-
-
Nhar is-Sibt 29 ta’ Ottubru 2016, l-Arċisqof indirizza membri tat-Tiġdid Kariżmatiku, waqt Konferenza Annwali Nazzjonali, fis-sala ewlenija tal-Iskola Sekondarja Sant’Agata, ir-Rabat.
Diskors tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Sala Ewlenija Skola Sekondarja Sant’Agata, ir-Rabat
29 ta’ Ottubru 2016
L-ewwel nett nirringrazzjakom ħafna ta’ din il-laqgħa kmieni filgħodu, ġurnata li tfakkarna fil-ħarifa.
Din il-ġimgħa, fil-qari tal-quddies kellna silta’ mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin u jiena u naqraha ħsibt fikom u fil-laqgħa li kien se jkolli magħkom. Ħin minnhom l-appostlu Missierma jikteb hekk u jiena dawn il-kelmiet tiegħu ħassejthom tant qegħdin għall-qalb tiegħi li għidt naqsamhom ma’ ħuti tal-Moviment Karizmatiku u tifhmuni għaliex. “Itolbu dejjem fl-Ispirtu b’kull xorta ta’ talb u f’kull ħtieġa. Ishru fih bla ma tieqfu u itolbu għall-ħtiġijiet tal-qaddisin kollha. Itolbu għalija wkoll biex meta niftah fommi tingħatali l-kelma ħalli b’wiċċi minn quddiem inxandar il-misteru tal-Evanġelju li tiegħu jiena l-ambaxxatur fil-ktajjen. Jalla jiena u nxandar inkun nista’ nitkellem b’wiċċi minn quddiem kif għandi nagħmel” (Efes 6, 18-20).
Din is-silta’ mis-sitt Kapitlu tal-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin inħoss li għandha attwalita’ kbira. L-aħħar biċċa titkellem dwari, dwar il-ministeru tal-Isqof u dwar l-irwol tagħkom fih.
L-ewwel parti hija indirizzata lil kull wieħed u waħda minna. L-appostlu Missierna juża’ żewġ verbi importanti ħafna. Jużahom ukoll Ġesù f’mumenti essenzjali u radikali tal-ħajja tiegħu: “itolbu u ishru” (Lq 21, 36). Dawn iż-żewġ kelmiet ma jfakkruniex biss fl-aħħar mumenti tal-Evanġelji sinottiċi meta l-Mulej tkellem fuq l-aħħar ġrajjiet imma anke meta qiegħed jgħix l-aħħar mumenti ta’ ħajtu fuq din l-art.
Ġesù lid-dixxipli fl-Ort tal-Ġetsemani jagħtihom dawn iż-żewġ pariri siewja: “itolbu u ishru, ma stajtux tishru ftit miegħi?” (Mt 26, 40-41). Din id-domanda: “itolbu u ishru”. “Itolbu dejjem fl-Ispirtu, ishru fih bla ma tieqfu”. Li titlob fl-Ispirtu huwa wkoll li titlob bil-mentalità ta’ Ġesù. Il-mentalità tiegħu fejn jidħol it-talb ġabritna fit-talba tiegħu. Iżjed ma nidħlu fit-talba tal-Missierna, it-talba tal-Mulej, nidħlu iżjed fil-mentalità ta’ Ġesù għaliex il-preokupazzjonijiet tiegħu qegħdin hemm.
L-ewwel preokkupazjoni hija li aħna lkoll aħwa għax għandna Missier wieħed, nsejħulu ‘Missierna’, u għalkemm aħna nitolbu b’mod individwali, kull meta nitolbu qegħdin nitolbu wkoll bħala aħwa. “Missierna, li inti fis-smewwiet, jitqaddes ismek, tiġi saltnatek, ikun li trid int” (Mt 6, 9-10). Dawn huma l-preokkupazzjonijiet prinċipali ta’ Ġesù u tad-dixxipli li “jitqaddes f’isem il-Mulej, li tiġi s-saltna tal-Mulej” li sseħħ ir-rieda tiegħu. Għaliex huwa msejjaħ Missier aħna b’kunfidenza, bħalma kien iħobb jgħid San Ġorġ Preca: “b’kunfidenza ta’ wlied nitkellmu mal-Missier tagħna u ngħidulu “ħobżna ta’ kuljum agħtina llum. Aħfrilna dnubietna, la daħħalniex fit-tiġrib, eħlisna mid-deni” (vv.11-13).
“Itolbu fl-Ispirtu”. Id-doni l-oħra huma esperjenzi li jfarrġuna u jikkonfermaw li qegħdin nitolbu fl-Ispirtu imma ma nġibuhomx aħna b’idejna. Aħna ma nagħfsux is-swiċċ u nibdew nitkellmu bl-ilsna. Ninħakmu mill-Ispirtu tal-Mulej u hu jużana biex jitqaddes u jitfaħħar Ismu.
