L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Dehret il-grazzja ta’ Alla” (Tit 2:11). Dawn huma l-kliem tal-Appostlu Missierna San Pawl li jiġbru ċ-ċelebrazzjoni li qegħdin nagħmlu llum. Il-Milied dan hu. Imma meta ngħid il-kelma ‘grazzja’ xi tfisser?

Grazzja tfisser imħabba li ma titlob xejn lura, tfisser għożża u tenerezza, dak li aħna bil-Malti wkoll insejħulha ħlewwa. Illum dehret il-ħlewwa, it-tenerezza ta’ Alla. U s-sinjal jagħtihulna l-anġlu: “Issibu tarbija mfisqija u mimduda f’maxtura” (Lq 2:12). Aħna u nħarsu lejn it-tarbija ta’ Betlehem, iċ-ċkejken Ġesù, ejjew nifhmu li qegħdin inħarsu lejn Alla mħabba li sar bniedem. Ejjew inħarsu lejn ir-risposta ta’ Alla għal sitwazzjoni li għalina kienet bla tama.

Il-Papa Franġisku f’ittra sabiħa li kiteb fit-8 ta’ Diċembru li għadda dwar San Ġużepp, jgħid hekk: “L-istorja tas-salvazzjoni titwettaq ‘fit-tama kontra kull tama’ (ara Rum 4:18) permezz tad-dgħufijiet tagħna. Wisq drabi naħsbu li Alla jafda biss fil-parti t-tajba u rebbieħa tagħna,” qisna qegħdin f’xi tellieqa għal xi prize day “meta fir-realtà,” ikompli jgħid il-Papa, “il-biċċa l-kbira tal-pjanijiet tiegħu jitwettqu permezz u minkejja d-dgħufija tagħna… jeħtieġ nitgħallmu nilqgħu d-dgħufija tagħna b’tenerezza liema bħala” (Patris Corde, nru 2).

L-għadu tagħna, ix-Xitan, “il-Ħażin iġagħalna nħarsu b’ġudizzju negattiv lejn id-dgħufija tagħna, imma l-Ispirtu jixħet dawl ħelu fuqha. Hija l-ħlewwa l-aħjar mod kif immissu dak li hu dgħajjef fina. Is-saba’ ppuntat u l-ġudizzju li nużaw għall-oħrajn spiss huma sinjal tan-nuqqas ta’ ħila tagħna li nilqgħu fina l-istess dgħufija tagħna. Il-ħlewwa biss tista’ ssalvana mill-għemil tal-Akkużatur (ara Apok 12:10). Għalhekk hu importanti li niltaqgħu mal-Ħniena ta’ Alla, speċjalment fis-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni, u nagħmlu esperjenza tal-verità u l-ħlewwa” (Patris Corde, nru 2).

Il-Papa Franġisku jagħtina kelma ta’ kuraġġ u niftakru x’qal l-anġlu lir-ragħajja. Ir-ragħajja kienu kategorija mwarrba fis-soċjetà. L-anġli jidhru lir-ragħajja u quddiem il-preżenza tad-Divin, jibżgħu u l-anġlu jgħidlhom: “Tibżgħux, illum tweldilkom salvatur” (Lq 2:11). U dan is-salvatur ma ġiex bil-qawwa jew bl-arroganza tad-dinja, ġie tarbija, ismu Ġesù jfisser Alla jsalva. Il-ħlewwa mhijiex xi ħaġa romantika imma hija xi ħaġa konkreta.

Fl-ittra enċiklika tiegħu li nieda fit-3 ta’ Ottubru 2020 u li bdieha b’espressjoni sabiħa ta’ San Franġisk “Fratelli Tutti”, il-Papa jgħid li anke fil-ħajja soċjali hemm post għall-għożża u l-ħlewwa. Jgħid hekk: “anke fil-politika hemm wisa’ biex inħobbu bil-ħlewwa”.

Imma x’inhi din it-tenerezza, jgħid il-Papa. “Hi l-imħabba li toqrob u tista’ tmissha b’idejk. Hija ċaqliqa li titlaq mill-qalb u tasal fl-għajnejn, fil-widnejn, u fid-dirgħajn. Il-ħlewwa hi t-triq li mxew il-bnedmin l-iżjed qalbiena u qawwija. Qalb l-attività politika kollha, l-iżgħar, l-aktar dgħajfa u l-aktar foqra għandhom imissulna qalbna. Għandhom dritt li jirbħulna ruħna u qalbna. Iva, huma ħutna u għandna nħobbuhom u nitrattawhom bħala tali” (Fratelli Tutti nru194)

Wara kollox, illum twieled dak li meta jikber se nisimgħuh jgħid: “Kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u fil-ħabs u ġejtu żżuruni […]. Kulma għamiltu mal-iżgħar fost ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:35-36.40).

Meta nħarsu lejn dan il-għasel li llum infirex mad-dinja kollha kif illum kantajna fl-Uffiċċju tal-Qari, nifhmu li din il-ħlewwa hija stedina biex aħna wkoll nitrattaw lilna nfusna, lil xulxin, lill-istorja ta’ ħajjitna, l-istorja ta’ ħaddieħor bil-ħlewwa, bl-għożża, b’rispett, bil-maħfra, bil-mogħdrija. Mulej, għallimna nħarsu lejna nfusna u lejn xulxin kif tħares lejna int.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Iż 9:1-6
Salm: 95(96):1-2a,2b-3,11-12,13
Qari II: Tit 2:11-14
Evanġelju: Lq 2:1-14