• Nhar it-Tnejn 29 ta’ Settembru 2014, ġiet iċċelebrata Quddiesa ta’ radd il-ħajr lil Alla, fil-Katidral tal-Imdina, fl-okkażjoni tal-40 anniversarju mill-ordinazzjoni episkopali tal-Arċisqof Emeritu, Mons. Ġużeppi Mercieca. Il-Quddiesa tmexxiet mill-Arċisqof Pawlu Cremona OP. In-Nunzju Appostoliku, Mons. Aldo Cavalli, l-Isqof Mario Grech, l-Isqof Awżiljarju Charles J. Scicluna u l-Isqof Joe Alessandro O.F.M. Kapp. ikkonċelebraw, filwaqt li l-Arċisqof Ġużeppi Mercieca assista matul il-Quddiesa.
     
    Għal din l-okkażjoni, l-Arċisqof Cremona, f’isem il-Knisja, ippreżenta donazzjoni ta’ flus b’risq il-fond ta’ karità ta’ Mons. Mercieca. Tul l-episkopat tiegħu, permezz ta’ dan il-fond, l-Arċisqof Mercieca għen persuni morda, familji fil-bżonn u diversi opri ta’ karità fl-artijiet tal-missjoni. L-Arċisqof Mercieca gie ppreżentat ukoll bi kwadru ta’ pittura tiegħu (portrait) mill-artist Għawdxi Manuel Farrugia. 

    Deskrizzjoni tal-pittura mill-artist Manuel Farrugia
    Il-pittura li hi żejt fuq tila turi lil Arċisqof Mercieca bilqiegħda fuq sedja jħares bi tbissima. Il-fiżjonomija tal-wiċċ mibnija fuq eta relattivament żgħira, bħal li kieku qiegħad fil-bidu ta’ l-episkopat tiegħu. Il-vestwarju tiegħu huwa wieħed ċerimonjali fejn jispikkaw l-Kuda kif ukoll l-ispellizza bil-bizzilla. Fl-isfont ta’ dan il-kwadtu tidher purtiera ħadra u veduta b’inzul x-xemx, fejn hawn l-artist ried jesprimi li fiż-żmien li tpitter dan il-kwadru kien diġa għadda ż-żmien tal-Ministeru Episkopali ta’ Monsinjur Mercieca, hekk fejn jissejjaħ Arċisqof Emeritu. Fil-kantuniera ta’ fuq in-naħa tax-xellug insibu l-Arma bil-motto tiegħu ” Ilkoll Aħwa fi Kristu”, fejn isfel insibu skrizzjoni bil-latin “Exc.Mus Ac Rev.Mus Joseph Mercieca, die 12 Decembris 1976 electus Archiep. Meliten qui per triginta annis placita Decreti Conciliii Oecumenici Vaticani II enixe curavit”. L-artist ħa  ħsieb li l-kompożizzjoni tkun trijanglolari u tkun mpittra b’element semi-modern biex juri iż-żmien li fija tpittret.

  • Ritratti: Photocity
    www.photocitymalta.com