L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Ippermettuli naqsam magħkom ħsieb qasir u xi ħaġa li laqtitni fost dan il-qari li tkellem dwar l-aħħar mumenti tal-eżistenza, kemm ta’ kull bniedem kif ukoll tal-umanità u li huwa qari li jwassalna lejn tmiem is-sena meta mbagħad il-ġimgħa d-dieħla nibdew sena oħra, bl-Avvent. Aħna s-sena tibda mhux fl-1 ta’ Jannar, għalina bħala talb tal-Knisja imma tibda bl-Avvent, b’dak l-istaġun li jħejjina għall-Milied u qegħdin fl-aħħar ġranet ta’ din is-sena li se tispiċċa u l-qari jitkellem dwar l-aħħar żminijiet, l-aħħar mumenti.
Imma hemm dan is-salm responsorjali li għadna kemm qrajna, li għandu versett meħud mill-istess ktieb li semmalna xena kważi terribli tal-kastig tal-ħżiena u l-premju għat-tajbin: “Hienja dawk li kienu mistiedna għall-mejda tat-tieġ tal-Ħaruf” (Apok 19:9). Imma dina xi tfisser? Liema hija l-mejda tat-tieġ tal-Ħaruf? Propjament qed jirreferi għall-ġenna. Aħna għandna open invitation, l-aħwa, aħna jekk għandna post jistenniena huwa l-ġenna. Tgħidli: ‘m’iniex mgħaġġel’, lanqas jien m’iniex mgħaġġel. Imma intom tafu wkoll li l-Mulej qalilna: “Jiġi fuqna bħal ħalliel,” l-aħwa. Tajjeb inkunu ppreparati. Tgħidli: ‘Kif?’ Nistaqsi lili nnifsi u nistiednek tagħmel mistoqsija fil-qalb tiegħek, ħija l-għażiż, oħti l-għażiża. Jiena qed ngħix fl-imħabba lejja nnifsi, lejn il-proxxmu, lejn marti min hu miżżewweġ, lejn żewġi? Tifhmuni intom. U lejn Alla, lejn il-proxxmu, qiegħed ngħix fl-imħabba?
Imbagħad hemm festa li aħna nagħmlu f’kull quddiesa; dina wkoll hija l-mejda tat-tieġ tal-Ħaruf għax minn hawn aħna ningħaqdu mal-ġenna. Meta aħna nitolbu għal ħutna l-mejtin waqt il-quddiesa qed nagħmlu att ta’ fidi ‘fix-xirka tal-qaddisin, fil-qawma mill-imwiet, fil-ħajja ta’ dejjem’ kif ngħidu fil-Kredu. Meta jmutlek xi ħadd għażiż, jew sieħbek tax-xogħol il-ħajja tieħu togħma differenti. Il-mistoqsija tiġi fuqek, jekk mhux f’fommna fil-qalb tagħna: għaliex hu, mhux jien? U allura kemm hi ħaġa sabiħa li napprezzaw il-ħajja, l-aħwa. Jekk għandi bżonn nagħmel paċi ma’ xi ħadd, nagħmlu llum mhux għada, nistenna. Jekk hemm bżonn nuri l-imħabba tiegħi d-dar mal-ġenituri, mal-aħwa, mal-ġirien, ma’ sħabi tax-xogħol, issa l-mument, kuljum huwa prezzjuż. Qegħdin ngħixu fl-imħabba? “Hienja dawk li huma mistiedna għall-mejda tal-tieġ tal-Ħaruf”.
Jiena nitlob fuqkom il-protezzjoni ta’ Alla bħalma nitlob fuq il-ħaddiema kollha, Maltin u Għawdxin, il-protezzjoni tal-Mulej. Nitolbu wkoll għall-erwieħ ta’ dawk li mietu mewta vjolenti jew inkella mewta ta’ ħesrem speċjalment mewta fuq ix-xogħol.
Il-Mulej jagħtihom il-mistrieħ ta’ dejjem, id-dawl ta’ dejjem jiddi fuqhom, jistrieħu fis-sliem.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: IApok 18:1-2,21-23; 19:1-3,9a
Salm: 99 (100):2,3,4,5
L-Evanġelju: Lq 21:20-28