L‑Arċidjoċesi ta’ Malta u l‑Gvern ġeddew ftehim dwar proprjetà f’Santa Venera sabiex tibda tintuża mill‑Gvern bħala ċentru ta’ matul il‑jum għat‑tfal. ‘Bebbuxu Child Care Centre’ se jkun f’Dar San Ġużepp, li hi tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta u mmexxija mill‑patrijiet tas‑Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl. Il‑ftehim ġie ffirmat fil‑Kurja tal‑Arċisqof fil‑Furjana minn Patri Louis Mallia u Dr Michelle Tabone f’isem l‑Arċidjoċesi, u minn Michael Bondin, il‑Kap Eżekuttiv tal‑Fondazzjoni għas‑Servizzi Edukattivi fi ħdan il‑Ministeru tal‑Edukazzjoni.
Uħud mit‑tfal li se jattendu dan iċ‑ċentru għandhom ikunu tfal ta’ ommijiet li bħalissa qed jgħixu f’wieħed miż‑żewġ x‑xelters tal‑Knisja għall‑vittmi ta’ vjolenza domestika, li huma Dar Merħba Bik f’Ħal Balzan u l‑programm ‘Il‑Milja’ fiż‑Żejtun. Dan sabiex filwaqt li matul il‑ġurnata wliedhom ikunu f’post sigur, l‑ommijiet ikunu jistgħu jkomplu b’ħajjithom sabiex jerġgħu jqumu fuq saqajhom u joħorġu miċ‑ċirkustanzi li sabu ruħhom fihom.
Il‑proprjetà se tinkera lill‑Gvern għas‑sentejn li ġejjin, bil‑kuntratt jista’ jibqa’ jiġġedded kull sena għal ħames snin konsekuttivi. Filwaqt li l‑Arċidjoċesi se tkun responsabbli mit‑tiswijiet strutturali tal‑post, il‑Gvern se jieħu ħsieb l‑operat taċ‑childcare centre kif ukoll kwalunkwe xogħol ta’ tiswijiet u manutenzjoni tal‑post u biex jagħmel il‑post addattat li jilqa’ fih tfal minn tliet snin ’l isfel.