Li tishar hija li bħall-ikoni orjentali, jkollok għajnejk miftuħin beraħ, kapaċi taqra’ s-sinjali taż-żmienijiet, li titgħallem tisma’ u tistenna b’paċenzja kbira. Li tishar hija virtù kbira, u tgħallimna l-paċenzja. Ħafna drabi nitolbu lill-Mulej u donnu hemm xi ħadd li mhux qed jismagħna għax ma jkollniex risposta. Is-sahra hija wkoll dik l-istennija umli bħalma tgħid l-Iskrittura, “bħal qaddejja tħares lejn id sidtha”. Din l-espressjoni straordinarja, ta’ qaddejja li l-ħin kollu hi u tishar, tħares lejn id sidtha biex tara x’mossa se tagħmel: m’għandniex platti, inqalbet tazza, l-id tas-sidt tgħidlek x’għandek tagħmel. Is-sahra hija wkoll din l-attenżjoni kontinwa għas-sinjali tar-rieda tal-Mulej.
San Pawl Missierna lill-Efesin ukoll jgħidilna “ishru fl-Ispirtu”. Meta jiena nishar fl-Ispirtu diġa għandi ċertezza u tama soda. Iċ-ċertezza li dak li mill-qalb tal-missier ta’ din id-dinja tatu imħabba hekk kbira li jekk lil ibnu jitolbu ħobża ma jagħtihx ġebla, jekk jitolbu bajda ma jagħtihx serp. Il-Mulej jgħidilna “intom nies ħżiena bħalkom li tafu tħobbu daqstant lil uliedkom, kif ma temminx li Alla li huwa missierek, ma jħobbokx jew mhux se jisimgħek, se jdum ma jagħti risposta lill-uliedu?” (ara Mt 7, 9-11). Aħna u nishru fl-Ispirtu, irid ikollna din il-fidi, din it-tama u din l-imħabba. Huma tlett atteġġjamenti li jgħallimna l-Ispirtu kemm it-talb u kemm is-sahra. Mhux għax se nħarbtu siegħa, siegħa u nofs fis-sahra. Din hija l-istedina!
“Itolbu għall-ħtiġijiet tal-qaddisin kollha” (Efes 6, 18). Jiena nixtieq nirringrazzjakom tas-servizz, tal-ministeru u tal-interċessjoni tagħkom. Kunu afu li l-Isqof u l-Knisja tgħożż ħafna s-servizz u l-ministeru tagħkom tal-interċessjoni. Nitlobkom li kull meta tiltaqgħu, tiftakru fl-Isqof u tiftakru fil-Knisja. Interċedu għall-qaddisin kollha. Il-qaddisin mhumiex dawk li għandhom id-dijadema mwaħħla diġa ma’ rashom, imma huma aħna li qegħdin f’tensjoni kontinwa bejn id-dgħufija tagħna u l-grazzja li l-Mulej li poġġa fina bħal teżor ‘f’ġarar tal-fuħħar’ (ara 2 Kor 4, 7), biex hekk tidher fina l-qawwa tiegħu.
Benedittu XVI meta ltaqa’ maż-żgħażagħ fi Freiburg im Breisgau qalilhom: “intom imsejħin għall-qdusija, agħmlu kuraġġ, taqtgħux qalbkom bid-difetti, bid-dnubiet tagħkom, biċ-ċirkustanzi komplessi ta’ ħajjitkom”. B’kelma ta’ missier nixtieq ngħid lill-komunitajiet tagħkom. Twarrbux minn ħdankom lil min jispiċċa f’sitwazzjonijiet ikkumplikati u kumplessi fejn faċli inti tiġġudika lil ħuk jew lil oħtok, tagħmillu tikketta wara dahru li hu ma jkunx jista’ jara’ imma ħaddieħor jaraha. B’ħeġġa kbira u malajr, qaċċtu minn fostkom kull tentazzjoni ta’ zekzik, dan il-ħafna gossiping. Jekk trid tkisser komunità, nissel fiha iz-zekzik, il-gossip u l-kalunnja, u tkissirha.
