L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Din l-istorja li smajna fl-Evanġelu llum, tant magħrufa u tant sabiħa, bqajna nafuha bħala l-parabbola “tal-Iben il-Ħali”. Forsi jkun aħjar kieku nsejħulha, kif il-Papa Franġisku jispjega b’mod sabiħ ħafna, il-parabbola “tal-Missier il-Ħanin”, għax Ġesù qal din il-parabbola proprju biex juri li Alla hu Missier ħanin. Kienet b’reazzjoni għal dak li qalu l-Fariżej u l-Kittieba, li kienu raw il-pubblikani u l-midinbin sejrin għandu, u gergru u qalu: “Nies midinba jilqa’ għandu dan! U Ġesù qalilhom din il-parabbola biex jurihom min hu Alla. Flok għamel apoloġija u skuża ruħu, anzi uriehom li Alla hu Alla ħanin li jilqa’ lill-midneb.
Għalhekk, tajjeb li naraw din il-parabbola, speċjalment inħarsu lejn il-Missier tal-parabbola li juri proprju din l-imħabba kbira u l-ħniena ta’ Alla.
’Il bogħod mid-dar tal-Missier
Għandna l-iben iż-żgħir li jiddeċiedi li jieħu l-ġid li jmiss lilu u jitlaq mid-dar. U meta telaq ’il bogħod mid-dar ta’ missieru, ħela ġidu u spiċċa f’miżerja. L-Evanġelju jurina dan meta jgħid f’liema miżerja: kien jieħu ħsieb il-ħnieżer, u lanqas kellu l-opportunità li jiekol mill-ikel tagħhom. Juri kif dan il-bniedem tilef id-dinjità u spiċċa f’dil-miżerja, ’il bogħod mid-dar ta’ missieru, maqtugħ minn missieru. Hawn Ġesù ġa qed jurina x’jagħmel id-dnub fina: ibegħidna minn Alla, u aħna mingħalina, bħal dan l-iben iż-żgħir, li se nsibu l-kuntentizza, u nispiċċaw maqtugħin minn Alla, f’miżerja. Nitilfu d-dinjità tagħna.
Imbagħad dan l-iben iż-żgħir jiġi f’sensih. Innutaw li ma jersaqx lura lejn id-dar ta’ missieru għax iddispjaċih għal li għamel lil missieru, imma għax qal: hemmhekk aħjar, anke bħala lavrant, fid-dar ta’ missieri. U jiddeċiedi li jmur lura. Imma hu u sejjer lura, hu u joqrob lejn id-dar, jintebaħ li missieru kien qiegħed jara jiġix lura. U – hemm dik is-silta sabiħa fil-parabbola – “b’ġirja waħda” jmur biex jiltaqa’ miegħu, ibusu, u jreġġgħu lura b’ferħ kbir fid-dar tiegħu, fid-dar tal-missier. U jgħid lill-qaddejja: ġibulu l-isbaħ libsa, libbsulu ċ-ċurkett, is-sandli, oqtlu l-għoġol imsemmen. Dawn kollha dettalji biex juru l-festa li ried jagħmel għax dan ibnu ż-żgħir reġa’ lura għandu.
Kultant aħna ngħidu, u niżbaljaw, kultant ngħiduha wkoll lit-tfal: “jekk inti ma tħobbx lil Alla, ma jħobbokx”. Mhu veru xejn. Alla jibqa’ jħobbok
Ġesù jurina li Alla jrid li aħna nerġgħu lura lejh meta nitbiegħdu minnu, u dejjem jistenniena, u jagħmel festa meta aħna nerġgħu lura lejh. Din hi l-ħniena. Alla hu Alla mimli mħabba, mimli ħniena, mimli maħfra. Hu jrid li l-bniedem midneb jerġa’ lura, għall-ġid tiegħu stess, u jifraħ meta hu jerġa’ lura.
