Il-Vatikan qed jesplora l-possibbilta ta’ iktar promozzjoni tal-eneġija sostenibbli min-naħa tiegħu u dan permezz ta’ Popemobile li taħdem bl-enerġija ġġenerata permezz tax-xemx.

Il-mistoqsija hi sempliċi – Popemobile elettrika b’enerġija solari?

Il-Kardinal Giovanni Layolo, li jmexxi l-Istat tal-Belt tal-Vatikan, qal ilbieraħ li l-Papa żgur li jkun jippreferi li l-karozza li ġġorru tkun ta’ dan it-tip milli tradizzjonali.

Il-kummenti ta’ Layolo waslu waqt il-preżentazzjoni ta’ ktieb dwar l-użu tal-enerġija solari mill-Vatikan. Fl-2008, il-Vatikan installa pannelli fotovoltajċi fuq il-bejt tal-awditorju ewlieni u sena wara, fl-2009, installa fil-kafetterija sistema maħsuba biex tkessaħ, pero li wkoll titħaddem bl-enerġija solari.

It-teknoloġija ġdida użata wasslet għar-rebħ ta’ premji speċjali u finalment eskalat ir-reputazzjoni tal-Papa Benedittu bħala l-Papa ħabib tal-ambjent – ‘Green Pope’.