Il-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann bi pjacir tħabbar il-ħatra tal-Monsinjur Professur Emmanuel Agius bħala l-President il-ġdid tagħha.
Mons. Prof. Agius kien Dekan tal-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta. Huwa kiseb il-Baċċellerat fis-Sagra Teoloġija (S.Th.B.) u mbagħad il-Liċenzjat fis-Sagra Teoloġija mill-Università ta’ Malta, u wara kompla l-istudju tiegħu fl-Università Kattolika ta’ Leuven, il-Belġju, fejn kiseb M.A. fil-Filosofija u d-Dottorat fit-Teoloġija Sagra (S.Th.D). Hu Professur fit-Teoloġija Morali u Etika Filosofika fl-Università ta’ Malta.
Mons. Prof. Agius segwa r-riċerka post-dottorali tiegħu fil-qasam tal-bioetika fl-Università ta’ Tübingen, il-Ġermanja, bħala riċerkatur tal-Alexander von Humbolt Stiftung; fl-Università ta’ Georgetown, Washington, D.C., bħala Fulbright Fellow; kif ukoll fl-Università ta’ Notre Dame, fl-Indiana, fl-Istati Uniti tal-Amerka, bl-assistenza ta’ borża ta’ studju mogħtija minn Theodore Hesburgh.
Mons. Agius kien Kap tad-Dipartiment tat-Teoloġija Morali fil-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta; sa mill-2005 huwa membru tal-Grupp Ewropew ta’ Etika fix-Xjenza u Teknoloġiji Ġodda (EGE), li huwa grupp interdixxiplinarju ta’ esperti li jagħtu pariri lill-Kummissjoni Ewropea, u membru tal-Akkademja Pontifiċja għall-Ħajja. Mons. Prof. Agius huwa l-awtur u ko-editur ta’ numru ta’ pubblikazzjonijiet. Uħud mill-artikli tiegħu dwar il-bioetika, kwistjonijiet soċjali u ambjentali, iż-żwieġ u s-sesswalità ġew ippubblikati f’numru ta’ ġurnali akkademiċi internazzjonali.
L-Eċċellenza Tiegħu, l-Arċisqof Monsinjur Charles Jude Scicluna, ħatar lil Mons. Prof. Agius bħala membru tal-Kapitlu tal-Katidral Metropolitan fil-25 ta’ Jannar 2018, u membru
tal-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann mill-1 t’Awwissu 2019.
Il-membri tal-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann huma responsabbli għall-amministrazzjoni tal-Konkatidral bħala teżor nazzjonali u sit Storiku Dinji tal-UNESCO. Il-Fondazzjoni tamministra l-knisja u l-mużew biex tassigura l-konservazzjoni u l-immaniġjar bħala monument storiku u arkitettoniku, kif ukoll bħala post ta’ qima.
L-appuntament il-ġdid ġie fis-seħħ fil-31 ta’ Lulju 2020.