-
-
L-Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
Knisja Arċipretali ta’ Ħad-Dingli
20 ta’ Awwissu 2017
Nixtieq nirringrazzja lill-Arċipriet tal-istedina biex inkun magħkom illum f’dan il-jum sabiħ tal-festa. Nixtieq ukoll nirringrazzja lil kull wieħed u waħda minnkom talli ġejtu dalgħodu. Hija ħaġa sabiħa li bħalma qegħdin nagħmlu, l-festa nibdewha billi niċċelebraw flimkien l-Ewkaristija. Insellem b’mod speċjali l-Onor. Ministru Ian Borg u b’mod speċjali wkoll lir-rispettabbli Sindku li jirrappreżenta lill-komunità ċivika kollha ta’ din il-lokalità tant għażiża ta’ Ħad-Dingli, lokalità tant antika fix-xhieda tal-fidi ta’ missierijietna.
X’qegħdin niċċelebraw dalgħodu, aħna u nkomplu dawn it-tmint ijiem ta’ bejn il-15 ta’ Awwissu u t-22 ta Awwissu? Inkomplu nirriflettu fuq il-misteru tal-Assunta, imma verament x’qegħdin niċċelebraw? L-ewwel nett qegħdin niċċelebraw avveniment li ġara’ fl-istorja. M’aħniex qegħdin niċċelebraw leġġenda, m’aħniex qegħdin niċċelebraw xi mit jew inkella xi rakkont bħal ta’ Adam u Eva. Daqskemm hu veru fl-istorja l-irxoxt tal-Iben, Ġesù ta’ Nazaret, hekk ukoll huwa vera fl-istorja l-irxoxt tal-Omm, Marija ta’ Nazaret.
Daqskemm hu veru fl-istorja l-irxoxt tal-Iben, Ġesù ta’ Nazaret, hekk ukoll huwa vera fl-istorja l-irxoxt tal-Omm, Marija ta’ Nazaret.
Hemm differenzi bejn l-irxoxt tal-Iben, li aħna nfakkru b’ferħ kbir fl-Għid il-Kbir, u l-irxoxt tal-Omm li aħna nfakkru fil-15 ta’ Awwissu u intom fil-Ħadd ta’ wara b’ferħ kbir. Għaliex? Għaliex l-Iben huwa l-Iben t’Alla magħmul bniedem, huwa Iben Marija, imma huwa l-Iben t’Alla magħmul bniedem. Mela għalkemm f’ċerti Ittri ta’ San Pawl insibu l-espressjoni “Alla qajjem lill-Ibnu mill-imwiet”, imma hija wkoll il-fidi tagħna li Ġesù qam mill-imwiet.
F’kapitlu 10 tal-Evanġelju ta’ San Ġwann, meta Ġesù jitkellem fuqu nnifsu bħala r-Ragħaj it-Tajjeb, jgħid “Ir-Ragħaj it-Tajjeb jagħti ħajtu għan-ngħaġ tiegħu”, u “jiena nagħtiha ħajti imma nerġa neħodha lura” (ara Ġw 10, 11.18). Meta fl-Evanġelju ta’ San Ġwann jitkellem fuq it-tempju u jgħidilhom: “Ħottu dan it-tempju u fi tlett ijiem nerġa’ ntellgħu” (Ġw 2, 19), l-Evanġelista jgħid “Kien qed jgħid fuq it-tempju tal-ġisem tiegħu”. Mela Ġesù stess jitkellem fuqu nnifsu u fuq il-qawwa li hemm fih innifsu li jirxoxta. Meta fuq it-Tabor tbiddel quddiem it-tliet xhieda, Pietru, Ġakbu u Ġwanni, u dawn mhux biss jissaħħru imma jitkexkxu quddiem il-glorja tiegħu, jgħidilhom, “Qumu, tibżgħux”. Huma u neżlin jgħidilhom, “Tgħidu xejn fuq dak li rajtu qabel ma’ Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet” (Mt 17, 7.9). Għaliex? Għaliex huwa fid-dawl tal-irxoxt tal-Għid il-Kbir li aħna nistgħu nifhmu l-glorja ta’ Ġesù u anke l-glorja tad-dixxipli tiegħu.
