L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
“M’għandhomx inbid” (Ġw 2:3). Din il-kelma ta’ Marija lil Ġesù tirreferi għal sitwazzjoni konkreta, waqt tieġ, waqt festa ta’ mħabba u ferħ. L-inbid, skont is-Salm 103, huwa dak li jferraħ qalb il-bniedem” (103:15). Il-ħsieb tagħna malajr imur lejn l-inbid bħala l-element li fil-ħajja tagħna jġib il-ferħ. Naqashom il-ferħ mhux biss għax l-għarus u l-għarusa kienu inkwetati li ma jistgħux jitrattaw il-mistednin bir-rispett li jistħoqqilhom — fosthom kien hemm Marija u Ġesù li stieden miegħu d-dixxipli wkoll — imma għaliex din li tgħid il-Madonna tista’ wkoll tirreferi għal tant sitwazzjonijiet fil-ħajja tagħna li donnhom ma baqgħalhomx sens jew huma kawża ta’ pietà. Ilkoll kemm aħna għandna għatx kbir għall-hena u l-ferħ.
Ġesù jifhem li trid tasal is-siegħa tiegħu biex ikun jista’ jassigurana dik il-kelma li jgħid lejn l-aħħar ta’ ħajtu fuq l-art: “Nagħtikom il-ferħ, mhux bħalma tagħtihulkom id-dinja; nagħtihulkom flimkien mas-sliem” (Ġw 14:27). Għax is-sliem huwa t-tislima ta’ Kristu Rxoxt. Imma Marija tgħidilna kelma għażiża, dik li qalet lill-qaddejja: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu” (Ġw 2:5).
Meta jimmedita fuq dan l-Evanġelju, il-Papa Franġisku jinnota kemm kienu kbar is-sitt ġarar tal-ħaġar li kienu hemm biex joffru l-ilma għall-purifikazzjoni, għall-ħasil. Hu jgħid li x’aktarx kien ilma tassew fqir, ilma li jintuża għall-ħasil, mhux biex jinxtorob, u kien bl-abbundanza. Il-Mulej jbiddel dan l-ilma fqir f’inbid mill-ifjen u bl-abbundanza għaliex il-kelma tiegħu hija li jimlew dawn il-ġarar bl-ilma. U huma mlewhom sax-xifer. Kull waħda minnhom kienet tesa’ 100 jew 120 litru. L-inbid li joffri Ġesù, il-ferħ li joffri Ġesù, huwa tassew tajjeb: “Int l-inbid it-tajjeb erfajtu sa issa” (Ġw 2:10).
Illum ejjew nitolbu lill-Madonna biex tinterċedi għalina, aħna li forsi għaddejjin minn mumenti diffiċli ta’ ansjetà. Nitolbu għall-istudenti tagħna li f’dawn ix-xhur kellhom jaddattaw ruħhom għal ċirkustanzi ġodda li fil-bidu ma kinux ippreparati għalihom, u li għandhom ħerqa kbira li jkunu flimkien fl-esperjenza sabiħa tal-iskola bħala komunità li tikber flimkien. Imma niftakru wkoll fl-oqsma edukativi kollha: mill-istudenti universitarji sat-tfal li qegħdin jibdew l-avventura tagħhom edukattiva.
Nitolbu l-interċessjoni ta’ Marija biex fejn hemm il-qtigħ il-qalb tagħtina l-faraġ, fejn hemm id-diqa tagħmlilna kuraġġ. Fl-istess ħin insellmu lil tant edukaturi li f’dawn ix-xhur għamlu sforz kontinwu u iżjed mis-soltu biex jiggarantixxu l-edukazzjoni taż-żgħażagħ tagħna. Ejjew nafdaw lill-istudenti tagħna, lill-edukaturi f’kull oqsma: mill-edukazzjoni terzjarja sal-primarja f’idejn Sidtna Marija. Il-ħarsa tagħha tinduna fejn hemm il-vojt, fejn hemm il-bżonn tal-ferħ u tal-paċi u tgħidilna: “Agħmlu kulma ma jgħidilkom hu” (Ġw 2:5). B’dawn il-kelmiet għeżież ta’ Marija, l-aħħar kelmiet tagħha fl-Evanġelji, għandna programm għal ħajjtina jekk nagħmlu dak li jgħidilna Ġesù. Il-ferħ ma jonqosx, l-inbid tal-festa hu assigurat.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta