L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Tefgħet aktar minnhom ilkoll”. Dan hu li Ġesù jgħid fl-Evanġelju llum meta jitkellem fuq l-armla fqira li tefgħet biċċtejn żgħar tal-flus fit-teżor tat-tempju. Hu jqabbilha mal-għonja li wkoll tefgħu l-offerta tagħhom f’dan it-teżor. Jgħid “tefgħet aktar”. Imma veru tefgħet aktar? Jekk tqis l-ammont, il-kwantità, tefgħet inqas!
Għaliex Ġesù jgħid “tefgħet aktar”? Għax Ġesù ma jħarisx lejn il-kwantità, l-ammont u l-oġġett, imma lejn il-persuna, u jagħraf il-profondità tal-persuna. Meta ħares lejn dik l-armla fqira, seta’ jgħid li dik li għamlet għamlitu tassew b’għotja kbira min-naħa tagħha, u jqabbel dan mal-għonja li kienu qed jitfgħu l-offerta.
Ġesù qed jgħid: din kienet mara tassew ġeneruża. Meta nqisu li kienet armla fqira, kienet armla fil-bżonn. Fl-Iskrittura, meta jissemmew ir-romol, huma nies fil-bżonn. Fil-fatt Alla dejjem iħeġġeġ lill-poplu tiegħu biex jgħin lir-romol. Hawnhekk, din l-armla kienet verament ġeneruża. Ġesù jgħid dik l-espressjoni “tefgħet dak kollu li kellha biex tgħix”, espressjoni li turi li hi għamlet għotja ġeneruża, għamlitha għax kienet persuna ta’ qalb kbira, qalb ġeneruża. U jqabbilha mal-oħrajn, li tefgħu miż-żejjed tagħhom. Altru titfa’ miż-żejjed, qisek ma tħossux dak li qed titfa’, u altru bħal din il-mara li tefgħet tassew xi ħaġa kbira għax hi kienet fqira.
Alla jara l-qalb, u Alla japprezza qalb sinċiera, bħalma kienet il-qalb ta’ din l-armla fqira.
Ġesù jgħidilna xi ħaġa importanti ħafna: li Alla jara l-qalb. Lil Alla ma jimpressjonahx dak li jidher. Jekk tħares minn barra u tara l-ammont tal-flus, qisek timpressjona ruħek b’dak li jidher. Imma Alla ma jħarisx lejn dak li jidher minn barra biss. Alla jara l-qalb, u Alla japprezza qalb sinċiera, bħalma kienet il-qalb ta’ din l-armla fqira. Fl-Ittra lil-Lhud hemm miktub hekk: “Xejn ma hemm fil-ħolqien li hu moħbi għalih, imma kollox hu miftuħ għal għajnejn Alla, li lilu rridu nagħtu kont (Lhud 4:13). Għal Alla xejn mhu moħbi minn dak li hemm fil-qiegħ tal-qalb tagħna. Għalhekk, eżatt qabel dan ir-rakkont insibu lil Ġesù li jgħid: iftħu għajnejkom minn dawk li minn barra jagħmlu ħafna xeni, anke f’affarijiet reliġjużi, imma qed jagħmlu dak li jagħmlu biex jidhru quddiem in-nies. Iftħu għajnejkom. Hawnhekk qed jurina li hu jara l-qalb, mhux biss dak li jidher minn barra.
Għalhekk il-Kelma ta’ Alla qed tħeġġiġna l-ewwel nett biex ikollna qalb sinċiera: li nagħmlu ma nagħmluhx biex nidhru, biex nimpressjonaw, imma nagħmluh tassew għall-glorja ta’ Alla u għall-ġid tal-oħrajn. Qalb sinċiera, u wkoll qalb ġeneruża. Li nkunu ġenerużi, bħalma kien Ġesù, kif uriena f’ħajtu. Hu li hu l-milja tal-ġenerożità: ta ħajtu għalina biex isalvana. Jekk irridu tassew nixbhuh, nistgħu nixbhuh ħafna fil-ġenerożità.
Nitolbu lill-Mulej biex jgħinna ħalli jkollna dejjem din il-qalb sinċiera: la nagħmlu aħna biex nidhru, u lanqas nimpressjonaw ruħna b’dak li jidher minn barra, sempliċiment ikun faċċata. U nitolbu wkoll lill-Mulej biex jagħtina qalb ġeneruża ħa nkunu tassew nixbhuh.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju