LOOP Parroċċi Djakonija qed tistieden lil studenti żgħażagħ biex jagħmlu sigħat ta’ xogħol volontarjat fil-proġetti tagħhom li mbagħad ikunu jgħoddu għall-kors li jkunu qed jagħmlu fis-Sixth Form, l-MCAST jew l-Università.

Il-programm il-ġdid bl-isem ‘Supporting New Beginnings’, organizzat minn LOOP, joffri lill-istudenti diversi opportunitajiet ta’ ħidma volontarja. Għal dan il-għan, rappreżentanti ta’ LOOP se jkunu preżenti fi Freshers’ Week fl-Università ta’ Malta bejn it-30 ta’ Settembru u l-4 ta’ Ottubru u l-MCAST bejn is-7 u d-9 ta’ Ottubru biex jagħtu aktar tagħrif.

Dan il-programm jgħodd għal DegreePlus, placements tal-korsijiet fl-Università ta’ Malta, sigħat ta’ xogħol volontarju fis-Sixth Form bħala parti mill-proġett tas-suġġett Systems of Knowledge jew xogħol komunitarju ta’ CSR mal-MCAST.

Dan l-inċentiv jgħin liż-żgħażagħ biex jagħtu lura fis-soċjetà filwaqt li jużaw il-ħiliet, it-talenti, u l-motivazzjoni tagħhom biex iħallu impatt.

L-inizjattiva ġdida ta’ ‘Supporting New Beginnings’ tipprovdi erba’ oqsma ewlenin ta’ servizz fejn l-istudenti jistgħu jagħtu sehemhom:

1. Il-Kċina ta’ Marta: jgħinu fil-preparazzjoni ta’ aktar minn 800 ikla fil-ġimgħa, imqassma lil dawk fil-bżonn fuq il-parir ta’ professjonisti soċjali.

2. Ħanut tal-Ħwejjeġ: jassistu fit-tmexxija ta’ ħanut fil-Belt Valletta li jbigħ ħwejjeġ secondhand u oġġetti tal-fair-trade. Hawnhekk ukoll jintefqu l-kupuni mogħtija lill-benefiċjarji.

3. Refettorju u Ikliet ta’ Solidarjetà: jgħinu fir-refettorju f’Ħal Balzan fejn jisserva l-ikel bejn il-5 u d-9 pm jew twassal l-ikliet lil individwi d-dar, filwaqt li trawwem relazzjonijiet sinifikanti.

4. Inizjattivi lokali: jassistu fl-immaniġġjar tal-uffiċċji li jirċievu talbiet għal assistenza, kif ukoll il-koordinazzjoni tad-distribuzzjoni tal-għajnuna għal dawk fil-bżonn.

Studenti li huma interessati li jipparteċipaw għandhom jimlew il-formola sabiex japplikaw u jagħtu kontribut f’din l-inizjattiva: https://loop.mt/snb/