet ħsarat.
Lukandier sostna ma’ aġenzija tal-aħbarijiet li f’40 sena qatt ma ra maltemp bħal dan.
Lourdes hija famuża ma’ diversi pellegrini, anke Maltin, wara d-dehriet tal-Madonna lil Bernardette Soubirous. Ta’ min jgħid li huma miljuni l-pellegrini li jżuru dan il-post qaddis ta’ kull sena.