-
-
Nhar il-Ħadd 8 ta’ Frar 2015, l-Isqof Charles J. Scicluna, Amministratur Appostoliku, iċċelebra quddiesa għall-koppji għarajjes li ser jiżżewġu matul din is-sena. Il-quddiesa ġiet iċċelebrata fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta, u ġiet organizzata mill-Moviment ta’ Kana.
L-Omelija tal-Isqof Charles J. Scicluna lill-Koppji Għarajjes
-
-
Għeżież għarajjes,
Nixtieq naqsam magħkom ħsieb qasir ispirat mis-silta tal-Vanġelu (Mk 1, 29-39) li għadna kemm smajna. Fl-ewwel kapitlu tal-Vanġelu ta’ San Mark, l-iqsar Vanġelu, naqraw kif il-Mulej beda jsieħeb miegħu l-ewwel grupp ta’ dixxipli: Ġwanni u Ġakbu li kienu aħwa sajjieda, u żewġt aħwa oħrajn li kienu sajjieda wkoll: Xmun, li mbagħad sejjaħlu Pietru, u Indrì. Dawn kienu l-ewwel dixxipli li Ġesù sab max-xatt tal-għadira ta’ Tiberijade, fejn kienet il-belt ta’ Kafarnaum. Ġesù ltaqa’ magħhom, ħares lejhom b’ħarsa li tinfed il-qalb u waslilhom stedina qasira imma profonda: ejjew warajja, ejjew warajja. Dawk telqu kollox, jgħid il-Vanġelu, u marru warajh. Telqu x-xbiek tagħhom, telqu l-għodda tas-sengħa tagħhom ta’ sajjieda, telqu kollox.
Nifhem li bħala ġuvni, ċerti affarijiet tkun liberu iżjed li tagħmilhom, iżda nafu li Xmun kien miżżewweġ, u nafu mill-Vanġelu tal-lum li f’daru kellu wkoll lil omm il-mara. Ejjew nidħlu ftit fis-sitwazzjoni ta’ dan Xmun. Sajjied, li qed jagħmel ix-xogħol tiegħu, jiltaqa’ ma’ mastrudaxxa ta’ tletin sena li jgħidlu: ejja, itlaq kollox, u ejja warajja. Tistgħu tippretendu li ta’ madwaru ma jgħidu xejn? Min jaf kemm mistoqsijiet. X’mort tagħmel? Dan x’jiġifieri taqbad u titlaq kollox, u tmur wara dan li ma nafux min hu?
U jidħol fix-xena Ġesù li jiddeċiedi li jmur għand din il-familja, imur fid-dar ta’ Pietru u f’din id-dar isib lil omm il-mara li tinsab marida, marida bid-deni. Niftakru li elfejn sena ilu d-deni kien jista’ wkoll jiftaħlek l-għatu tal-qabar. Ġesù lil din il-mara jaqbadha minn idejha u jfejjaqha. Imma l-iżjed verb importanti jirreferi għad-deċiżjoni ta’ din il-mara wara li ltaqgħet ma’ Ġesù: “u bdiet isservihom”. Iddeċidiet li hi wkoll tixtieq tkun parti mill-familja l-ġdida li sab Xmun, il-familja ta’ Ġesù. U jien nimmaġina lil din il-mara, li ma nafux x’kien jisimha, tmur fuq Xmun u, wara li wisq probabbli kissritlu rasu bit-tgergir għad-deċiżjoni tiegħu li jimxi wara Ġesù, tgħidlu: għamilt sew, għamilt sew li mxejt wara dan ir-raġel. U għaliex dan il-kambjament? Għaliex issa kienet għaddiet mill-esperjenza diretta tal-laqgħa tagħha mal-Imgħallem, ma’ dan il-mastrudaxxa minn Nażaret li fil-mument tad-dgħufija tagħha għenha u ħelisha u fejjaqha. Il-Mulej Ġesù jidħol f’din il-familja ta’ Xmun u jwassal il-fejqan.
Lil Xmun Ġesù kien talbu jitlaq kollox, imma f’dik it-talba l-Mulej ħa fuqu l-ħajja u r-responsabbiltà ta’ Xmun. U allura l-problema li kienet ta’ Xmun, issa saret il-problema ta’ Ġesù. Imma s-soluzzjoni li jagħti Ġesù ma setax jagħtiha Xmun qabel ma ltaqa’ ma’ Ġesù. Nimmaġina wkoll li din il-mara fehmet li Xmun kien għażel tajjeb u fehmet li l-Mulej Ġesù, għalkemm jaf jitlobna affarijiet li fil-loġika tad-dinja ma jagħmlux sens, jaf japprezza wkoll l-għażliet li nagħmlu meta nobduh u ma jħalliniex weħidna.