Fit-Tieni Qari llum, l-Appostlu Missierna spjegalna li dan huwa d-destin tagħna. Id-destin tagħna huwa li aħna, anke fil-ġisem tagħna, tintrebaħ il-mewt. Hu jgħid, “L-ewwel Kristu, imbagħad dawk li huma ta’ Kristu…imbagħad fl-aħħar l-Iben jagħti kollox lill-Missier wara li jkun rebaħ kull setgħa, wara li jkun rebaħ kull qawwa…u l-aħħar għadu li jintrebaħ huwa l-mewt” (ara 1Kor 15 23-24.26). Imma hemm dik in-nota “kulħadd skont kif imissu” (v.23).
Aħna qed niċċelebraw il-fidi, iċ-ċertezza fil-fidi, għax aħna ma konniex hemm, bħalma ma konniex hemm fil-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet. Allura aħna nissieħbu minn dik il-barka li qal Ġesù lil Tumas, dak li ma kienx jemmen ħafna, bħalna. Qallu: “ħenjin dawk li ma rawx u emmnu” (Ġw 20, 29). Aħna minn dawk. Din il-barka hija għalina wkoll, hija ta’ kull wieħed u waħda minna. Aħna ma rajniex, imma nemmnu. Din il-fidi għaddiet minn ġens għall-ieħor, minn missierijiet lil ulied tagħhom u lil ulied uliedhom.
Il-glorja tfisser dawl, tfisser ġisem li ma jbatix iżjed, tfisser ġisem li mhux soġġett għal-liġijiet fiżiċi imma huwa l-ġisem glorjuż.
X’inhi din il-fidi? Li wara li temmet il-ħajja ta’ Marija fuq din l-art, il-Mulej iddeċieda li ġisimha ma jarax it-taħsir. Tgħiduli, fejn mar il-ġisem tal-Madonna? Ġralu bħalma ġralu l-ġisem ta’ Binha fl-irxoxt. Beda jeżisti l-istess ġisem f’dimensjoni oħra li aħna nsejħulha d-dimensjoni tal-glorja. Il-glorja tfisser dawl, tfisser ġisem li ma jbagħtix iżjed, tfisser ġisem li mhux soġġett għal-liġijiet fiżiċi imma huwa l-ġisem glorjuż. Mhux kwistjoni li xi ħadd ra l-Madonna. Hemm leġġenda li tgħid li San Tumas ra lill-Madonna tiela’ s-sema, u aħna hekk inġibuha fl-ikonografija tagħna. Imma r-realtà hija li kienu jafu fejn poġġew il-ġisem tal-omm u wara tlett ijiem, it-tradizzjoni qawwija tgħid li fuq l-insistenza ta’ Tumas, meta fetħu l-qabar il-ġisem ma sabuħx. Għaliex l-avveniment huwa ħafna simili għall-esperjenza tal-irxoxt tal-Mulej Ġesù. Fit-tielet jum il-qabar instab vojt. Dak hu li raw id-dixxipli, raw il-qabar vojt. Id-dixxiplu l-maħbub “ra u emmen” (Ġw 20, 8).
Issa aħna, f’elfejn sena, għandna l-grazzja li ngħożżu diversi mumenti meta Sidtna Marija dehret lil xi dixxipli tal-Mulej. Imma aħna m’aħniex qed niċċelebraw lil xi Madonna tiela’ bħal bużżieqa s-sema sakemm tisparixxi. Aħna qegħdin niċċelebraw is-sejba tal-qabar vojt tagħha u l-fidi tagħna hi li l-ġisem tagħha midfun ma rax it-taħsir, u fl-irxoxt li ta binha u li se jagħti lilna ’l quddiem, il-ġisem tagħha sar ġisem glorjuż.
Aħna qegħdin niċċelebraw is-sejba tal-qabar vojt tagħha u l-fidi tagħna hi li l-ġisem tagħha midfun ma rax it-taħsir…il-ġisem tagħha sar ġisem glorjuż.
Imma dan għandu messaġġ għalina? Għax aħna nistgħu ngħidu li l-Madonna qalet, kif smajnieha fl-Evanġelju, “agħmel miegħi ħwejjeġ kbar. Kull nisel jibda jsejjaħli ħienja” (Lq 1, 48-49). U bir-raġun, għaliex hi, li l-Mulej ħarisha mit-taħsir tad-dnub fit-tnissil tagħha – u din festa kbira oħra li niċċelebraw fit-8 ta Diċembru ta’ kull sena, il-Kunċizzjoni Immakulata – il-Mulej ried li fil-mewt tagħha jħares il-ġisem tagħha mit-taħsir tal-qabar. Ħares lir-ruħ tagħha mit-taħsir tad-dnub fit-tnissil tagħha, u ħares lill-ġisem tagħha mit-taħsir tal-ġisem, mit-taħsir tal-mewt, hi u tgħaddi għall-ħajja ta’ dejjem.
