L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Hija laqgħa sabiħa, din il-laqgħa li qed niċċelebraw illum, laqgħa ta’ koppja żagħżugħa u tarbija ta’ 40 jum, u żewġ persuni anzjani: Xmun u Anna. Hemm il-laqgħa ta’ diversi ġenerazzjonijiet. Il-familja ta’ Nazaret, ta’ Ġużeppi u Marija, jobdu l-liġi ta’ Mosè; smajna fl-ewwel qari l-għeruq ta’ din il-liġi, li kienet liġi li qed tiċċelebra l-ħelsien li jagħtina Alla. U bħala offerta ta’ dan il-ħelsien kull familja kienet tippreżenta l-ewwel tarbija lil Alla, bħala radd il-ħajr tad-don tal-ulied imma wkoll bħala turija tal-fatt li l-ħajja hi don ta’ Alla, u li aħna nirċevuh mingħand Alla. Alla hu sid il-ħajja. Ir-rit tal-preżentazzjoni ta’ din it-tarbija fit-tempju għandu dan is-sinifikat profond. Anke l-familja ta’ Nazaret, bil-vjaġġ tagħha lejn Ġerusalemm, u bil-fatt li obdiet il-liġi ta’ Mosè, qed tirrikonoxxi li Alla hu Alla sid il-ħajja u li d-don tal-ħajja ġdida ġej mingħandu.

Kif ukoll jagħmel Xmun, li fl-għerf tiegħu jħalli lilu nnifsu f’idejn Alla imma jgħidlu: “Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek, imur fis-sliem, skont kelmtek” (Lq 2:29). Anke Xmun qed jirrikonoxxi li mhux biss il-bidu tal-ħajja, imma anke t-tmiem tal-ħajja hu f’idejn Alla: “Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek, imur fis-sliem, skont kelmtek” (Lq 2:29). U għaliex? “Għax għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek” (Lq 2:30). U x’kien qed jara Xmun meta qal hekk? Kien qed jara tarbija ta’ familja fqira. Fejn nafu li din il-familja rżina, li aħna nqimu, kienet fqira? Għaliex il-liġi ta’ Mosé kienet tgħid, li kont tifdi l-ewwel iben, bl-għotja ta’ ħaruf; imma min ma kellux biex jixtri ħaruf, seta’ joffri żewġ bċieċen. U din hi l-offerta li tissemma meta Marija u Ġużeppi jmorru fit-tempju ta’ Ġerusalemm, l-offerta tal-iżjed fqar. Wara kollox din il-familja ppreżentat bħala fidja għat-tifel, żewġ bċieċen jew par gamiem; imma f’idejhom huma jippreżentawh lit-tempju, kellhom l-Iben ta’ Alla, “l-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnub tad-dinja”. (Ġw 1:29)

Hu u jħares lejn din it-tarbija, Xmun, bniedem ta’ fidi, li jaf li l-ħajja tiġi minn Alla, u meta tintemm f’idejn Alla, jagħraf is-salvazzjoni, “dawl biex idawwal il-ġnus, u glorja tal-poplu tiegħek Iżrael” (Lq 2:32). Jagħraf ukoll imma “sinjal li jmeruh” (Lq 2:34). Hekk jgħidilha lil ommu: “Dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Iżrael; se jkun sinjal li jmerruh” (Lq 2:34).

U waqt li aħna qed intemmu l-istaġun tal-Milied, din il-festa tal-Gandlora, tal-Preżentazzjoni tal-Mulej fit-tempju meta kellu 40 jum; diġà bdejna nħarsu lejn il-mument, meta aħna l-bnedmin se niċħduh, se nmerruh. U lil Marija javżaha li se tkun id-Duluri: “U inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek!” (Lq 2:35). Minn din l-espressjoni ta’ Xmun, kif nafu aħna meta nqimu lil Marija Addolorata, inqimuha wkoll bix-xbieha ta’ omm minfuda b’sejf. Ġejja minn din il-frażi li juża Xmun, u li l-omm semgħet din il-frażi, meta tarbija kellha biss 40 jum. Ta’ 40 jum il-Madonna semgħet kelma ta’ faraġ għax it-tifel hu dawl tal-ġnus; imma wkoll kelma ta’ niket: “dan se jkun sinjal li jmeruh, u inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek!” (Lq 2:34-35).