Għeżież koppji għarajjes, intom qegħdin fi preparazzjoni essenzjalment importanti fil-ħajja tagħkom: dik li taslu għas-sagrament taż-żwieġ. Intom tridu tifhmu li din l-għażla li se tagħmlu mhux biss hija għażla għal ħajjitkom kollha, imma hija wkoll għażla quddiem Ġesù. Ġesù qed jgħid lilkom ukoll: “ejjew warajja”, u qed jitlob minnkom ukoll li tagħlqu l-bieb għal tipijiet oħra ta’ relazzjonijiet u ta’ żwiġijiet. Illum, kif nafu, hemm ħafna tipi ta’ żwieġ: żwieġ għal żmien, żwieġ bejn mara u mara, jew raġel u raġel. Intom qed tagħmlu għażla u qed tagħmluha ma’ Ġesù. L-għażla tagħkom mhijiex għażla biss ta’ tip ta’ ċerimonja jew tieġ, għax dak huwa l-bidu. L-għażla tagħkom mhijiex għażla ritwali imma hija għażla ta’ żwieġ dejjiemi bejn raġel u mara miftuħ għad-don tal-ħajja.
Jiena mhux se noqgħod ngħidilkom biex ma tonfqux ħafna fit-tieġ tagħkom. Nifhem li kollox lest u programmat, imma kemm tkun ħaġa sabiħa li aħna l-Insara nagħtu xhieda wkoll fl-għażliet tagħna ta’ ħajja sobrija. X’jiġifieri sobrija? Tfisser mingħajr ħafna xinxilli żejda, li nagħmlu l-essenzjal, nagħmluh sew, imma ma tagħmilx ħajtek kollha tħallas it-tieġ.
Ftakru li intom għażiltu li tagħtu ħajjitkom lil persuna speċifika, għax dak huwa l-kunsens taż-żwieġ, mhijiex biss wegħda. Intom qed tagħtu ħajjitkom mingħajr ma titilfu l-individwalità tagħkom, mingħajr ma titilfu l-awtonomija tagħkom. Mhijiex skjavitù din li qed tiffirmaw għaliha, imma tifhmu wkoll li d-deċiżjonijiet tagħkom f’dawn ix-xhur qabel iż-żwieġ iridu jkunu dak li se tgħixu fiż-żwieġ. Ma tistax tgħid: imbagħad meta niżżewġu naraw! Le, issa tridu tibdew u naħseb li dan tagħmluh, u jalla qegħdin tagħmluh. Tiddeċiedu kuljum li tkunu fidili lejn xulxin, tiddeċiedu kuljum li fl-intimità ta’ bejnietkom tirrispettaw lil xulxin, tiddeċiedu kuljum li t-talb huwa wkoll xi ħaġa sabiħa li tagħmlu flimkien.
F’isem il-Mulej Ġesù nirringrazzjakom li għażiltu ż-żwieġ Nisrani. Jiena nitlob ħafna għalikom u nirringrazzjakom tad-deċiżjoni li għamiltu. Dan t’issa huwa mument importanti għalikom, u jien nitlob li jkun mument ta’ libertà. Agħżlu tajjeb, ifhmu x’se tkunu tagħmlu quddiem l-artal għax dakinhar jista’ jkollok wisq friefet, jew inkella tkun inkwetata għax xi ħaġa ma marritx tajjeb jew għax tkun ix-xita bħal-lum, imma d-deċiżjoni tiegħek trid tagħmilha meta għandek il-kwiet fil-qalb tiegħek. Jekk hemm xi ħaġa tinkwetak, issa l-mument li tara x’inhi. Jekk m’intix komdu, issa l-mument li tgħid m’iniex komdu. Però tibżgħux mid-deċiżjonijiet ibsin.
Imma fuq kollox, ħobbu tassew lil xulxin, sibu ħin għal xulxin. Id-dar tinbena, il-post jitbajjad, imma intom tridu tkunu preżenti għal xulxin. Naf li hemm affarijiet li għandkom bżonn tagħmlu, imma li qed ngħidilkom huwa: ħudu ħsieb li l-iżjed ħin essenzjali u importanti huwa dak il-ħin li tkunu flimkien. Jiena issa jkolli l-opportunità, wara l-quddiesa, insellem lilkom ilkoll personalment, imma minn issa se nawguralkom, f’isem il-Knisja: ħajja sabiħa, ħajja twila, ħajja qaddisa.
✝ Charles Jude Scicluna
Isqof titulari ta’ San Leone
Amministratur Appostoliku ta’ Malta -
-
Ritratti: Photocity, Valletta.
www.photocitymalta.com