Ġod-dar tal-Missier imma l-qalb ’il bogħod
Dal-missier kellu iben ieħor, l-iben il-kbir. Narawh hawnhekk f’dil-parabbola li kien viċin tiegħu, joqgħod fl-istess dar, imma qalbu ’l bogħod minn missieru. Ninnutaw dan meta hu rrifjuta li jidħol lura d-dar, u meta l-missier joħroġ hu għalih biex jipperswadih jidħol għall-festa, dan lanqas jgħidlu “missier” bħalma jgħidlu l-iben iż-żgħir, lanqas jindirizzah bħala “missier”. U għal ħuh lanqas jgħidlu “ħija”. Jgħidlu “dan ibnek”. Ara l-qalb ’il bogħod mill-missier, u l-qalb ’il bogħod anke minn ħuh. Kellu qalbu magħluqa, avolja viċin tiegħu hemmhekk, qalbu magħluqa għalih.
Ġesu ried juri lil dawk in-nies li kienu qed jisimgħuh li hemm min jidher viċin ta’ Alla imma hu qalbu magħluqa għal Alla u qalbu magħluqa għall-oħrajn. Meta tkun hekk, ’il bogħod qiegħed minn Alla. Il-missier jgħidlu: “Kien meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu għax dan ħuk kien mejjet u reġa’ qam, kien mitluf u nstab”. L-iben il-kbir ma qallux “ħija” imma l-missier ifakkru li hu ħuh.
It-tnejn għeżież
Naraw f’din il-parabbola hekk sabiħa l-qalb kbira tal-missier lejn iż-żewġ uliedu. Lejn iż-żgħir li telaq, jistennieh jiġi lura, u jiġri jilqgħu lura; lejn il-kbir, li jirrifjuta li jidħol, joħroġ hu biex ikellmu. Dan hu Alla li lilna tant iħobbna, jaħfrilna, kollu ħniena magħna, u lest jilqagħna. Kultant aħna ngħidu, u niżbaljaw, kultant ngħiduha wkoll lit-tfal: “jekk inti ma tħobbx lil Alla, ma jħobbokx”. Mhu veru xejn. Alla jibqa’ jħobbok. Anke jekk int tirrifjuta din l-imħabba, Alla jibqa’ jħobbok u jiġri warajk, jibqa’ jistenniek, biex jilqgħek, biex iħaddnek, għax int għażiż, int għażiża għal Alla.
Dan hu li tajjeb nieħdu llum mill-Kelma ta’ Alla. Nitolbu lill-Mulej biex aħna dejjem ikollna f’qalbna din il-konvinzjoni li hu jħobbna, li jaħfrilna. Kemm hu aħjar li nkunu ħdejh, mhux ’il bogħod minnu; kemm hu għall-ġid tagħna li nkunu magħqudin miegħu, mhux imwarrbin minnu!
U aħna fil-Knisja għandna l-esperjenza sabiħa tas-sagrament tal-Qrar, li hi l-esperjenza ta’ kif aħna nerġgħu lura lejn Alla meta nidinbu, nitolbuh maħfra, u hu jaħfrilna. Is-saċerdot, waqt is-sagrament tal-Qrar, jirrappreżenta lil Ġesù mimli mħabba, maħfra u ħniena. Għalhekk tajjeb li ma nittraskurawx is-sagrament tal-Qrar u nħarsu lejh dejjem b’dan il-mod sabiħ: il-mezz kif nirrikonċiljaw ruħna ma’ Alla u mal-oħrajn, u nerġgħu nagħmlu l-esperjenza sabiħa tal-imħabba u tal-ħniena ta’ Alla.
Nitolbu lill-Mulej illum biex dejjem ikollna f’qalbna l-imħabba u l-ħniena tiegħu, u biex jgħinna qatt ma nitbiegħdu minnu; imma niftakru li jekk nitbiegħdu minnu, hu qed jistenniena biex jilqagħna, biex iħaddanna miegħu, għax aħna lkoll ulied għeżież tiegħu.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju