Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

F’dal-Ħadd ta’ qabel tal-aħħar tas-sena liturġika, l-Evanġelju jippreżentalna l-parabbola ċelebri tat-talenti (cfr Mt 25,14-30).  Hi parti mid-diskors ta’ Ġesù dwar l-aħħar żminjiet, diskors li jseħħ immedjatament qabel il-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu.  Il-parabbola tirrakkonta li wieħed sinjur kien se jsiefer u peress li kien jaf li se jkun nieqes għat-tul jafda ġidu lil tlett qaddejja tiegħu: lill-ewwel wieħed itih ħames talenti, lit-tieni, tnejn u lit-tielet, wieħed.  Ġesu jagħmilha ċara li t-tqassim isir “skont il-ħila ta’ kull wieħed” (v. 15).  Hekk jagħmel il-Mulej magħna lkoll: jafna tajjeb, jaf li m’aħniex ilkoll l-istess u ma jridx li lil xi ħadd itih xi privileġġ b’dannu għall-oħrajn imma lil kulħdd jafdalu kapital skont il-ħiliet tiegħu.

Fi żmien li s-sid kien nieqes, l-ewwel żewġ qaddejja jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ sal-punt li jirduppjaw is-somma li kienet ingħatatilhom.  Mhux hekk it-tielet qaddej li jaħbi t-talent ġo ħofra, biex jevita r-riskji, imma bla ma jagħmel ebda qliegħ.  Jasal il-waqt meta s-sid jiġi lura, u jsejjaħ lill-qaddejja biex ituħ kont ta’ għemilhom.  L-ewwel tnejn jippreżentaw il-frott tajjeb tal-impenn tagħhom, ħadmu sew u s-sid ifaħħarhom, itihom il-premju u jistedinhom biex jieħdu sehem fil-festa tiegħu, fil-ferħ tiegħu.  Iżda t-tielet wieħed, li jinduna li naqas, mill-ewwel jibda jipprova jiġġustifika ruħu u jgħid: “Sinjur, lilek nafek bħala raġel aħrax, taħsad fejn ma żrajtx u tiġbor fejn ma xerridtx. Bżajt, u mort ħbejt it-talent tiegħek fl-art: hawn, ara, għandek dak li hu tiegħek” (vv. 24,25).  Jiddefendi l-għażż tiegħu billi jakkuża lil sidu u jgħid li hu bniedem “aħrax”.  Din hi drawwa li għandna aħna wkoll: bosta drabi niddefendu ruħna billi nakkużaw lill-oħrajn.  Imma l-oħrajn m’għandhomx ħtija: il-ħtija hija tagħna, id-difett huwa tagħna.  U dal-qaddej jakkuża lil-oħrajn, jakkuża lis-sid, biex jiġġustifika ruħu.  Aħna wkoll, ħafna drabi nagħmlu l-istess.  Allura s-sid iċanfru: isejjaħlu qaddej “ħażin u għażżien” (v. 26); iġiegħel li t-talent jitteħidlu u jitfgħu ‘l barra minn daru.

Dil-parabbola tgħodd għal kulħadd, imma, bħal dejjem, tgħodd l-aktar għall-insara.  Illum ukoll hi attwali ħafna:  illum huwa Jum il-Foqra, fejn il-Knisja lilna l-insara tgħidlina: “Newwel idek lill-fqir.  Newwel idek lill-fqir.  Fid-dinja m’intix waħdek: hemm nies li għandhom bżonnok.  Tkunx egoista, newwel idek lill-fqir”.  Bħala persuni umani lkoll irċevejna “patrimonu” mingħand Alla, rikkezza umana, hi x’inhi.  U bħala dixxipli ta’ Kristu, irċevejna wkoll il-fidi, l-Evanġelju, l-Ispirtu s-Santu, is-Sagramenti u tant aktar.  Jeħtieġ nużaw dawn id-doni biex nagħmlu l-ġid f’dil-ħajja, bħala servizz lil Alla u lill-aħwa.  U llum il-Knisja tgħidlek, tgħidilna: “Uża dak li tak Alla u ħares lejn il-foqra.  Ara: hemm tant minnhom; fil-bliet tagħna wkoll, fiċ-ċentru tal-bliet tagħna, huma bosta.  Agħmlu l-ġid!”

