Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent, il-Patrijiet tal-Ordni tal-Franġiskani Minuri u ċ-Ċentru għall-Edukazzjoni Ambjentali u r-Riċerka tal-Università ta’ Malta għal darb’oħra ngħaqdu flimkien biex organizzaw kors ieħor ispirat mill-Enċiklika Laudato Si’ tal-Papa Franġisku.
Il-ħsieb wara l-kors ‘Mimicking Natural Ecosystems – Growing Food Sustainably’ kien li jservi ta’ għodda oħra biex wieħed jiskopri kwalità ta’ ħajja aħjar permezz ta’ proċessi sempliċi u antiki bħal ma hi l-agrikultura. L-għan tal-kors kien li jgħin lil dawk li ħadu sehem biex jirrelataw b’mod aħjar mal-ambjent ta’ madwarhom waqt li jitgħallmu metodi nodfa u sostenibbli ta’ kif jipprattikaw l-agrikultura.
Dan kien l-ewwel kors tax-xorta tiegħu, imma l-ħsieb huwa li jibqa’ jiġi organizzat kull sena. Kien kors imfassal f’kolaborazzjoni mal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, li hija responsabbli min-numru ta’ inizjattivi fosthom it-tmexxija ta’ komunità terapewtika għal dawk li jbatu mid-dipendenza fuq id-droga jew l-alkoħol. Il-patrijiet Franġiskani ilhom jaħdmu mal-komunità għal dawn l-aħħar ftit xhur, billi jgħinu fil-ħolqien ta’ ambjent terapewtiku skont il-prinċipji li fuqhom huma mibnija l-ispiritwalità Franġiskana u l-permakultura. Il-Permakultura hija sistema mfassla biex toħloq ambjenti umani li huma sostenibbli.
Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent sponsorjat il-brochure, il-poster u l-banner li ġew imħejjija għall-kors. Għall-kors li kien bla ħlas, attendew tmienja u għoxrin persuna.
‘Mimicking Natural Ecosystems’ kien kors ta’ erba’ sessjonijiet ta’ sagħtejn il-waħda -darba fil-ġimgħa nhar ta’ Sibt filgħodu matul ix-xahar ta’ Ottubru 2019. Il-laqgħat kienu jsiru fil-binja tal-Komunità ‘Santa Marija’, sewwasew sabiex il-parteċipanti jkollhom opportunità li jiltaqgħu mill-qrib ma’ uħud mill-emarġinati tas-soċjetà tagħna. L-esperiment jidher li ħalla l-frott kemm għall-mistednin u għar-residenti, kif ukoll għall-membri tal-istaff.
Fl-aħħar tal-kors, dawk li ħadu sehem ingħataw ċertifikat.