Il-kumpanija kattolika tax-xandir ‘Radju Marija’ qed tkompli tikber madwar id-dinja. Issa dan ir-Radju hu preżenti f’54 pajjiż b’65 stazzjon b’lingwi differenti. Riċentament, il-katina kattolika intlaqgħet ukoll fl-Isvizzera, fis-Slovakkja u fl-Ukrajna. Kienu inkorporati wkoll fil-familja globali ta’ Radju Marija madwar id-dinja tliet stazzjonijiet fl-Istati Uniti tal-Amerika; wieħed f’Washington, l-ieħor f’Boston u ieħor f’Chicago għal dawk li jitkellmu bl-islien Taljan.
Iktar minn hekk, fi ħdan il-kampanja ‘Maqgħudin f’komunjoni’, li hu proġett tal-Familja Globali ta’ Radju Marija biex l-istazzjon jixtered fil-kontinent Afrikan, tħabbar li se tkun il-Cameroon li se jkollha l-istazzjon il-ġdid li jmiss f’din il-katina dinjija. Fl-Afrika, dan l-istazzjon diġa jinstema f’14-il pajjiż li huma Burkina Faso, Burundi, ir-Repubblika tal-Afrika Ċentrali, Congo-Brazzaville, Gabon, Kenya, Malawi, Mozambique, Rwanda, Sierra Leone, Tanzania, Togo, Uganda u ż-Żambja.
Komunikat minn Radju Marija jinnota li l-pjani għax-xandir mill-istazzjon kattoliku għandu jkun estiż għal 10 pajjiżi oħra fuq firxa ta’ sentejn.
Radju Marija twieled l-Italja fl-1987. Jattribwixxi t-tkabbir tiegħu għall-kollaborazzjoni ta’ madwar 400 persuna fit-taqsima Programmi u mat-3,000 voluntier fil-qasam tal-promozzjoni.