Kultant aħna naħsbu li meta ma tagħmilx deni int nisrani.  U li ma tagħmilx deni hu tajjeb.  Imma mhux tajjeb li ma tagħmilx il-ġid.  Għandna nagħmlu l-ġid, noħorġu minna nfusna u nħarsu, inħarsu lejn dawk li huma l-aktar fi-bżonn.  Hawn tant ġuħ, u wkoll fil-qalba tal-bliet tagħna, u ħafna drabi aħna niddakkru mil-loġika tal-indifferenza: il-fqir hemm qiegħed, u aħna nħarsu n-naħa l-oħra.  Newwel idek lill-fqir: dak hu Kristu.  Xi wħud jgħidu: “Imma dawn il-qassisin, dawn l-isqfijiet li jitkellmu dwar il-foqra… Aħna rriduhom ikellmuna dwar il-ħajja ta’ dejjem!”  Ara, ħija, oħti, il-foqra huma ċ-ċentru kollu tal-Evanġelju; Ġesù stess għallimna nitkellmu mal-foqra, Ġesù nnifsu ġie għall-foqra.  Newwel idek lil-fqir.  Irċevejt ħafna u int tħalli lil ħuk, oħtok, imutu bil-ġuħ?

Għeżież ħuti, kulħadd jgħid f’qalbu dak li jgħid illum Ġesù, itenni f’qalbu: “Newwel idek lill-fqir”  U Ġesù jgħid ħaġ’oħra: “Kun af, il-fqir huwa jien”.  Ġesù dan jgħidilna: “Il-fqir huwa jien”.

Il-Verġni Marija rċeviet don kbir: lil Ġesù nnifsu, imma ma żammitux għaliha, tatu lid-dinja, lill-poplu tiegħu.  Nitgħallmu minnha biex innewlu jdejna lill-fqir.


Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti!

Jiena qrib it-talb lejn il-popolazzjonijiet tal-Filippini li qed isofru minħabba l-qerda, l-aktar mill-għarar kawżat minn tifun kbir.  Nesprimi s-solidarjetà tiegħi mal-familji l-aktar foqra u esposti għal-dan it-tiġrib kbir, u nesprimi l-appoġġ tiegħi għal kull min hu impenjat fis-sokkors.

Ħsiebi jdur imbagħad lejn il-Kosta tal-Avorju li llum qed jiċċelebra l-Jum nazzjonali tal-Paċi f’kuntest ta’ tensjonijiet soċjali u politiċi li, sfortunatament, ħallew warajhom bosta vittmi.  Ningħaqad mat-talb biex il-Mulej jagħtihom ir-rigal tal-qbil nazzjonali, u nħeġġeġ lill-ulied dak il-pajjiż għażiż biex jikkollaboraw b’mod responsabbli għar-rikonċiljazzjoni u l-konvivenza serena.  Ninkoraġġixxi, b’mod partikolari, lid-diversi atturi politiċi biex jistabbilixxu mill-ġdid klima ta’ fiduċja reċiproka u ta’ djalogu, fit-tfittxija għal soluzzjonijiet ġusti li jħarsu u jseddqu l-ġid komuni. 

Ilbieraħ fi sptar fir-Rumanija, fejn kien hemm rikoverati għadd ta’ pazjenti milqutin mill-coronavirus, kien hemm nar li ħalla xi vittmi.  Nesprimi l-qrubija tiegħi u nitlob għalihom.  Nitolbu għalihom.

Insellem lilkom ilkoll, fidili minn Ruma u pellegrini minn diversi pajjiżi.  Tinsewx, illum, li fi qlubna jidwi leħen il-Knisja: “Newwel idek lill-fqir.  Għax, tafx, il-fqir hu Kristu”.  Nifraħ, b’mod partikolari bil-preżenza tal-kor ta’ Voci Bianche minn Hösel (Ġermanja).  Grazzi tal-kant tagħkom!

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

Sors: Laikos