L-Ispirtu tal-Mulej mhuwiex biss ta’ rażan imma spirtu ta’ mħabba anke quddiem ċirkostanzi kumplikati ħafna. Ma kinitx ikkumplikata s-sitwazzjoni tal-adultera li ġabulu quddiemu? Ftakru fil-Mulej li jgħidilha: “ikkundannawk? Lanqas jien. Mur u terġax” (ara Ġw 8, 10-11). Ħafna drabi lanqas dik il-kelma ma tkun tista tgħid “mur u terġax” għax ikunu sitwazzjonjiet wieħed qed jgħix fihom minħabba ħafna ċirkostanzi tal-ħajja. It-talba tal-Isqof bħala missier ta’ kull wieħed u waħda minnkom hija li tkunu inklussivi, dak l-Ispirtu sabiħ li qiegħed ifakkarna u jgħallimna l-Papa Franġisku.
“Itolbu għall-ħtiġijiet tal-qaddisin kollha, itolbu għalija wkoll” (Efes 6, 28-29). Jiena niġi hawn ta’ kull sena, kif tafu, nissallab u nagħmel il-ġabra tat-talb għaliex l-Isqof għandu ħafna bżonn tat-talb. Intom tifhmu għaliex il-premessa ta’ din l-eżortazzjoni tal-appostlu Missierna, huwa li aħna l-ġlieda tagħna mhijiex kontra d-demm u l-laħam imma kontra s-setgħat, kontra l-qawwiet, kontra l-prinċpijiet ta’ din id-dinja tad-dlamijiet, kontra l-ispirti ħżiena li jgħammru fil-wisa’ tas-smewwiet. Ix-xitan mhux iblaħ, aħna l-boloħ ħafna drabi. Dak li jekk jattakka lill-Isqof, il-merħla taf ukoll titgerfex.
X’jitlob l-appostlu Missierna u nħoss li għandi nislet jiena b’mod speċjali? “Itolbu għalija biex meta niftaħ fommi…” (Efes 6, 19), u intom tafu li jiena niftħu ħafna drabi. Itolbu għalija biex meta niftaħ fommi tingħatali l-kelma” dan id-don kbir li meta jiftaħ fommu l-Isqof tingħatalu l-kelma.
“Ħalli b’wiċċi minn quddiem” mingħajr biża’ “inxandar” mhux lili nnifsi ovvjament, “il-misteru tal-Evanġelju” din l-aħbar tajba li fl-istess ħin hija misteru. Din laqtitni ħafna u nispjegalkom għaliex inħossha vera wkoll, “jiena l-ambaxxatur fil-ktajjen” (v.19-20). Pawlu seta’ jirreferi għall-ktajjen fiżiċi.
M’ilux kont Ruma, jiena kull xahar ikolli mmur għax-xogħol li talabni nagħmel il-Papa Franġisku u din id-darba – nasal it-Tlieta wara nofsinhar ġeneralemnt, imbagħad ninżel il-Ħamis – it-Tlieta kellna difiża ta’ wieħed mis-saċerdoti tagħna li ggradwa mill-Universita Gregorjana f’Ruma. Biex tmur mill-Gregorjana terġa lura għaċ-ċentru fil-Pantheon, tgħaddi minn diversi toroq u taqsam waħda mit-toroq l-iżjed rinomata mal-Maltin, l-ewwel waħda hija Via Nazzionale u t-tieni hija Via del Corso meta mmur Ruma għax hemmhekk hemm ix-shopping. Jiena ġeneralment meta naqsam Via del Corso inħobb nieqaf fi knisja ħelwa Santa Maria, knisja antikissima u filgħaxija jkun hemm adorazzjoni sal-10.00 pm.
Din id-darba meta mort il-kripta ta’ din il-knisja kienet miftuħa u hija tradizzjonalment post fejn għexu Pawlu u Luqa kif waslu Ruma, kienu għaddew minn hawnhekk ukoll. Isfel hemm kolonna kbira li tfakkar li Pawlu f’dawn l-ambjenti kien fil-ktajjen. Ma’ din il-kolonna hemm minquxa dawn il-kliem bil-Latin “Verbum Dei alligatum non est” – il-kelma t’Alla mhijiex marbuta. L-appostlu jista’ jkun marbut, l-ambaxxatur jista’ jkun marbut bil-ktajjen, imma l-kelma mhix marbuta. Issa l-Isqof ukoll huwa marbut bil-ktajjen tad-difetti tiegħu, tad-dnubiet tiegħu, tal-umanità tiegħu. Jiena ambaxxatur fil-ktajjen. Minħabba li jiena konxju ħafna bil-ktajjen, kultant inħosshom iżjed iebsin wara xi qrara, inħossni striħajt ftit bil-qawwa tal-ħniena ta’ Ġesù Kristu. Jiena li jien ambaxxatur fil-ktajjen, għandi bżonn it-talb tagħkom biex il-kelma li jiena nxandar tkun l-Evanġelju, li tiegħu jien ambaxxatur.
