Ġesù ma jaħbix il-fatt li qed joffrilna madmad u qed joffrilna toqol; u jsejħilhom tiegħu. Misteru kbir dan, li mexxej li qed jipprova jattirak lejh, ma jaħbilekx l-isfidi tad-dixxipulat, tal-fatt li inti tkun miegħu. Jaf li aħna “mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom” (Mt 11:28), jgħid. Imma fl-istess ħin, waqt li se jserraħna mit-taħbit u t-toqol tagħna; u dan hu misteru kbir; qed jgħidilna: ‘isma’ jien se noffrilkom madmad u toqol’.

“Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi” (Mt 11:29). Naħseb jekk tistaqsi lil xi ħadd żagħżugħ u tgħidlu: ‘madmad x’inhu?’ Naħseb jgħidlek, issa sew madmad x’inhu? Jirrispondik bl-istess mistoqsija. Il-madmad hu dak li jorbot lill-bhejjem flimkien; li jorbot il-bhejjem anke mal-moħriet. Hu mod kif tikkontrolla bhima, imma fl-istess ħin hu l-mod kif żewġ bhejjem tmexxihom flimkien permezz tal-madmad.

Ġesù, ma jaħbilna la l-madmad u lanqas it-toqol; imma miegħu u bl-għajnuna tiegħu jsir ħelu u ħafif

Allura x’nifhmu b’din it-tixbiha li jagħti Ġesù? Nafu li Ġesù għamel xi moħriet jew tnejn; x’aktarx għamel xi madmad ukoll. Il-madmad ħafna drabi kien ikun tal-injam bi ftit elementi tal-ħadid. Ġesù, dik kienet is-sengħa tiegħu li jagħmel dawn l-għodod, bħalma kien Ġużeppi.

Il-madmad hu dak li jgħaqqadna ma’ xi ħadd. Il-madmad ta’ Ġesù hu dak li jgħaqqadna miegħu. Kemm hi ħaġa sabiħa, li meta Ġesù joffrilna dan il-madmad qed jgħidilna: ‘m’intix se tkun waħdek għax se noffrilek il-madmad tiegħi’! Għalhekk jgħidlu: “il-madmad tiegħi ħelu” (Mt 11:30). Il-madmad aħna nużawh biex inġorru t-toqol. Ħafna drabi l-madmad kien ikun bejn żewġ bhejjem, ħafna drabi żewġ għoġiela jew bgħula, jintrabtu ma’ karru, jintrabtu ma’ moħriet, jintrabtu ma’ xi ħaġa li ġġorr tagħbija kbira. Il-madmad flimkien ma’ Ġesù – it-toqol isir ħelu u ħafif – għax flimkien.

Naħseb li din il-ħaġa hi sabiħa wisq biex ninsewha. Din tattirana ħafna lejn Ġesù għax Ġesù mhux qed jgħidilna ‘ejjew għandi, kollox se jkun sew’; qisek xtrajt xi polza tal-assigurazzjoni. Mhux hekk. Dak ħafna drabi n-nies tad-dinja jwegħduna hekk, u anke l-għadu spiritwali tagħna, biex ma nsemmuhx b’ismu għax m’hemmx għalfejn, li jwegħedna kollox, imbagħad kollox isir suf. Ġesù, ma jaħbilna la l-madmad u lanqas it-toqol; imma miegħu u bl-għajnuna tiegħu jsir ħelu u ħafif.

Bl-interċessjoni ta’ Kamillu de Lellis illum nitolbu anke għall-morda tagħna biex it-toqol li qed jgħaddu minnu u anke għal min jieħu ħsiebhom, jekk aħna ngħixuh ma’ Ġesù jkun ħelu u ħafif.   

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 26:7-9,12,16-19
Salm: 101 (102):13-14ab u 15,16-18,19-21
L-Evanġelju: Mt 11:28-30