U l-privileġġ tal-Madonna – għax tal-Madonna biss dan id-diskors – isir sinjal għalina, għax aħna l-ġisem tagħna jitħassar. Aħna nibku quddiem il-misteru tal-mewt bħalma nqumu b’doċċa kiesħa għar-realtà meta naraw l-iġsma tal-għeżież tagħna sottomessi għal-liġi tat-taħsir tal-mewt. Min irid ineħħi l-qżież jagħmel żjara ċ-ċimiterju. San Ġorġ Preca kien iħobb jirrepeti, ‘Il-kesħa tal-mewt tneħħi ħafna ksuħat’, għaliex inti tirrealizza li l-mewt ma tħares lejn wiċċ ħadd, la għandha età, u la għandha saħħa, taħsad u tħalli wied tad-dmugħ.
Ħares lir-ruħ tagħha mit-taħsir tad-dnub fit-tnissil tagħha, u ħares lill-ġisem tagħha mit-taħsir tal-ġisem, mit-taħsir tal-mewt, hi u tgħaddi għall-ħajja ta’ dejjem.
Imma llum, il-festa tal-Assunta tagħtina tama li mhuwiex dak l-aħħar diskors. Intom għandkom ċimiterju ħelu u sabiħ mhux il-bogħod minn hawn, fejn tidfnu lill-għeżież tagħkom. Imma dik mhux l-aħħar kelma; l-aħħar kelma huwa d-destin li fil-każ ta’ Marija seħħ mall-ewwel. Aħna rridu nistennew. San Pawl, l-Appostlu Missierna jgħid, “fit-tmiem, meta jasal it-tmiem”. Imma hija wkoll il-fidi tagħna. Aħna nemmnu fix-xirka tal-qaddisin, imma nemmnu wkoll fil-qawma mill-imwiet u fil-ħajja ta’ dejjem. Dan huwa d-destin tagħna. Destination heaven.
Tajjeb ngħidulu l-Mulej li m’aħniex mgħaġġlin. Jien kultant ngħidlu, ‘Meta trid imma m’inix mgħaġġel’. Tistgħu tgħidulu hekk, bil-permess tal-Isqof. Aħna nitolbu lil Santa Marija tinterċedi għalina. ‘Meta trid, imma m’aħniex mgħaġġlin’. U kultant iħenn għalina, jgħidilna: ‘Għad baqgħalek x’tagħmel purgatorju, xbin’. Mhux kulħadd l-istess. Imma aħna rridu nemmnu, b’mod speċjali min jibki t-telfa tal-qraba għeżież tiegħu, min hu mnikket għat-telfa tal-innoċenti. Issa dawk li mietu Barċellona għamlu xi ħaġa biex jiġrilhom hekk? Mhux vittmi innoċenti dawk? Filli qiegħed tgawdi vaganza u filli m’għandekx bżonn passaport, tispiċċa l-ġenna, b’ta’ fuqek senduqek, mingħajr avviż ta’ xejn.
San Ġorġ Preca kien iħobb jirrepeti, ‘Il-kesħa tal-mewt tneħħi ħafna ksuħat’
Quddiem il-qerda tal-mewt, Santa Marija tagħmlilna kuraġġ. L-ewwel nett tagħmlilna kuraġġ biex ħajjitna ngħixuha ta’ nies. Santa Marija mhux xi pillola li nieħu biex ninsa id-dmugħ ta’ din l-art, jew biex ma ngħix ħajti tajjeb. Il-festa ta’ Santa Marija tiġi biex tagħmilli kuraġġ ngħix ħajti ta’ nies, inkun ta’ servizz għall-komunità, naħdem għall-ġid komuni, nieħu paċenzja bil-vokazzjoni, kull wieħed skont il-vokazzjoni tiegħu: min hu missier, min hu raġel miżżewweġ, min omm, min mara miżżewġa… Mhux kollha vokazzjonjiet għall-paċenzja dawk? Mhux l-Arċipriet biss jieħu paċenzja, biex ma ngħidux l-Isqof, imma kulħadd. Hu li jagħti ħajtu jrid jitgħallem ukoll l-arti tal-paċenzja. U l-arti tal-paċenzja tagħmilna nies. Għax inti ġġorr is-salib tiegħek bħalma qal Ġesù, kuljum, bħalma għamlet Marija wara kollox.