“Jalla jien u nxandar inkun nista’ nitkellem b’wiċċi minn quddiem kif għandi nagħmel” (v. 20). Kif nitkellem b’wiċċi minn quddiem kif għandi nagħmel? Anke minħabba x-xhieda tagħkom. Jiena meta nitkellem fuq il-kelma tal-Knisja, infakkar ukoll fil-karità tagħha, l-imħabba tagħha, u għalhekk għamilt Vigarju Episkopali għall-Evanġelizzazzjoni u Vigarju Episkopali għad-Djakonija, għax il-kelma tal-Knisja trid twassal għall-imħabba, u l-karità, il-caritas tagħha trid tkun ispirata mill-kelma. Meta nitkellem, nitkellem b’wiċċi minn quddiem għax aħna m’aħniex xi ħaġa tal-passat. Jekk aħna qed nedukaw erbgħin fil-mija tal-istudenti Malta, jekk aħna meta jkun hemm bżonn drug rehabilitation ifittxuna u jagħmlu tajjeb, jekk aħna nieħdu ħsieb it-tfal li ħadd ma jridhom, jekk aħna għandna tant reliġjużi li qed jagħtu ħajjithon għall-Knisja, aħna il-preżent.
Nixieq nagħlaq mhux biss billi nirringrazzjakom tax-xhieda tagħkom, għax ix-xhieda tagħkom mhux biss tħaffef il-ktajjen tal-Isqof imma tagħti qawwa lill-kelma tal-Isqof. Mela: interċessjoni, it-talb, is-sahra u x-xhieda. Biex aħna ngħixu dak li nħabbru u dak li nfaħħru, ngħixuhom, ngħixu lil Alla ħalli dik il-wegħda sabiħa ta’ Ġesù li jagħti risposta lill-appostlu Ġuda Taddew. Aħna rridu ngħammru għandu u nagħmlu l-għamara tagħna għandu, dan il-bniedem li jisma’ l-kelma u hekk se juru ruħu l-Mulej permezz tal-preżenza tiegħu fil-qalb, fir-ruħ u fil-ħajja tagħna.
Nixtieq nitlobkom titolbu għall-esperjenza ġdida klawstrali li bdiet din is-sena fejn grupp ta’ sorijiet żgħażagħ mill-Amerika, ispirati mill-ispiritwalità Tereżjana bl-għajnuna anke tal-Patrijiet Tereżjani. Talbuni l-ospitalità fid-djoċesi biex ikunu preżenza klawstrali ta’ talb. Sibnilhom dar arjuża bil-ġnien u jiena għalija dik hija power house tat-talb. Barra milli jiena l-Isqof li jkollu ħafna kpiepel, mhux il-mitra biss, irid jamministra, permezz tal-kollaboraturi jrid jgħallem, irid imexxi l-Liturġija, irid imexxi l-karità tal-Knisja u inti jkollok bħal missier fid-dar, ikollok ħabba trid tagħmilha tnejn biex ir-rota ddur. Jiena lest li ngħid din il-ħaġa mhux flus irrid nagħmilha, irrid ninvesti fit-talb, fl-interċessjoni. Dawn is-sitt żgħażagħ fis-sajf kienu jagħmluli qalbi ġunġliena b’dak it-toqol ta’ uniformi li għandhom. Dak iż-żelu li jitolbu, li jgħixu ta’ għarajjes ta’ Ġesù, jitolbu, jishru għall-Knisja tiegħu. Jiena għamilt wiċċi minn quddiem u għidtilhom: “issa tridu titolbu għalija kuljum”. “No problem” qaluli, meno male.
Jiena ngħid lilkom ukoll: kuljum għidu talba għall-Isqof, għall-familji u għaż-żgħażagħ u għall-vokazzjonijiet. Jiena meta dħalt fis-seminarju konna sittin, illum is-Seminarju għandna tmintax u nirringrazzja lil Alla li għandna dak in-numru, imma tinnutaw li fi tletin sena minn komunità ta’ sittin għal komunita ta’ għoxrin. Il-Mulej qalilna meta tkellem fuq il-ħaddiema għal-ħsad li hu kbir, itolbu, itolbu. U din missjoni li qed nagħtikom ukoll. Aħna u nikkonkludu s-Sena tal-Ħniena nitlobkom titolbu għat-tlett vokazzjonijiet: is-saċerdozju, il-ħajja reliġjuża u żwieġ Nisrani wkoll għax fiż-żwieġ Nisrani meta wieħed jgħixu bħala vokazzjoni hemm barka kbira. Mela itolbu fl-Ispirtu, ishru fl-Ispirtu, u interċedu għall-qaddisin u itolbu għalija biex jingħatali d-don qaddis tal-kelma. Kunu mberkin.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta