Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret is-Sibt, 22 ta’ Ottubru 2016, il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar li f’Diċembru li ġej, dawk kollha li jgħaddu minn Pjazza San Pietru fil-Vatikan ser jesperjenzaw presepju tradizzjonali Malti, li se jkun akkumpanjat minn talent mużikali minn pajjiżna. Il-presepju se jkun esebit mill-ewwel ġimgħa ta’ Diċembru sat-8 ta’ Jannar, u wara se jibqa’ jiġi esebit f’pajjiżna f’postijiet pubbliċi fi żmien il-Milied. Għal din il-konferenza tal-aħbarijiet attenda l-Vigarju Ġenerali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, Mons. Joe Galea Curmi, f’isem l-Arċisqof Charles J. Scicluna, peress li dan il-proġett sar ukoll bl-appoġġ tal-Arċidjoċesi ta’ Malta.
Il-presepju tal-artist Għawdxi Manwel Grech intgħażel wara li d-Direttorat tal-Kultura f’kollaborazzjoni ma’ Heritage Malta ppubblika sejħa għad-disinn u l-bini ta’ presepju artistiku. Is-sejħa speċifikat li l-istruttura tal-presepju kellha tieħu inkonsiderazzjoni fatturi kulturali u karatteristiċi partikulari tal-pajsaġġ Malti, inklużi l-arkitettura, il-flora u l-fauna, kif ukoll il-figuri tradizzjonali tal-presepju.
L-aspett mużikali jinvolvi l-Orkestra Nazzjonali li fis-17 ta’ Diċembru se ttella’ kunċert fil-Bażilika ta’ San Paolo Fuori li Mura, Ruma. L-Orkestra Nazzjonali ser tkun akkumpanjata minn erba’ solisti famużi, is-Soprano Jacquelyn Wagner, Alto Eva Vogel, it-Tenur Daniel Kirch u Bass Gerd Grochowski, kif ukoll wieħed mill-aqwa korijiet Taljani, il-Coro dell’ Accademia di Santa Cecilia.
Diskors tal-Vigarju Ġenerali, Mons. Joe Galea Curmi
Is-sena d-dieħla, 2017, jaħbat l-400 anniversarju mill-ewwel presepju f’Malta li nafu bih, li kien sar fil-kunvent tal-patrijiet Dumnikani, ir-Rabat.
Għalhekk hu tassew f’waqtu li aħna qed nivvalorizzaw il-presepju b’din l-inizjattiva sabiħa li presepju Malti se jkun fi pjazza San Pietru, il-Vatikan, għall-Milied ta’ din is-sena.
Il-Knisja f’Malta kkollaborat bis-sħiħ fit-tħejjija għal dan l-avveniment. Nixtiequ li dil-ġrajja tgħinna napprezzaw il-wirt artistiku u kulturali tagħna l-Maltin, ukoll permezz tal-kunċert ta’ mużika sagra li se jsir f’Ruma mill-Orkestra Filarmonika Nazzjonali ta’ Malta.
Nixtiequ wkoll li tgħinna naslu għall-messaġġ qawwi tal-presepju, li San Ġorġ Preca, li se jkun rappreżentat f’dan il-presepju, tant saħaq fuqu: L-Iben ta’ Alla sar bniedem u għammar fostna. Paċi fl-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba.
Nixtiequ, għalhekk, li dil-ġrajja tgħinna ngħożżu dak li jfisser il-presepju, u b’mod partikulari, meta naraw fil-presepju dit-tarbija speċjali mal-familja għall-kenn tal-għar, ngħożżu l-valur tal-ħajja umana speċjalment meta għadha l-aktar dgħajfa. U nwasslu din l-għożża tal-ħajja umana lill-oħrajn.
Nixtiequ li l-presepju jfakkarna f’dawk li ħajjithom hi mhedda bil-faqar u bil-vjolenza. Speċjalment fis-Sirja, u partikolarment it-tfal, dawk li ħajjithom hi kontinwament fil-periklu u li kultant lanqas isibu post ta’ kenn bħall-għar ta’ Betlehem. Niftakru fit-tbatija tat-tfal vittmi, speċjalment it-tfal ta’ Aleppo fis-Sirja.
L-awgurju hu li din l-okkażjoni tgħinna napprezzaw il-wirt artistiku u kulturali tagħna, u fl-istess waqt ngħożżu s-sinifikat veru tal-presepju u b’mod speċjali l-valur tal-ħajja umana.