B’xi mod dan id-djalogu bejn dawn il-persuni, bejn il-ġenerazzjonijiet, hemm ukoll l-inżul u t-tlajja’ tal-ħajja. Ġesù, verament hu d-dawl tal-ġnus imma jiddependi minna jekk nilqgħuhx jew le. Il-Kelma ta’ Alla stess illum tgħidilna li hemm iċ-ċans li mmerruh; kultant immerruh għax il-Kelma tiegħu ma togħġobniex; kultant immeruh għax lil Alla ma nqimuhx bħala Sid il-ħajja, la fil-bidu, u lanqas fit-tmiem.

Anna bint Fanwel, tirrealizza li fit-tempju wasal l-Iben ta’ Alla. “Dak il-ħin stess, bdiet trodd ħajr lil Alla u titkellem fuq it-tarbija ma’ dawk kollha li kienu jistennew il-fidwa ta’ Ġerusalemm” (Lq 2:38). Din il-mara anzjana, li romlot żgħira, “ma kienet qatt titwarrab mit-tempju, lejl u nhar taqdi lil Alla fis-sawm u t-talb” (Lq 2:37); għandha dawl speċjali, tagħraf din it-tarbija ta’ familja fqira minn Nazaret, dak li għandu jġib il-fidwa għall-Ġerusalemm.

Il-familja ta’ Nazaret tirritorna lejn ir-raħal tagħhom. “It-tifel baqa’ jikber u jissaħħaħ, mimli bl-għerf. U l-grazzja ta’ Alla kienet fuqu” (Lq 2:40). U permezz ta’ Ġesù, il-grazzja ta’ Alla hi fuq kull wieħed u waħda minna. Minn hawn, minn Sir Anthony Mamo Oncology Centre (SAMOC), nixtieq insellem lill-morda kollha tagħna; imma anke min jieħu ħsiebhom. Ħadt pjaċir ninnota, li l-Papa Franġisku meta ħabbar l-induleġnza tal-Ġublew, jiġifieri l-maħfra tat-tpattija kollha ta’ dnubietna, ta din il-grazzja lill-morda kollha tagħna. Imma mhux biss! Anki lil dawk kollha li jieħdu ħsiebhom.

Illum, li qed niċċelebraw il-Ġublew tar-Reliġjużi, insellem lil Patri Mario, li qed jagħti ħajtu hawnhekk fis-servizz pastorali għall-morda tagħna fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija. Miegħu nsellmu lir-reliġjużi kollha ta’ Malta u Għawdex, tad-dinja kollha. Tradizzjonalment, it-2 ta’ Frar hu ddedikat lil dawk il-persuni li Alla sejħilhom biex ikunu kkonsagrati fil-magħmudija, b’mod speċjali, totalment mogħtija għall-ħajja tal-Evanġelju, għax-xhieda tal-Evanġelju, u għall-qadi tal-poplu ta’ Alla. Imma waqt li nsellmu lir-reliġjużi, nsellmu lill-morda tagħna. Il-Papa jixtieq li l-morda tagħna jkollhom ukoll f’din is-sena tal-Ġublew il-grazzja sħiħa ta’ dan il-Ġublew, minn fuq is-sodda tagħhom, mis-sala fejn qegħdin; u magħhom kull min jieħu ħsiebhom.

Jalla l-Mulej f’din is-sena ta’ grazzja jkun għalina dawl, ikun għalina glorja. Jekk aħna xi darba merejnieh, ikun għalina maħfra; jekk aħna lil ommu xi darba niffidnieha bis-sejf tad-dulur, għax maqdarna lilha jew lil Binha, ejjew nieħdu wkoll il-grazzja tal-ħarsa ħanina tagħha, kif ngħidu fis-Salve Reġina. Il-ħarsa tal-Omm, tkun dik li twassalna lejn dik it-tarbija li llum, qiegħda ġġorr fi ħdanha, hi u tippreżenta lill-Mulej fit-tempju.           

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Mal 3:1-4
Salm: 23:7-10
Qari II: Lhud 2:14-18
L-Evanġelju: Lq 2:22-40

Aktar ritratti