• L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

     


  • Il-Knisja Parrokkjali, is-Swatar

    12 ta’ April 2019

    M’ilux kont qed naqra deskrizzjoni tat-tbatija li għadda minnha Ġesù miktuba minn tabib li kellu esperjenza kbira fi sptar ġewwa l-Amerka. Dan it-tabib huwa espert fil-feriti li jiġu minn ħafna atti kriminali jew inkella inċidenti u jiddeskrivi xi tfisser pereżempju tagħraq l-għaraq tad-demm bħalma ġralu Ġesù fl-ort tal-Ġetsemani, jispjega wkoll it-tbatija tal-flaġellazzjoni u anke t-tbatija tal-Mulej Ġesù fil-kruċifissjoni.

    Jispjega li biex wieħed jitkellem waqt li huwa msallab irid jagħmel sforz enormi u għalhekk jispjega wkoll kif il-ftit kliem li qal Ġesù minn fuq is-salib u li għandna fl-Evanġelju, huma kollha espressjonijiet qosra  ħafna. “Hawn hi ommok […], hawn hu Ibnek” (Ġw 19:27).  Biex qal din il-frażi Ġesù bata ħafna hu u jipprova jerfa’ lilu nnifsu propju ’l fuq. B’saqajh marbuta mas-salib bl-imsiemer u fl-istess ħin jipprova jgħolli lilu nnifsu u jitkellem.

    Dawn iż-żewġ espressjonijiet, “hawn hi ommok, hawn hu ibnek,” jesprimu l-ewwel nett preokkupazzjoni kbira għal din l-armla ta’ Nazaret li tliet snin qabel kienet tilfet is-sapport tat-tifel tagħha mastrudaxxa, Ġesù, u allura kienet qed tiddependi ħafna fuq il-familja estiża. L-Evanġelju stess jgħid li ħdejn il-Madonna kien hemm oħtha, li tiġi z-zija ta’ Ġesù. Aħna ma tantx nirriflettu fuq iz-zijiet jew fuq in-nanniet ta’ Ġesù, imma ħdejn is-salib tiegħu kien hemm anke waħda miz-zijiet tiegħu: “Kien hemm ommu, oħt ommu” (Ġw 19:25). Din l-armla kellha l-familja tagħha u kellha oħtha żgur għax l-Evanġelju stess isemmihielna, għalkemm ma nafux x’kien jisimha. Imma Ġesù fil-preokkuppazzjoni tiegħu li issa din m’għandha lil ħadd għax l-uniku tifel li kellha msallab, ried jafdaha lil xi ħadd. Tgħidu: ‘Ma setax jgħid lil oħtha biex tieħu ħsiebha?’ X’inhi t-tifsira li Ġesù, għalkemm kien bi tbatija kbira, jafda lil ommu mhux lill-familja naturali tagħha imma lid-dixxipli? Huwa l-mod kif lil ommu jagħtiha rwol fil-familja ġdida li qiegħed waqqaf: il-familja Marjana. Qed jafdaha lid-dixxiplu u ma jgħidlux ‘ħu ħsiebha’ imma “din hija ommok”. Lil Marija ma jgħidilhiex: ‘Dan il-ħabib tiegħi, Ġwanni, se jieħu ħsiebek’ imma: “Dan hu ibnek”. Din il-familja ġdida li qed iwaqqaf Ġesù minn fuq is-salib mhijiex mibnija fuq ir-rabta tad-demm imma fuq id-dixxipulat, li wieħed ikun dixxiplu tal-Mulej.   

