L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Ġesù jagħtina tixbiha, parabbola b’għan speċifiku qawwi, li ried jurina li għandna dejjem nitolbu bla ma naqtgħu. It-talb hu atteġġjament li għandna lejn Alla li aħna nidraw ngħixu fil-preżenza tiegħu, li niddjalogaw miegħu. Allura nħossu fuqna l-ħarsa tiegħu imma wkoll inħalluh ikellem lil qalbna.
Tant hu hekk li fl-eżempju li jġib Ġesù jitkellem dwar imħallef li tilef il-biża’ minn Alla. Alla għalih – bħalma kien iħobb jgħid San Ġorġ Preca – hu żero kbir. ‘Alla? U dak affarijiet tat-tfal, dak konna nemmnuhom biex nagħmlu l-preċett u forsi l-griżma.’ Dan l-imħallef li Ġesù jsejjaħlu ‘inġust’ l-ewwel li jitlef hu r-relazzjoni tiegħu ma’ Alla. Allura jitlef ukoll is-sens li d-dinjità tal-bniedem mhix ġejja la mill-biċċiet tal-karti, li nsejħulhom il-kostituzzjonijiet u la mil-liġijiet u lanqas mir-rieda ta’ min jaħkem, imma ġejja mix-xbieha ta’ Alla li hemm fina. Id-dinjità ta’ kull wieħed u waħda minna mhijiex mogħtija mill-istat imma mill-Ħallieq tagħna.
Min jitlef is-sens ta’ Alla mingħajr ma jrid jitlef ukoll is-sens tal-bniedem. U għalhekk Ġesù jgħid: “Kien hemm f’belt wieħed imħallef, la kien jibża’ minn Alla u lanqas iħabbel rasu minn ħadd” (Lq 18:2). Għalih in-nies saru numru jew nemus, biex ma ngħidux affarijiet oħra li nħobbu nużaw aħna wkoll b’disprezz għal xulxin. Imma “kien hemm armla” (Lq 18:3).
Fi żmien Ġesù l-armla kienet waħda minn dawk il-fqar nett. Jiena meta nisma’ lil Ġesù jitkellem fuq ir-romol, b’mod speċjali in-nisa romol, nimmaġinah mill-ewwel jaħseb f’ommu għax it-tradizzjoni qawwija tal-Knisja tgħidilna li meta telaq ta’ 30 sena, ommu kienet armla, Ġużeppi kien miet, u allura fdaha fil-familja l-kbira. Ommu kienet armla. U Ġesù meta jsemmi l-armla bħalma meta jiltaqa’ ma l-armla ta’ Najm, l-armla li tagħti żewġ muniti fit-tempju, nimmaġinah li l-qalb tiegħu tiftakar mill-ewwel fil-mamà tiegħu, li ħalla Nazaret.
Min jitlef is-sens ta’ Alla mingħajr ma jrid jitlef ukoll is-sens tal-bniedem.
Imma din l-armla kellha l-insistenza ta’ min verament għandu għatx kbir għall-ġustizzja. “Agħmilli ħaqq, agħmilli ġustizzja” (Lq 18:3). Għall-ewwel l-imħallef ma jagħtix kas għax la ma jagħtix kas lil Alla, mhux se jagħti kas il-bnedmin. Imma ħin minnhom jgħid: “Din se tkompli tifnini. Aħjar nara x’se nagħmel” (ara Lq 18:5). Kultant jiġri hekk ukoll fir-relazzjoni tagħna l-bnedmin. U allura donnu l-kelma ta’ Ġesù qed tagħmlilna kuraġġ biex meta nfittxu l-ġustizzja ma naqtgħux qalbna. Irridu nitgħallmu ftit mill-perseveranza, il-kuraġġ u l-qawwa ta’ din l-armla li ħin minnhom ħadet il-ġustizzja biex almenu ma tkomplix tifni lil min għandu l-poter.
U hawnhekk tiġi d-domanda li ħafna drabi hi sfida għall-fidi tagħna. Imma Alla fejn qiegħed? Meta ngħixu mumenti ta’ inġustizzja u donna l-kattiverja tal-bniedem tieħu over, Alla fejn qiegħed? Alla qed jismagħna? Din hi domanda li Ġesù stess jagħmel għax jifhem li hi domanda li tkiddna tassew. Imma jekk għandi l-għatx u l-ġuħ għall-ġustizzja bħalma kellha dik l-armla, allura Alla l-karba tiegħi ma jismagħhiex? U kemm se jdum ma jismagħha?
Ġesù qed jagħmlilna kuraġġ biex meta nfittxu l-ġustizzja ma naqtgħux qalbna.
Ġesù jassigurana li l-Mulej jisma’ t-talba tagħna. Forsi l-kategoriji tagħna ma jaqblux għax Alla ż-żmien tiegħu hu differenti minn tagħna; aħna nkejluh bl-arloġġi, Alla jkejlu b’mod differenti. Anke għaliex irid ukoll jinqeda bil-libertà tagħna biex jagħmel ġustizzja. U d-domanda tagħna, qabel nibdew ingergru ma’ Alla u nifnuh, hi: aħna qed nagħmlu l-parti tagħna? Jew minħabba s-silenzju, il-kompliċità, il-biża’ tagħna qed intellfu lil Alla milli jagħmel ġustizzja?
Ħin minnhom il-Papa jitkellem dwar San Ġużepp u jgħid: ‘intom taħsbu li Alla ddeċieda li jsalva lil ibnu hekk, bil-maġija? Le. Afda kollox f’idejn San Ġużepp.’ Kieku fi żmien San Ġużepp kien hemm xi ħaġa li tneħħilek l-uġigħ ta’ ras, kien ikollu jordna bil-kaxxi tant kellu taħbit biex isalva lil dat-tifel li ried joqtlu kulħadd. Kellu jmur refuġjat fl-Eġittu, imbagħad imur Nazaret biex jipproteġi lill-familja, jaħdem bl-għaraq ta’ ġbinu, isib mod kif jgħajjex fil-faqar lill-Iben ta’ Alla magħmul bniedem. Imma Alla jrid ukoll il-koperazzjoni tagħna biex jirrispondi għat-talb u l-karba tal-poplu tiegħu.
Id-domanda tagħna, qabel nibdew ingergru ma’ Alla u nifnuh, hi: aħna qed nagħmlu l-parti tagħna? Jew minħabba s-silenzju, il-kompliċità, il-biża’ tagħna qed intellfu lil Alla milli jagħmel ġustizzja?
L-Evanġelju tal-lum jispiċċa b’domanda mingħajr risposta: “Meta jiġi Ġesù fl-aħħar tad-dinja, se jsib il-fidi?” (Lq 18:8). U Ġesù l-Iben t’Alla magħmul bniedem għaliex ma jirrispondihiex din id-domanda? Għax did-domanda Ġesù jagħmilha, imma r-risposta tiddependi minni u minnek. Għax il-fidi hi risposta tiegħi għall-imħabba t’Alla għalija. Hi risposta libera, mhijiex sfurzata, mhux ta’ bilfors. Allura llum nitolbuh li nkunu parti minn din ir-risposta tal-fidi u għad-domanda tiegħu “meta se niġi jien, se nsib il-fidi” meta niġi biex niltaqa’ miegħek, se nsib fidi fik? X’se ngħidulu? Mulej, kattar il-fidi tagħna!
Kont qed nisma’ intervista ma’ persuna li llum iddikjarat lilha nfisha ħatja tal-qtil, tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Ħin minnhom qal li dak li għamel kien biss ‘business as usual’. Business as usual! Aħna qegħdin hawn, aħna min aħna, ta’ liema kulur aħna, ħa nitkellem ċar, biex l-assassinju tal-bnedmin qatt u qatt ma jkun business as usual.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Eż 17:8-13
Salm: 120 (121):1-2,3-4,5-6,7-8
Qari II: 2 Tim 3:14 – 4:2
L-Evanġelju: Lq 18:1-8