‘2012Lent’, eżerċizzju ġdid għal dan ir-Randan, se jiġi mniedi llum, it-Tlieta 28 ta’ Frar, ġewwa r-Residenza tal-Ġiżwiti, fl-Università ta’ Malta, fis-7:30pm. Din l-inizzjattiva tintroduċi d-dimensjoni tal-meżżi soċjali virtwali għar-rifflessjoni personali tar-Randan.
Illum huwa rikonoxxut li l-internet b’mod ġenerali, u l-hekk imsejjħa meżżi soċjali bħal Facebook u Twitter b’mod partikolari, saru parti mill-esperjenza ta’ kuljum tal-maġġoranza tan-nies, speċjalment taż-żgħażagħ.
‘2012Lent’ toffri gwida ġdida li tintegra d-dinamika u l-impatt ta’ dawn il-meżżi soċjali fit-tfittxija spiritwali li tkun qiegħda ssir matul iż-żmien tar-Randan.
Il-proġett huwa mmexxi mill-Irlandiż Piaras Jackson, fundatur tas-sit għat-talb SacredSpace, b’kollaborazzjoni maċ-Ċentru ta’ Spiritwalità Injazjana, il-Kappella tal-Università u KDŻ. ‘2012Lent’ tinstab fuq tlitt pjattaformi virtwali ewlenin: http://bit.ly/2012LentTumblr; http://bit.ly/2012LentFacebook; u @2012Lent fuq Twitter.