    Dan ifakkarna f’episodju ieħor meta Ġesù kien għadu jibda fil-missjoni tiegħu ta’ predikazzjoni, iterraq ’l hawn u ’l hemm fil-Palestina, fil-Lhudija u fil-Galilija u xi ħadd qallu: “Hawn ommok u ħutek ifittxuk” (Mk 3:32). Fl-Evanġelju ta’ San Mark, li huwa l-iżjed wieħed kultant qawwi fl-espressjoni tiegħu, insibu dettall u n-nies jgħidulna li kien wasal f’Nazaret l-għajdut li Ġesù tilef moħħu. Allura nifhmu li ommu, inkwetata għaliex it-tifel għandu bżonn l-għajnuna, tmur tfittxu u ma tmurx weħidha għax jekk tilef moħħu min jaf x’se jagħmlilha biex iġġibu lura d-dar. Allura tmur ma’ dawk li huma l-kuġini; l-Evanġelju jgħidilna “l-aħwa tiegħu”. Ġesù jinduna x’ġara u lil min qallu “hawn ommok u ħutek ġew ifittxuk” jgħidlhom: ‘Min huma ħuti, min hi ommi? Kull min jisma’ l-Kelma ta’ Alla u jagħmilha, dawn huma ommi u ħuti. Din hi l-familja ġdida tiegħi’ (ara Mk 3:33). Issa l-familja ġdida ta’ Ġesù mhijiex kwistjoni ta’ riti jew tradizzjoni imma li tisma’ l-Kelma ta’ Alla u tagħmilha.   

    Huwa tajjeb li aħna ngħoddu lilna nfusna Nsara, anzi Kattoliċi. Id-domanda li rridu nagħmlu f’din il-Ġimgħa Mqaddsa hija sempliċi imma impenjattiva. Jiena qiegħed nisma’ l-Kelma ta’ Alla? Jiena qiegħed inwettaqha? Din hija domanda li l-Mulej jagħmel lill-Knisja tiegħu, lill-familja tiegħu, għaliex aħna parti mill-familja tiegħu għaliex smajna l-Kelma tiegħu, nisimgħu l-Kelma tiegħu u nippruvaw inwettquha. Nafu kemm aħna dgħajfin, nafu kemm-il darba ma jirnexxilniex inwettqu l-Kelma tiegħu. Meta kultant naqra xi kummenti fuq il-medja, li aħna l-Maltin sirna professuri, tirrealizza li aħna għandna ħafna aggressività: kif nitkellmu fuq xulxin, il-kummenti fuq il-barranin, u kultant anke l-kummenti ta’ bejnietna. U inti tisma’ l-Kelma ta’ Ġesù u jgħidlek: ‘Aħfer, ħobb lill-għedewwa tiegħek, kont barrani u lqajtni’. Din hi l-Kelma tiegħu. Meta nagħmlu l-likes fuq Facebook x’valuri qegħdin inħaddnu? X’tip ta’ aggressività, ta’ razziżmu jew mibgħeda bejnietna? Qegħdin nisimgħu l-Kelma ta’ Alla u nagħmluha?   

    Ħafna drabi l-Kelma ta’ Alla ddejjaqna u tirritana għaliex tmur kontra l-istinti qawwija fina u anke kontra l-valuri tad-dinja li mhuma valuri xejn. Imma m’għandniex naqtgħu qalbna, għandna nduru lejn il- Mulej u ngħidulu: ‘Jiena dgħajjef’. Wara kollox fuq is-salib Ġesù ltaqa’ ma’ ħalliel li għaraf li l-Mulej kien bniedem ġust u qallu: “Mulej, ftakar fija meta tkun fis-saltna” (Lq 23:42). U fost il-ħafna kliem ta’ madwaru, Ġesù jgħidlu kelma li ħadd ma seta’ jgħidhielu. Forsi matul ħajtu sema biss kliem ta’ kundanna; bħalma min hu bbulljat u jisma’ biss min jikkritikah. Dan il-ħalliel x’aktarx f’ħajtu qatt ma sema’ kelma ta’ gratitudni. Fuq is-salib Ġesù jgħidlu: “Illum stess tkun miegħi l-ġenna” (Lq 23:43). U qabel ma miet il-ħalliel ikkundannat, imżebblah u umiljat, ikollu ċ-ċertezza li l-eternità hija tiegħu.

    Aħna ċ-ċertezza tagħna hi l-ħniena tal-Mulej. Id-duluri ta’ ommu, kif qrajna fis-Sekwenza, huma duluri ta’ omm li qed issir dixxiplu; kienet dixxiplu imma issa saret Omm il-Knisja, omm fil-familja tad-dixxipli. Aħna nduru f’riġlejn din il-mara, Marija ta’ Nazaret, u nitolbuha li tagħmel minna wkoll dixxipli li nisimgħu l-kelma ta’ Ġesù u nagħmluha.

    ✠ Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta

     

  • Aktar ritratti >>

     

  • Ritratti: knisja.mt/ritratti