Hi kellha l-mumenti tal-glorja imma kellha l-mumenti ta’ umiljazzjoni kbira. Tħabbat fuq il-bieb f’Betlehem, il-belt ta’ David u ta’ żewġha Ġużeppi, u m’hemmx post għalihom. Mhux umiljazzjoni dik? Qed tistenna tarbija biex titwieled. Mhux umiljazzjoni li jkollok tħalli art twelidek biex tmur l-Eġittu għax iridu joqtlulek it-tarbija tiegħek? Mhux umiljazzjoni li jiġu jgħidulek, ‘Isma’, it-tifel qed jitlef moħħu taf. Ara x’se tagħmel’ (ara Mk 3, 21). U marret tfittxu Kafarnahum għax qalulha li qed jiġġennen. Umbagħad ipoġġieha naqra f’postha meta jgħidilha: “Min huma ommi, min huma ħuti? Huma dawk li jisimgħu l-kelma t’Alla u jagħmluha” (ara vv. 33.35). U r-risposta ħaditha mingħand Binha stess u reġgħet lura Nazaret minn fejn ġiet.
Imma meta kellu bżonnha, meta kien minxur fuq is-salib, hi kienet hemm. Kienet hemm. Binha kkundannat bħala skjav, ikkundannat għall-eħrex mewt li setgħu jivvintaw ir-Rumani. Ħadd ma kien hemm ħlief hi, xi nisa twajba u Ġwanni, id-dixxiplu l-maħbub. U semgħet dik il-kelma, “Mara, hawn hu ibnek”. U Ġwanni sema’ l-kelma ta’ Ġesù, “Hawn hi ommok”. U minn dak il-ħin Ġwanni ħadha fid-dar tiegħu (ara Ġw 19, 26-27). Hi saret parti mill-household, mill-familja ta’ Ġwanni, għax Ġesù ma ridx iħħalieha waħidha. Imma kellha l-ferħ li tiltaqa’ ma’ binha rxuxtat. U kellha l-ferħ ukoll tirritorna mad-dixxipli li kienu abbandunawh, titlob mal-Knisja kollha, u kienet xhud tal-inżul tal-Ispirtu s-Santu. Il-Madonna dejjem magħna biex tagħmlilna kuraġġ. Il-Madonna tifhimna għax għaddiet mit-tbatijiet li ngħaddu minnhom aħna, daqet il-morr, u aħna li ħa niċċelebrawha llum fil-glorja, nafu li hija l-omm tagħna, dejjem magħna.
Il-Madonna tifhimna għax għaddiet mit-tbatijiet li ngħaddu minnhom aħna, daqet il-morr, u aħna li ħa niċċelebrawha llum fil-glorja, nafu li hija l-omm tagħna, dejjem magħna.
Aħna nitolbuha għall-familji tagħna, għaż-żgħażagħ tagħna, nitolbuha għall-morda tagħna, inħossuha qrib tagħna. U nitolbuha biex id-destin sabiħ tal-irxoxt tagħha, Assunta fis-sema, li aħna niċċelebraw, ikun sinjal ta’ tama għalina mhux biex nabbandunaw l-impenn f’ħajjitna, anzi biex ngħixu ħajja ta’ nies u fl-istess ħin quddiem il-misteru tal-mewt li aħna se nduquh, anke bil-liġi tat-taħsir tal-ġisem, ma jaqtagħlniex qalbna, għax mhux l-aħħar kelma. “Fejn hi ja mewt in-niggieża tiegħek?” (1 Kor 15, 55.57).
Nirringrazzjaw lil Alla li tana r-rebħa f’Ibnu Ġesù Kristu, u nirringrazjawh talli f’Santa Marija tana sinjal sabiħ ta’ x’inhu d-destin tagħna. U meta tgħidu l-għajta sabiħa minn qalbkom, biex tifirħu bil-patruna għażiża tagħkom, ftakru li m’intomx qed tgħaddu lil uliedkom il-ħrejjef, imma qed tgħaddu tagħlim li l-għan tiegħu hu l-ħajja u l-ħajja fil-milja tagħħa. Viva Santa Marija!
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta