L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

L-Appostlu Missierna San Pawl ħeġġeġ lill-komunità Nisranija Maltija tal-bidu biex titlob ħerqana għall-mexxejja ċivili “biex ngħixu fil-kwiet u s-sliem; fit-tjieba u kif jixraq” (1 Tim 2:2).

Din tkun it-talba tagħna wkoll illum, aħna u nawguraw lill-President-Elett Myriam Spiteri Debono, fil-jum li ser tibda formalment is-servizz tagħha lill-Istat bħala President ta’ Malta.

Fl-Innu Malti aħna nitolbu l-barkiet tad-dehen, tal-ħniena u tas-saħħa. Għażiża President, il-Mulej iżejnek dejjem b’dawn id-doni.

Jalla jkollok id-dehen neċessarju biex tesprimi f’kull ċirkustanza l-prinċipji bażiċi tal-Kostituzzjoni, il-ħtieġa kontinwa tad-djalogu rispettuż, il-ħelsien minn kull ħjiel ta’ suspett ta’ korruzzjoni u klijenteliżmu, is-saltna tad-dritt, il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali ta’ kull ħlejqa umana u d-difiża tal-ambjent naturali.

Jalla tkompli tkun imżejna bid-don tal-ħniena li kibret fik b’sens qawwi ta’ ġustizzja soċjali. Ħa tkun il-ħarsa tiegħek wens għall-imnikket, il-kelma tiegħek dawl għal min hu mifxul, l-eżempju tiegħek xprun għal dawk kollha li jaqdu fis-skiet u fl-għotja ġeneruża lil ħutna li jeħtieġu l-kompassjoni, is-solidarjetà u l-għajnuna konkreta tagħna.

Ħa tkun il-ħarsa tiegħek wens għall-imnikket, il-kelma tiegħek dawl għal min hu mifxul…

Jalla jkollok is-saħħa fiżika u morali biex taqdi dmirek b’għożża, kuraġġ, ferħ, serenità u entużjażmu! Il-Mulej ikompli jżejnek bid-determinazzjoni, bil-paċenzja u fuq kollox b’sens ta’ umoriżmu li jtaffi it-toqol li jġib ir-rwol istituzzjonali għoli tiegħek. Kun tarka qawwija għad-dgħajjef u għall-emarġinat; għal dawk li m’għandhomx vuċi. Iddefendi kull ħajja sa mill-bidu tal-eżistenza tagħha u sat-tmiem naturali tagħha. Tibżax! Il-Mulej ikun il-qawwa tiegħek!

Il-poplu tagħna għatxan għall-għaqda u s-sliem. Nitolbu għalik, għażiża President, biex fil-presidenza tiegħek tkompli fuq dak kollu li bnew il-predeċessuri tiegħek u tippromwovi spirtu ta’ kollaborazzjoni, lealtà u armonija fost il-Maltin u l-Għawdxin kollha.

Inti u tirrappreżenta lil Malta fl-okkażjonijiet ta’ ferħ u ta’ niket, kemm fostna kif ukoll madwar id-dinja, nitolbuk tinterpreta s-sejħa tagħna bħala art ħelwa mħaddna mill-baħar, port sigur li joffri kenn lill-bniedem hu u jterraq il-vjaġġ tal-ħajja! 

Il-Mulej ikun miegħek dejjem!

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Att 3:11-26
Salm: 8:2ab.5, 6-7, 8-9
Qari II: 1 Tim 2:1-4
L-Evanġelju: Lq 24:35-48

Aktar ritratti